Legislature:
Category:
Reset
Active:

WSC — Kontijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu t-tħejjijiet sabiex jibdew jintbagħtu l-kontijiet tad-dawl u l-ilma u jgħid ukoll meta l-konsumaturi domestiċi se jirċievu l-ewwel kont?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta` l-Ilma u l-Korporazzjoni EneMalta bdew jaħdmu fuq il-ħruġ tal-kontijiet immedjatament wara li tħabbru t-tariffi l-ġodda. Qiegħed isir kull sforz biex dawn il-kontijiet jinħarġu fl-aqsar żmien possibbli.

Bank ta' l-Investiment Ewropew — Tneħħija tat-tariffa tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk matul il-perijodu mis-6 ta' Settembru, 1998 sal-lum kienx hemm xi diskussjonijiet mal-Bank ta' l-Investiment Ewropew rigward it-tneħħija tat-tariffa tad-drenaġġ u jekk l-istess bank ġiex informat b'din id-deċiżjoni?

Response (BONNICI, JOSEF)

Mis-6 ta` Settembru 1998 sal-lum, ma sarux diskussjonijiet bejn il-Ministeru u l-Bank ta` l-Investiment Ewropew in konnessjoni mat-tneħħija tat-tariffi tad-dranaġġ, u sal-lum m`hemmx ħtieġa li jinżammu tali diskussjonijiet stante l-fatt li t-tariffi tal-ilma kif imhabbra mill-Gvern waqt il-Konferenza stampa ta` nhar is-Sibt 21 ta` Novembru 1998 mogħtija mill-Prim Ministru, jinkludu dak kontemplat fil-ftehim li kien sar mal-European Investment Bank u cioe` f`paragrafu nru. 6.09 tal-istess ftehim, li kopja relattiva qed titpoġġja fuq il-mejda tal-kamra għas-sodisfazzjon tal-Onorevoli Interpellant.

Enemalta/WSC — Operat

Question

Jista' l-Ministru jispjega kif sejrin jiġu ffinalizzati l-operat tal-korporazzjonijiet Enemalta u ta' l-Ilma speċjalment f'dak li għandu x'jaqsam ma' spejjeż ta' produzzjoni, distribuzzjoni u amministrazzjoni wara r-reviżjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma? Jista' l-Ministru jgħid b'kemm se tiżdied is-subvention li jalloka l-gvern lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma wara li isir reviżjoni tat-tariffi?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-Onorevoli Interpellant japprezza li stante il-fatt illi għadhom qed jiġu finalizzati l-estimi relattivi, tali estimi għadhom mhux konklużi; madana kollu, l-informazzjoni mitluba ser tkun ippubblikata fl-Estimi taż-żewg Korporazzjonijiet.

Dawl/ilma — Reviżjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min għamel l-istudji neċessarji rigward ir-reviżjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma, jekk din il-persuna għandhiex xi konnessjoni mal-Korporazzjoni Enemalta u ta' l-Ilma u jekk fin-negattiv, min kienu l-uffiċjali taż-żewġ korporazzjonijiet li kienu mdaħħla fid-diskussjonijiet li saru rigward ir-reviżjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma? Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallset il-persuna li ħadmet fuq ir-reviżjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kien hemm diversi persuni, kemm fl-Enemalta kif ukoll fil-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, li ġew ikkonsultati biex jgħinu fl-istudji neċessarji dwar ir-reviżjoni tat-tariffi tal-ilma u l-elettriku. Jien infurmat li ħadd minn dawn il-persuni ma tħallas ta` dan l-istudju. Kien hemm ukoll persuna oħra li għenet f`dan l-eżerċizzju tat-tariffi u li bħalissa qed nikkunsidra nagħtihiex kuntratt ta` konsulenza ekonomika mal-Ministeru. Sa issa għadu ma sar l-ebda ħlas lil din il-persuna.

