B'riferenza għall-perijodu 10 ta' Settembru, 1998 sal-31 ta' Ottubru, 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' ġarr ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: 1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; 2) lil min intalbu quotations; 3) kemm kienet kull quota; 4) min rebaħ il-kuntratt; 5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv: 6) fiex kienu jikkonsistu; u 7) kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li għall-perjodu msemmi ingħataw erba' ordnijiet għall-ġarr ta' għamara ta' uffiċini taħt forma ta' 'direct order' għar-raġunijiet segwenti:-
1. twaqqaf l-Uffiċċju tal-Ministeru
2. twaqqfu l-uffiċini ta' żewġ Segretarji Parlamentari fil-Berġa ta'
Aragona kif ukoll fil-bini tal-Kamra tad-Deputati.
3. l-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari u l-istaff tiegħu ġie trasferit
minn Palazzo Verdelin għal house of Catalunya.
Minħabba l-urġenza biex il-Ministeru jibda x-xogħol tiegħu ma kienx hemm żmien biex jintalbu kwotazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jippjana ġdid l-Ministeru biex il-proporzjon ta' ilma li m'hemmx kont tiegħu (unaccounted for water) jitnaqqas?
X'qiegħed isir fil-preżent?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija numru 839.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm pazjenti li jbatu mill-kondizzjoni Ichthyosis? Kemm minnhom huma: i) tfal; ii) adulti?
Tista' din il-kondizzjoni kronika tiġi nkluża f'Schedule V?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Skond il-Konsulenti u Tobba oħra li jaħdmu fid-Dipartiment tal-Ġilda, hemm sittax il-(16) pazjent adult li jbatu mill-kondizzjoni Ichthyosis filwaqt ukoll tlettax (13) pazjent żgħar li jbatu b'din l-istess marda.
It-talba biex din il-kondizzjoni tiġi nkluża f'Schedule V għad trid tigi studjata.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir id-dawl f'Paola Hill, Raħal Ġdid fejn kien sar il-proġett ta' ħdejn ir-roundabout ta' Sare'? Il-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid diġa' ħa ħsieb li jgħaddi l-pipes biex ma jkunx hemm problemi tat-traffiku?
Response (BONNICI, JOSEF)
Riċentement il-Korporazzjoni Enemalta ħadet ħsieb li jsir xogħol ta' manutenzjoni fl-inħawi msemmija fil-mistoqsija ta' l-Onor.Interpellant. L-Enemalta ma fadlilha l-ebda talba pendenti għal iktar dawl f'dawn l-inħawi.
Jista' l-Ministru jgħid meta kienet l-ogħla domanda għall-enerġija elettrika (maximum peak demand)? Jista' jgħid kemm kienet id-domanda f'din l-okkażjoni? Jista' jgħid f'liema ħin kienet din id-domanda? Kemm kienet is-surplus capacity dak inhar?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-għola domanda għall-enerġija elettrika (maximum peak demand) kienet il-Ġimgħa 13 ta' Jannar 1995 fis-7.00p.m.. Dakinhar id-domanda kienet ta' 321 megawatts u s-surplus capacity kienet ta 26 megawatts.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taħt id-dikasteru tiegħu li mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn ġew trasferiti: i) minn dipartiment għal ieħor fl-istess Ministeru; ii) minn dipartimenti f'Ministeru għal xi post ieħor li jaqgħu taħt Ministeri oħra? Jista', f'kull każ, il-Ministru jgħid minn fejn u għal fejn saru dawn it-trasferimenti u għal liema raġunijiet?
Response (ZAMMIT, NINU)
Mill-aħħar elezzjoni ġenerali 'il hawn, 31 impjegat ġew trasferiti minn Dipartiment għall-ieħor fl-istess Ministeru, filwaqt li 11 'il impjegat ġew trasferiti għal Dipartimenti li jaqgħu taħt Ministeri oħra. F'kull każ it-trasferimenti saru minħabba fl-eżiġenzi tas-servizz. Iktar dettalji qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taħt id-dikasteru tiegħu li mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali 'il hawn ġew trasferiti: i) minn dipartiment għal ieħor fl-istess Miniseru; ii) minn dipartimenti f'Ministeru għal xi post ieħor li jaqgħu taħt Ministeri oħra? Jista', f'kull każ, il-Ministru jgħid minn fejn u għal fejn saru dawn it-trasferimenti u għal liema raġunijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Mill-aħħar Elezzjoni Ġenerali sa l-4 ta' Novembru 1998 ġew trasferiti 52 impjegati li minnhom 50 ġo Dipartiment li jaqgħu f'dan il-Ministeru u 2 f'Ministeru ieħor. Min dawn it-52 impjegati 27 talbu li jiġu trasferiti huma stess waqt li l-bilanċ kienu trasferiti skond l-esiġenżi tas-Servizz. Listi ta'dawn it-trasferimenti qed jiġu mehmuża.
