Jista' l-Ministru jgħid meta x-xogħol mibdi fl-aħħar xhur fil-Qasam tal-Bini ta' Ħal Dmikki ġewwa Ħal Għaxaq jiġi fit-tmiem tiegħu u jitneħħa l-periklu maħluq minn ħofra kbira li ġiet imħaffra u mħollija miftuħa mingħajr ilqugħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ix-xogħol fuq l-iżvilupp ta' ġnien pubbliku fil-Housing Estates ta' Ħal-Dmikki Ħal-Għaxaq jinsab wieqaf għal żewġ raġunijiet. L-ewwelnett fejn tħaffret il-ħofra msemmija biex isir ġibjun, dieħel kwantita' ta' ilma aktarx ġej min xi 'main' ta' l-ilma. Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-ilma qed tinvestiga minn fejn ġej dan l-ilma. Problema oħra li qed iżżomm ix-xogħol hija l-pożizzjoni ta' arblu tad-dawl li jrid jitneħħa mill-Enemalta. Jien infurmat li l-Enemalta ser tagħmel dan ix-xogħol fil-jiem li ġejjin. Jidher ukoll li l-ilqugħ tal-ġebel li tħalla bħala protezzjoni ma' din il-ħofra ġie mitfugħ għal isfel minn vandali. Nittama li dawn il-problemi jissolvew fil-ġimgħat li ġejjin.
23.11.98
Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbidel il-wiċċ ta' Triq Valletta, fiż-Żurrieq?
Response (GALEA, ĊENSU)
Qed isir pjan bl-assistenza tal-Konsulenti Germanizi biex jiġi stabbilit pjan prijoritarju għal biex il-ħsarat bħal dawk fit-toroq arterjali jkunu jistgħu jiġu msewwija. Għalhekk ix-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant isir skond il-prijoritajiet ta` dan il-pjan.
Jista' l-Ministru jgħid meta Triq Ta' Ċiantar se titkompla u tiġi mnifda għal fuq dik ta' Bronja, fiż-Żurrieq?
Response (GALEA, ĊENSU)
It-triq imsemmija mill-Onor Interpellant trid tinfetah permezz ta` l-izvilupp li jkun qegħed isir mill-privat li jizviluppa l-artijiet li jagħtu għal din it-triq. Wara dan, iridu jiġu nstallati s-servizzi biex it-triq tkun tista' tiġi asfaltata.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li tinfetah Triq Redentur kantuniera ma' Triq it-Tut ġewwa Ħaż-Żabbar, fejn bħalissa hemm periklu serju għat-traffiku u għan-nies? Jista' l-Ministru jserrah moħħ in-nies li l-barambura li hemm fl-għalqa mhijiex se titmess?
Response (GALEA, ĊENSU)
Peress li jidher li din il-parti tat-triq għadha ma ġietx zviluppata u jkun hemm bzonn li tigi esproprijata, din il-parti privata msemmija mill-Onor. Interpellant, tajt strużżjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jikkon sidra aktar fir-reqqa dan is-suġġeriment.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'tibdil sar f'linji ġenerali, jekk fil-fatt sar, fir-relazzjonijiet bejn Malta u l-Libja matul l-Amministrazzjoni Laburista bejn l-1996 u l-1998?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Ma jirriżultalix li sar xi tibdil partikolari; naturalment l-istorja hi dinamika u l-politika trid dejjem tirrispondi għall-avvenimenti li jkunu qegħdin jiġru.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-kunsilli lokali jekk m'għandhomx diġa' poter hux se jkollhom biex irażżnu, iwaqqfu u, jekk ikun hemm bżonn, jippenalizzaw lil min iħammeġ l-ambjent fil-lokalita' tagħhom? Se jkunu jistgħu jieħdu passi kontra min, permezz tal-kelb tiegħu, iħammeġ quddiem jew ħdejn id-djar tan-nies?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bl-introduzzjoni
tad-devoluzzjoni ta' l-infurzar ta' ċerti liġijiet, il-
Kunsilli Lokali se jkollhom il-poter dirett biex irażżnu
kull tip ta' abbuż li jolqot ir-responsabbiltajiet u l-
funzjonijiet li ġew fdati lilhom inkluż dak li għalih
irrefera l-Onorevoli Membru.
Bl-istess devoluzzjoni l-Kunsilli Lokali se jkunu jistgħu
wkoll jinfurzaw direttament il-Bye-Laws, jiġifieri dawk
ir-regolamenti magħmula mill-Kunsilli Lokali u li
japplikaw biss fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom.