WSC/Enemalta — Simulation exercises

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istudju li sar kif ukoll is-simulation exercise in konnessjoni mar-reviżjoni tat-tariffi tad-dawl u l-ilma?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-Onorevoli Interpellant għandu jkun infurmat illi waqt il-konferenza stampa fuq ir-rati il-ġodda tad-dawl u l-ilma mogħtija mill-Prim Ministru nhar is-Sibt 21 ta` Novembru 1998, kienu tpoġġew għad-disposizzjoni tal-gurnalisti diversi `handouts`, dettaljati inklużi tabelli relattivi, in konnessjoni mar-reviżjoni tal-imsemmija tariffi.

Wied Inċita — Ġarr ta' ħamrija

Question

Jista' l-Ministru jagħti rendikont, xahar b'xahar mill-1 ta' Jannar 1998 sal-5 ta' Settembru 1998, ta' kemm-il vjaġġ ħamrija mill-masġar tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura f'Wied Inċita sar? B'kollox kemm-il jarda jew metru kubu ħamrija inġarret mill-masġar u għal liema destinazzjoni? Min kien il-kuntrattur li ttrasporta din il-ħamrija u kif intgħażel? Kemm tħallas/tħallsu b'kollox dan/dawn il-kuntrattur/i?

Response (ZAMMIT, NINU)

Mill-file tad-Dipartiment li jikkonċerna dan il-każ, huwa stmat li nġarrew madwar 27,609 jardi kubi ħamrija. għada qed issir verifikazzjoni tad-destinazzjoni ta' din il-ħamrija. Mis-sejħa għall-offerti ntgħażlu s-sur P. Camilleri (Mosta), s-sur V.Vella (Burmarrad) u s-sur T. Portelli (Rabat) għat-trasport ta' ħamrija u s-sur J.Borg (Rabat) għax-xogħol ta' gaffa, skond ir-risposta għall-quotations li kienu saru. Dawn l-offerti kienu l-orħos. Għalkemm ġew ippreżentati ħames kontijiet li jammontaw għal Lm11,795.50 għall-ġarr ta' ħamrija u żewġ kontijiet għal Lm4,131 għax-xogħol ta' gaffa, mhux ser isir ħlas qabel ma jkunu verifikati d-dettalji tax-xogħol kollu. Ma kienx hemm flus ivvotati għal dan il-għan. Għaldaqstant kull ħlas li għandu jsir wara il-verifikazzjjoni meħtieġa ikun jista' jsir biss mill-voti tas-sena d-dieħla. Din hija indikazzjoni li dan ix-xogħol kien eżerċizzju ta' propaganda ta' qabel l-elezzjoni.
Leg 9 PQ #1386 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: JASON AZZOPARDI To: Ministeru tas-Saħħa

Spiżerija tal-Gvern — Prodotti gluten free

Question

Jista' l-Ministru jagħti spjega għaliex pazjenti li jieħdu prodotti gluten free mill-Ispiżerija tal-Gvern tal-Mosta ilhom kważi xahrejn ma jingħatalhom il-ħobż li kienu qed jieħdu gluten free?

Response (DEGUARA, LOUIS)

In-nuqqas ta' hobż `Gluten Free' fl-ispiżerija tal-Gvern tal-Mosta ġiet kkawżata minn problema fil-kwalita' tal-prodotti meta waslet l-aħħar konsenja. Sakemm din is-sitwazzjoni tiġi rregolarizzata l-ispiżeriji tal-Gvern ingħatawlhom struzzjonijiet biex il-pazjenti ntitolati għall-prodotti `Gluten Free' jingħataw ammont ekwivalenti ta' dqiq 'Gluten Free'.
Leg 9 PQ #1399 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