Minbarra dawn kien hemm 15 impjegat ieħor li talbu biex imorru fis-Segretarjat ta' Ministri u Segretarji Parlamentari oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taħt id-dikasteru tiegħu: i) każwali; u ii) bil-kuntratt u għal liema pożizzjonijiet f'kull każ?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm minn dawn ġie mitmum l-impjieg/ingaġġ tagħhom jew għalqilhom it-terminu u ma ġġedditx (inklużi dawk fuq bordijiet governattivi, parastatali jew ta' kull xejra oħra) mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?
Fil-każijiet kollha separatament, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġie mħallas kumpens, fejn applikabbli, lil dawk fuq imsemmija li ma baqgħux ingaġġati mill-Gvern preżenti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li fid-dikasteru tiegħi in-numru ta'
ħaddiema każwali huwa ta' tmienja u għoxrin u dawn kollha
jaħdmu bħala tajpisti waqt li n-numru ta' ħaddiema bil-
kuntratt huwa ta' tlett mija wieħed u sebgħin li l-
pożizzjonijiet tagħhom huwa kif hemm indikat fuq it-
tabelli li qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra. Dawn il-
ħaddiema kollha kien sarilhom il-kuntratt tagħhom qabel
il-5 ta' Settembru, 1998. Pero tlieta minnhom kellhom
il-kuntratt tagħhom imġedded wara l-5 ta' Settembru 1998,
peress li kien skadilhom.
Mill-5 ta' Settembru 1998 il hawn intemm l-ingaġġ skond
il-kuntratt ta' dsatax-il persuna li ħadd minnhom ma
tneħħa minn fuq xi bord. Minn dawn tlettax tħallsu
kumpens ta' sitt xhur paga, tnejn tħallsu kumpens ta'
tlett xhur paga u erbgħa ma tħallsu l-ebda kumpens dejjem
skond il-kuntratt li kellhom.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hemm ħaddiema taħt id-dikasteru tiegħu: i) każwali; u ii) bil-kuntratt u għal liema pożizzjonijiet f'kull każ?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm minn dawn ġie mitmum l-impjieg/ingaġġ tagħhom jew għalqilhom it-terminu u ma ġġedditx (inklużi dawk fuq bordijiet governattivi, parastatali jew ta' kull xejra oħra) mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?
Fil-każijiet kollha separatament, jista' l-Ministru jgħid kemm ġie mħallas kumpens fejn applikabbli lil dawk fuq imsemmija li ma baqgħux ingaġġati mill-Gvern preżenti?
Response (MARCO, GUIDO DE)
In-numru ta' impjegati każwali fil-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin fil-preżent huwa ta' sebgħa. Sitta huma fuq xogħol ta' skrivani filwaqt li waħda hija ħassiela.
Il-Kap tad-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea huwa impjegat b' kuntratt. Arranġamenti kuntrattwali jeżistu wkoll fil-kaz ta' disgħa Ambaxxaturi u żewġ Konslijiet Maltin.
Dawn l-individwi għadhom kollha fil-kariga, għalkemm l-offerta li għamlu uħud minn dawk li qedgħin bil-kuntratt li jirrżenjaw mill-post, kif tenuti li jaghmlu wara l-bidla fl-Amministrazzjoni, qiedgħa tiġi kkunsidrata.
Sadattant, mill-5 ta' Settembru 1998 ' il hawn, kellna kaz wieħed ta' Ambaxxatur (li mhux inkluż fil-figura mogħtija qabel) li volontarjament spiċċa mill-kariga tiegħu meta ntemmlu t-terminu fl-aħħar ta' Ottubru 1998. Ġiet aċċettata wkoll ir-riżenja ta' persuna li kienet impjegata bil-kuntratt bħala Sewwwieq Personali/Uffiċjal tas-Sigurta' mal-Ministru preċedenti, li spiċċa mill-impieg tiegħu b' seħħ mill-10 ta Settembru 1998. Fil-kaz ta' dan l-individwu, tħallsu l-benefiċċji kollha dovuti lill-persuna konċernata, skond il-provvedimenti tal-kuntratt li kien iffirma mal-Ministeru u skond kif jipporvdu l-liġijiet industrijali ta' pajjiżna.