Jista' l-Ministru jagħti n-numru (i) ta' tobba barranin li qed jaħdmu bħalissa mad-Dipartiment tas-Saħħa; (ii) in-numru ta' nurses barranin li jinsabu jaħdmu mad-Dipartiment tas-Saħħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' tobba barranin li qed jaħdmu bħalissa mad-Diviżjoni tas-Saħħa huwa erba' u erbgħin (44) u dak ta' nfermiera barranin huwa sebgħa u ħamsin (57).
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar l-ispiża fuq mediċini (a) għall-inpatients u; (b) kumplament tan-nefqa fuq mediċini mill-1990 'l hawn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-flus li tħallsu għall-xiri ta' Mediċini mill-190 sal-lum kienu dawn:
Sena LM
1990 2,153,992
1991 2,549,423
1992 3,098,178
1993 2,929,474
1994 3,193,261
1995 4,042,432
1996 3,675,563
1997 7,105,794
1998* 5,642,019* perjodu ta' l-ewwel għaxar xhur tas-sena.
Dawn il-figuri hawn fuq mogħtija ikopru l-pagamenti fuq il-mediċini kollha. Dan peress li fil-preżent ma hemmx sistemi biex jiġu identifikati kemm kienet l-ispiża fuq mediċini (a) għall-inpatients u (b) l-kumplament.
Jista' l-Ministru jispjega għaliex mill-bidu ta' din is-sena skolastika mhux qed jingħata ħalib lill-istudenti ta' l-iskola Ġuże' Despott ta' Bormla? Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tibdil fil-policy normali f'dan ir-rigward? Jista' l-Ministru jaċċerta lill-Kamra li dan l-istat ta' fatt m'huwiex konness ma' l-appointment ta' imgħallem ġdid għal din l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti ta' l-iskola Ġużeppi Despott Boys' Junior Lyceum Verdala qed jingħataw ħalib. Ma kien hemm ebda tibdil fil-policy iżda kien hemm diffikultajiet ta' natura finanzjarja li qed jiġu konsidrati.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-persentaġġ ta' units ta' enerġija elettrika li joħorġu mill-power stations tal-pajjiż u li eventwalment ħadd ma jħallas għalihom (unaccounted for units)? X'qiegħed isir biex dan it-telf għall-kumpannija jonqos?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-Onorevoli Interpellant ma speċifikax għal liema perijodu qed jirreferi qed nagħti l-informazzjoni mitluba bejn l-1993 u l-1997.
1992 -93 19.64%
1993 -94 14.81%
1994 -95 17.26%
1995 -96 13.84%
1996 -97 14.00%
Bħalma wieħed jista` jinnota il-persentaġġ ta` l-`unaccounted for units` ivarja minn sena għal oħra.
Wieħed irid jifhem li kull sistema ta` l-elettriku għandha t-telf, pero` wieħed irid jammetti li t-telf f`pajjiżna huwa għoli meta imqabbel ma` pajjiżi oħra fl-Ewropa.
Minn studju li sar f`April 1998 mill-`Energie de France` rigward `Technical Losses` instab li dan ilaħħaq għal madwar ħamsa fil-mija li mhux persentaġġ -il bogħod minn dak ta` pajjiżi Ewropej. Għalhekk il-persentaġġ li baqa` huwa `non-technical losses` u huwa hawn fejn jista` jsir kontroll għax hawnhekk il-persentaġġ huwa għoli ħafna.
In-`non technical losses` huma riżultat ta` arloġġi weqfin, arloġġi jaħdmu bil-mod u serq ta` l-elettriku.
Billi hemm diskussjonijiet bejn l-Italja u l-Libja u l-Unjoni Ewropea dwar medda ta' gas pipeline li jista' jkun ta' interess u benefiċċju għall-qasam ta' l-enerġija f'pajjiżna, jista' l-Ministru jgħid jekk sarux jew kienx hemm xi attentat min-naħa tal-Gvern biex forsi Malta tkun tista' tkun kompliċi f'dan l-investiment?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-materja in kwistjoni għadha qed tiġi analizzata min-naħa tal-Gvern għadu prematur biex wieħed jagħti dettalji. Dawn id-dettalji jingħataw fi żmien opportun.
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra fiex wasal iċ-charter tal-konsumatur li kien qiegħed jiġi ppreparat u inizzjat mill-amministrazzjoni preċedenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Amministrazzjoni preċedenti qatt ma ippreparat jew inizzjat xi Charter tal-Konsumatur.