MIA Baggage Handling Department — Sistema ta' ċirkolazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jiċċekkja jekk is-sistema ta' ċirkolazzjoni ta' l-arja fl-MIA Baggage Handling Department hijiex sodifaċenti għal saħħet dawk li jużawh inkluż il-ħaddiema u jekk le, xi pjanijiet hemm biex id-disinn jitjieb?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Kumpanija Malta Inernational Airport plc tikkonferma li s-sistema ta' ċirkolazzjoni ta' l-arja li titħaddem fl-ajruport hija sodisfaċenti għal saħħet dawk kollha li jużaw il-bini ta' l-ajruport internazzjonali ta' Malta, inklużi l-ħaddiema kollha. Ta' min jgħid, li kull meta kien hemm xi lment mill-ħaddiema, inklużi dawk li jaħdmu fil-Baggage Handling Department, dejjem ġew mistħarrġa u ttieħdu l-miżuri kollha li ġew irrakkomandati.
Leg 9 PQ #1400 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru għall-Ambjent

Lija/Balzan/B'Kara — Għargħar

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet għandu l-gvern fit-tul u fil-qasir biex jibda jissoljeva il-problemi tal-għargħar li hemm f'Ħal Lija, Ħal Balzan u partikolarment f'Birkirkara?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li għadu kif tlesta culvert ġo Triq Birbal, Ħal Balzan li jibda minn quddiem il-ġnien ta' San Anton sa Triq San Franġisk. Qiegħed isir ukoll manutenzjoni tas-sistemi ta' l-ilma tax-xita fil-lokalitajiet imsemmija, dawk li huma f'toroq arterjali. Dan għandu jservi biex tittaffa l-problema ta' l-ilma fl-inħawi imsemmija. Bħalma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-problema ta' l-ilma tax-xita fl-inħawi msemmija partikolarment f'Birkirkara hija problema kbira u tenħtieġ soluzzjoni li tirrikjedi infieq sostanzjali ta' flus. Bħala soluzzjoni tal-problema dejjem kien jissemma illi jrid isir xi ħaġa lejn in-naħa ta' Cane Street kif taqgħad ma' Mannarino Road speċifikament fil-parti d-dejqa li tgħaddi minn taħt Mannarino Road. Xogħol fuq din il-parti biss ma tkunx soluzzjoni aħħarija għax il-qofol tal-problema m'huwiex hemm imma huwa l-ilma li jkun ġej min-naħat ta' fuq ta' Birkirkara, ta' Ħal-Lija, Ħal Balzan, partijiet mill-Mosta u n-Naxxar. Għalhekk irid jinstab metodu kif dan l-ilma jista' jinġabar qrib iżjed lejn dawn l-inħawi fejn jiġi ġġenerat u jiġi ddevjat b'sistema li l-ilma ma jibqax jiġri mat-toroq. Bħalissa din is-soluzzjoni qiegħda tiġi studjata u hija parti minn Storm Water Master Plan li qed issir flimkien mal-Water Services Corporation. Bħala xogħol immedjat qed isir l-esproprazzjoni tad-dar u partijiet oħra li hemm fit-tarf ta' Cane Street u kif din l-esporprazzjoni ssir allura jkun jista' jsir ix-xogħol f'din l-area.
Leg 9 PQ #1401 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli — Ħaddiem

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma meta l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament li jaħdem fl-Isptar Monte Carmeli, kien ikun fuq sick leave, kien jippreżenta ċertifikat tal-mard iffirmat miċ-Chairman ta' l-istess sptar? Jista' l-Ministru jgħid jekk prattika bħal din hijiex kontra r-regolamenti u jekk dan hu minnu, x'passi qed jittieħdu?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Mill-informazzjoni li ġbarna jidher li ċertifikati tal-mard li kien jippreżenta l-persuna kkonċernata kienu jkunu iffirmati mic-Chairman ta` jidher ukoll li din il-prattika mhix kontra r-regolamenti.
Leg 9 PQ #1403 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: DOLORES CRISTINA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx regolament li jgħid li koppja miżżewġa ma tistax taħdem fl-istess sptar jew dipartiment? Jekk din ir-regola teżisti, jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li fl-Isptar Monte Carmeli hemm koppja miżżewġa taħdem hemm u r-raġel li ismu qed jintbagħat separatament jokkupa l-kariga għolja fl-istess sptar?