Jista' l-Ministru jgħid bejn l-1 ta' Novembru 1996 u l-aħħar ta' Awissu 1998 kemm saru ilmenti lill-Awtorita' tax-Xandir dwar il-PBS mill-Partit Nazzjonalista? F'kemm-il wieħed il-Partit Nazzjonalista ngħata raġun?
Fl-istess perjodi kemm saru ilmenti lill-Awtorita' tax-Xandir dwar il-PBS mill-Partit Laburista? F'kemm-il wieħed il-Partit Laburista ngħata raġun?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-perjodu bejn l-1 ta' Novembru 1996 u l-aħħar ta' Awissu 1998, l-Awtorita' tax-Xandir trattat 54 ilment dwar il-PBS. Il-Partit Nazzjonalista kellu 44 ilment, u l-Awtorita' sabet li 20 minnhom kienu ġustifikati, tnejn parzjalment.
Fl-istess perjodu, il-Partit Laburista kellu 10 ilmenti li minnhom tnejn kienu ġustifikati, wieħed parzjalment.
Jista' l-Ministru jara li l-Maltapost tikkonsidra li twaħħal letter box fl-inħawi ta' Triq il-Baħrija, Zabbar, minħabba li f'din l-area li tinkludi wkoll fost oħrajn Triq il-Kappuċċini m'hemmx letter box?
Billi dawn l-akkwati huma ferm abitati u billi din id-domanda qed issir f'isem diversi residenti, huwa possibbli li din it-talba tiġi kkonsidrata?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li peress li l-eqreb kaxxa taż l-ittri għal Triq il-Baħrija tinsab fi Triq Alessio Erardi, il-Kumpanija ma tarax il-ħtieġa li titwaħħal kaxxa ta' l-ittri fl-inħawi indikati.
Jista' l-Ministru jgħid x'servizzi qed joffri t-torri tal-Gharghur u liema istituzzjonijiet/organizzazzjonijiet qed jagħmlu użu minn dawn is-servizzi?
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni billi jgħid kull servizz min qed jagħmel użu minnu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandhom panelli mwaħħlin ma' l-arblu tal-Gharghur is-Super I TV u kemm minnhom qed jintużaw?
Jista' l-Gvern ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapport jew/u rapporti li għandu fuq il-possibbilta' li jitwaħħlu aktar panelli ma' dan l-arblu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Membru jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jikkonsulta mad-Direttur tan-Nursing u jikkonsidra li jalloka anaesthetic nurse speċifikament għal-labour theatre u l-gynae theatre?
Minħabba li fil-labour theatre isiru ta' kuljum għadd ta' ċesarji, fosthom emerġenzi, jaqbel il-Ministru li hemm bżonn ta' anaesthetic nurse f'dan il-post?
Billi s'issa f'dan it-theatre tmur nurse (mhux dejjem) minn theatres oħra, jaqbel il-Ministru li l-fatt li f'dawn iż-żewġ theatres ikun hemm anaesthetic nurse allokat hemm, jgħin biex dawn it-theatres jinżammu aktar equipped fejn tidħol l-anaesthesia?
Billi l-labour theatre hu post delikat għax ħafna drabi mil-lopju li qed tagħti jiddependu żewġ ħajjiet (omm u tarbija), jaqbel il-Ministru li jkun pass kbir 'il quddiem jekk f'dan il-post ikun hemm aneasthetic nurse tal-post, l-istess kif hemm scrub nurses tal-post?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-idea li jkollna Anaesthetic Nurse speċificament allokat kuljum bejn il-Labour Theatre u l-Gynae Theatre huma l-għan li lejħ qegħdin naħdmu għal-dan l-aħħar żmien. Kien għalhekk li tlabna biex in-numru ta' Anaesthetic Nurses għall-Operating Theatre Karen Grech jiżdied - dan bill l-coverage ta' dawn iz-żewgt theatres isir kważi dejjem minn hemmhekk.
Wieħed irid jinnota li mill-ewwel ta' Settembru sa issa allokati żewg nurses ġodda li għadhom qegħdin jieħdu t-training meħtiega wara jara l-potenzjal tagħhom f'dan il-mistier. Nispera li s-sitwazzjoni tkun differenti fi ftit żmien.
Nixtieq nenfasiżża li qatt u fl-ebda ħin ma kellna l-okkażżjoni li saret xi ċesarja mingħajr ma kien hemm preżenti l-Anaesthetic Nurse.