Response (DEGUARA, LOUIS)

JIen infurmat li ma teżisti l-ebda policy u l-Estacode ma jgħid xejn dwar is-suġġett imsemmi mill-Onor. Membru. L-etika professjonali fil-kuntest tas-Servizz Pubbliku titlob f'każijiet bħal dawn il-koppja miżżewġa m'għandhiex taħdem fl-istess sezzjoni ta' Dipartiment jew f'sezzjonijiet fejn jista' jinħoloq `conflict of interest'. Fil-każ partikolari li għalih qed tirreferi l-Onor. Interpellant ser jittieħdu l-passi meħtieġa biex il-koppja ma tibqax taħdem fl-istess sezzjoni.
Leg 9 PQ #1415 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs Ċivili — Priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-għadd ta' persuni li qed jinżammu fir-residenza ta' Kordin bl-ordni tal-qrati u qed jistennew li jgħaddu ġuri? Kemm ilhom miżmuma f'Kordin f'kull każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fit-18 ta' Novembru, 1998, in-numru ta' priġunieri li kienu miżmuma taħt arrest preventiv fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien ta' 86, filwaqt li 8 priġunieri oħra, taħt arrest preventiv ukoll, kienu bil-Prison Leave mal-Caritas. Wieħed ma' jistax jgħid kemm huma dawk li finalment ser jgħaddu ġuri. Il-każijiet ta' wħud minnhom għadhom fi stadju ta' kumpilazzjoni, filwaqt li ta' l-oħrajn, għalkemm il-kumpilazzjoni ntemmet, għad ma kienx hemm deċiżjoni dwar jekk il-każ tagħhom għandux jinstema' quddiem ġuri jew le. Ninsab infurmat ukoll, li t-tagħrif dwar kemm dawn il-94 priġunier ilhom miżmuma taħt arrest preventiv, hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 23.11.98

Qrati ta' l-Arbitraġġ — Ilmenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu ilmenti quddiem id-diversi qrati ta' arbitraġġ industrijali matul l-1997 u l-1998? Kemm hemm min dawn il-każi għadhom pendenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Matul is-snin 1997 u 1998 it-Tribunal Industrijali irċeva 205 każijiet li minnhom baqa' biss 92 li għadhom ma ġewx deċiżi. 23.11.98
Leg 9 PQ #1417 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Każi ta' hold-ups

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapportati hold-ups matul din is-sena f'kull xahar? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub huwa kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. 23.11.98

Elezzjonijiet — Maltin li ġew minn barra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-għadd ta' Maltin li ġew minn barra b'passaġġ sussidjat mill-Gvern biex jivvotaw fl-aħħar elezzjoni u mil-liema pajjiżi ġew? Kemm kien in-numru relattiv fl-elezzjoni ta' qabel?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-għadd ta' Maltin li ġew Malta minn barra b'passaġġ sussidjat mill-Gvern biex jivvutaw fl-aħħar elezzjoni kien ta' 613. Dawn il-passiġġieri ġew mill-pajjiżi msemmija hawn taħt: Renju Unit - 383 Italja - 74 Franza - 8 Ġermanja - 37 Skandinavja - 7 Olanda - 20 Greċja - 5 Bahrain - 6 Spanja - 2 Belġju - 22 Eġittu - 3 U.A.E. - 8 Irlanda - 8 Turkija - 2 Ċipru - 1 Tuneżija - 3 Awstrija - 11 Svizzera - 13 It-total ta' passiġġieri li ġew Malta għall-elezzjoni ta' l-1996 kien ta' 628.
Leg 9 PQ #1419 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru ta' l-Ambjent — Proġetti kapitali

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti kapitali ta' kostruzzjoni li jaqgħu fir-responsabbilta' tal-ministeru tiegħek? Liema huma l-proġetti li qegħdin fil-kors ta' implimentazzjoni u liema qegħdin fl-idejn fi stadju ta' konsiderazzjoni jew studju?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Proġetti Kapitali ta' Kostruzzjoni huma: A. DAWN LI JIDHRU HAWN TAĦT HUMA PROĠETTI FI STADJU TA' MPLIMENTAZZJONI (FEJN IX-XOGĦOL FUQ IS-SIT DIĠA' NBEDA) * Xogħol fuq twessiegħ tal-kanal ta' l-ilma tax-xita Qormi/Marsa. * Bini ta' strutturi f'Carm Zarb Street, Għargħur. * Xogħol ta' restawr fuq il-Main Guard, Valletta. * Xogħol fl-Oratorju ta' San Ġwann in konnessjoni mal-pittura ta' Caravaggio. * Xogħol ta' restawr u l-użu ta' Robert Sammut Hall f'Early Literacy Centre. * Restawr tal-Kappella ta' San Ġużepp, Bormla. * Xogħol fuq il-Palazz ta' Verdala. * Restawr tal-Kappella ta' San Filippu u San Ġakbu, San Ġwann. * Security fencing fit-tempji ta' Ħaġar Qim u Mnajdra. * Xogħol fuq it-tieni fażi ta' Junior Lyceum tal-bniet f'Santa Luċija. * Ċentru Nazzjonali ta' l-Arti f'St. James Cavalier. * Xogħol ta' Refurbishment fil-Berġa ta' Kastilja. * Xogħol ta' Refurbishment fl-Iskola Sekondarja ta' Tas-Sliema. * Il-Flood Relief Scheme ta' Ħal Qormi. * Embellishment Projects, Buġibba, Marsascala, Birżebbuġa u Marsaxlokk. * Malta - North Sewage Master Plan. * Malta - South Sewage Master Plan. * Gozo - Sewage Master Plan. * Estensjonijiet ta' Main f'diversi lokalitajiet. * Id-Dar tax-Xjuħ, Bormla. * Estensjoni tal-Ħabs f'Kordin. * Xogħol fl-Auberge d'Italie, Valletta. * Xogħol fil-Lock-up fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija, il-Furjana. * Xogħol fuq il-Port taċ-Ċirkewwa u l-Imġarr, Għawdex. * Xogħol għad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili f'Ta' Kandja. * Xogħol fuq il-Fire Station fix-Xemxija. * Xogħol ta' estensjoni tal-mollijiet u bini ieħor għall-AFM, Maritime Base, Sa Maison. * Xogħol ta' estensjoni ta' International Maritime Law Institute, f'Tal-Qroqq. * Xogħol fuq l-Isptar il-Ġdid, Tal-Qroqq. B. PROĠETTI FL-IDEJN FI STADJU TA' KONSIDERAZZJONI JEW STUDJU: * L-utilizazzjoni tal-bini magħruf bħala Old Mint f'Sa Maison. * Household Waste Site, Magħtab. * Refurbishment ta' l-iskola tal-Gvern, Sliema. * Proposta għall-kwartieri ta' l-Imħallfin f'27 u 29-31, Strait Street, Valletta. * Bini ta' Gunsheds ġodda AFM Luqa. * Estensjoni tal-bini fl-uffiċini tan-National Drug Intelligence, Floriana. * Investigazzjoni dwar tiswijiet strutturali f'Vilhena Palace, Mdina. * Wied Silani/Wied Qirda/Wied il-Kbir - xogħol ta' riabilitazzjoni. * Xogħol ta' upgrading fl-uffiċju tas-Segretarju Parlamentari fl-uffiċju tal-Prim Ministru. * Uffiċini ġodda għas-Security Administration Officers fil-Malta International Airport. * Lokazzjoni ta' sit addattat għall-Fire Station ġdid fl-inħawi tal-Marsa/Floriana. * Fire Station ġdid f'Għawdex. * Estensjoni tal-Fine Arts Museum, Valletta. * Lift fiċ-Ċentru