Għalkemm huwa fatt li ġieli kellna bżonn ingibu Anaesthetic Nurse minn Theatres oħra, dawn l-okkażjonijiet huma rari:
Wieħed irid jinnota li jkun hemm ġranet li ma jkollniex ċesarji u għalhekk is-sistema hi li meta jkollna iktar minn żewg ċesarji ppjanati nagħmlu arrengamenti biex ikun allokat Anaesthetic Nurse għal-Labour Theatre biss.
Naħa t'Isfel ta' Malta — Pjan ta' żvilupp soċjo-ekonomiku
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhu l-ħsieb tal-Gvern fir-rigward ta' l-implimentazzjoni tal-pjan ta' żvilupp soċjo-ekonomiku għan-naħa t'Isfel ta' Malta li Gvern Laburista kien ipprepara b'konsultazzjoni sħiħa mal-kunsilli lokali nvoluti?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qiegħda
ssir reviżjoni tal-pjanijiet kollha li kienu diġa
proġettati, inkluż dak li qed jirreferi għalih l-
Onorevoli Membru, bil-għan li jittieħdu d-deċiżjonijiet
meħtieġa dwarhom.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra f'liema pożizzjoni jinsab ir-restawr tal-proġett ta' Bighi ġewwa l-Kalkara li kien inbeda minn Gvern Nazzjonalista?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-restawr tal-proġett ta' Bighi ġewwa l-Kalkara bħalissa qed jiffoka fuq il-Palazz Ċentrali fejn hu maħsub illi jitwaqqaf Ċentru Nazzjonali tar-Restawr. Ix-xogħol f'dan il-Palazz qiegħed fi stadju avvanzat ħafna. Bini ieħor fi ħdan l-istess kumpless ser ikun restawrat fil-futur wara li jiġu kkunsidrati proposti relatati.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk hemmx ikkonsidrat u ppjanat sabiex fil-futur qarib isir ġnien pubbliku aħjar quddiem St Nicholas Married Quarters, sal-Mina ta' Santa Liena Bormla sabiex il-Bormliżi jkollhom ġnien denju ta' dak l-isem bħal dawk li hemm f'postijiet oħra bħal per eżempju f'Tas-Sliema?
Response (ZAMMIT, NINU)
Ninsab infurmat li kienu diġa ttieħdu inizjattivi sabiex ġiet studjata din il-possibilita minn Gvern Nazzjonalista preċdenti. L-idejat u l-proposti rigward dan il-ġnien kienu ġew mgħoddija lill-Kunsill Lokali ta Bormla li donnu għandu l-intenzjoni li tiġi żviluppata l-area magħrufa bħala l-Polverista għal għan li qed isemmi l-Onorevoli Interpellant. Dan għandu jiġi sottomess għall-inklużjoni fil-pjan li qed jifformula l-Gvern għall-iżvilupp tal-Kottonera.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra f'liema pożizzjoni ta' restawr jinsab l-Auberge de France ġewwa l-Birgu? Hemm il-ħsieb li dan il-post jinfetaħ għal pubbliku?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat illi sar xogħol ta' prijorita' li kien jikkonsisti f'tindif tal-Bini, tibdil ta' travi li kienu jinsabu f'qagħda perikoluża, xogħol tar-restawr tal-ġebla, kisi ta' soqfa u xogħol strutturali ieħor. Ix-xogħol sar mill-Cottonera Rehabilitation Project. Għadhom qed jiġu kkunsidrati proposti għal użu aħjar ta' dan il-Bini.
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra kemm hemm kotba għal użu u self tal-pubbliku ġewwa l-Auberge d'Angleterre ġewwa l-Birgu u kemm kotba ingħataw lil din il-librerija pubblika fl-1997 u s'issa, 1998?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-bidu tal-1997, in-numru ta' kotba fil-Librerija tal-Birgu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku kien jammonta għal 3,130. Matul is-sena msemmija ġew miżjuda 231 biex l-ammont tela' għal 3,361. S'issa sa l-aħħar ta' Ottubru 1998 ġew miżjuda 237 ktieb biex l-ammont totali s'issa jaqra 3,598.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kotba bil-lingwa Spanjola li nxtraw tul dawn l-aħħar ħames snin għal-libreriji pubbliċi u jekk kemm-il-darba kienx bord ad hoc li ħa d-deċiżjoni liema kotba partikolari jinxtraw?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li matul dawn l-aħħar ħames snin inxtraw 205 ktieb bil-lingwa Spanjola. Il-Kotba nxtraw fuq pariri ta' kumitat imwaqqaf apposta dwar is-selezzjoni u x-xiri tal-kotba.