tas-Saħħa, Gżira. * Lift ġdid Ċentru Ħidma Soċjali, St. Venera. * Estensjoni u titjib fiċ-Ċentru tas-Saħħa, Paola. * Xogħol ta' tiswijiet strutturali Auberge de Baviere. * Xogħol fuq l-uffiċini l-ġodda ta' l-Arbitration Centre, Valletta. * Upgrading f'Casa Gaspe, Valletta. * Lift fil-Palazz tal-President, Valletta u restawr f'Prince Albert Courtyard. * Ħsara fil-faċċata ta' Auberge de Castille, Valletta. * Lift fl-uffiċini tad-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, Archbishop Street, Valletta. * Xogħol strutturali fil-Paper Restoration Laboratory, Valletta. * Xogħol strutturali f'St Elmo Examination Centre. * Riabilitazzjoni ta' l-Ospizio, Floriana. * Restawr tat-Torri ta'l-Arloġġ, Mtarfa. * Faċilitajiet ġodda fit-tempji ta' Ħaġar Qim u Mnajdra. * Restawr ta' Torri ta' San Tumas, Marsascala. * Restawr ta' Torri Ras il-Ħamrija. * Studju dwar problemi ta' għargħar mill-ilma tax-xita fiċ-Ċimiterju, Mġarr, Malta. * Studju fuq il-landfill tal-Magħtab mill-aspetti ta' toxic leachate, subsidence u ħruġ ta' biogas. * Ġibjuni proposti f'Psaila Street u ħdejn il-bus terminus, Birkirkara. * Proposti dwar faċilitajiet tal-AFM f'Safi kif effetwati mill-proġett ta' Aviation Park kif propost mill-MDC. * Tiswija u riabilitazzjoni tal-Bridge f'Regional Road. * Xogħol ta' tiswija strutturali u upgrading f'Mount Carmel Hospital. * Bini ta' workshop ġdid tal-vetturi fl-AFM Luqa. * Tibdil strutturali fil-workshop tal-forġa fl-MSD Marsa. * Proposti biex MSD Kirkop jinżel il-Marsa fis-sit preżentament okkupat minn Trade School. * Titjib u estensjoni ta' wards ġodda f'San Vinċenz. * Titjib fl-uffiċini tad-Direttur Ġenerali fil-Qorti l-Belt. * Xogħol ta' titjib fil-bini prinċipali ta' l-ITS u Martin Luther King Hall. * Xogħol estensiv ta' bini u titjib fil-faċilitajiet tal-Micropropagation Centre f'tal-Kmand, Ħal-Lija. * Proposti għal xogħol ta' titjib fil-Wied tal-Mosta. * Tħejjija ta' tenders għal finishes fil-Police Lock-Up, Floriana. * Training Centre tal-Pulizija f'Ta' Kandja. * Skola Sekondarja tas-subien ġdida fiż-Żurrieq. * Estensjoni ta' l-uffiċini tad-Dipartiment tal-Lottu Pubbliku, Floriana. * Estensjoni fil-bini tal-M.I.O. fl-Universita'. * Tisqif tat-Teatru Grieg f'Ta' Qali b'membrane structure. * Proposti għal skola sekondarja tas-subien ġdida fiż-Żurrieq. * Xogħol fuq id-disinn tat-tieni fażi tal-Junior Lyceum tal-Bniet Santa Luċija. * Xogħol fuq pjanti ta' Parks Nazzjonali f'Ta' Qali, Burmarrad u Delimara. * Car Park f'Għar Lapsi. * Xogħol ta' ppjanar in konnessjoni mal-proġett ta' upgrading fin-Nofs Inhar ta' Malta. * Xogħol ta' ppjanar in konnessjoni mal-proġett ta' upgrading f'Tas-Sliema, Paceville u San Ġiljan. * Xogħol ta' ppjanar fuq il-Kottonera Heritage Park. * Upgrading tal-Ġnien Pubbliku fil-Barrakka ta' Fuq. * Klinika tal-M.O.C. fil-kumpless tal-Pixxina Nazzjonali tal-Qroqq. * Il-Marina tal-Kottonera. * Il-Proġett ta' Manoel Island u Tigne'. * Is-Sea Passenger Terminal. * Riabilitazzjoni tad-dar 90,93 West Street, Valletta.

Azjendi — Kontroll maġġoritarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-azjendi fejn il-Gvern għandu kontroll maġġoritarju jew kontroll sħiħ? Kemm huwa stmat l-investment tal-Gvern f'kull każ?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u għalhekk it-tweġiba tingħata f`xi seduta oħra. Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-paġna 355 ta` l-Estimi 1998.
Leg 9 PQ #1451 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: ANTHONY ABELA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Nefqa

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kif jista' jiġi deskritt sew ossia spjegat kemm u kif jintnefqu flus f'kull job li jsir fl-Enemalta - Sezzjoni tal-generation (maintenance u servicing tal-Power Station) meta dan qed jiġi inkluż kollu f'vot wieħed (E104)? Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qed tinżamm informazzjoni tal-manpower u materjal użat kemm da parti ta' dawk bix-shift kif ukoll tad-day duty?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-account numru E104 jirreferi għall-istokk tal-Power Staion tal-Marsa u għalhekk ma` jkun fih l-ebda element ta` `labour`. Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għall-Account numru E103 - dan hu l-valur ta` l-istokk li jinħadem mad-`distribution workshop` ta` l-istandard items użati mis-sistema tad-distribuzzjoni ta` l-elettriku. Kull job ikollu requisition u t-Technical Officer jimla` c-charges kemm ta` materjal kif ukoll tal-labour li jsir kuljum. Għal dak li għandu x`jaqsam mal-maintanance workshop, il-Korporazzjoni għada nieqsa minn din l-informazzjoni biex tevalwa kull job li jsir fil-Power Station. Dan għaliex ħafna mix-xogħol għadu jsir manwalment jew permezz ta` computers li mhumiex updated. Huwa ittamat li l-Korporazzjoni ma ddumx ma` toħroġ sejħa għall-offerti għall-kompjuterizzazzjoni ta` ħafna mill-funzjonijiet tagħha, biex b`hekk l-informazzjoni tkun aktar preċiża.

Safi — Triq Żurrieq - Sinjali tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru jindika l-kriterji li bih il-ħajja tat-tfal li jiffrekwentaw l-iskola tal-gvern ta' Ħal Safi u l-oħrajn li jkunu jilagħbu fil-faċilitajiet sportivi, ġiet sagrifikata sabiex it-traffiku ma jibqax jgħaddi mill-qalba tar-raħal? Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra jekk qattx ġiet diskussa l-possibilta' li Triq Żurrieq f'Ħal Safi ssir "no parking" minflok tiġi perikolata l-ħajja tat-tfal?

Response (GALEA, ĊENSU)

L-egħluq ta` parti ta` Triq iż-Żurrieq saret biex jiġi eliminat il-periklu li kien qed jinħoloq mill-volum kbir ta` traffiku li kien jgħaddi mill-qalba tar-raħal. It-~Traffic Signs~ li ġew imqiegħda jindikaw li t-traffiku li jkun nieżel miż-Żurrieq lejn Ħal-Safi għandu jgħaddi mill-~By Pass~, jiġifieri minn Triq il-Kuċċard. B`hekk it-traffiku qed jigi mbiegħed mill-iskola tal-Gvern u mill-faċilitajiet sportivi w allura l-oppost ta` dak li qed jallega l-Onor Interpellant.
Leg 9 PQ #1466 Sitting 14 1998-11-23 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Ministeru ta' l-Intern

Żurrieq — Zona industrijali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1132 u ċioe' l-aħħar parti ta' l-istess mistoqsija, in-vista tar-risposta hemm mogħtija, jista' l-Ministru jgħid meta din il-fabbrika ġiet mogħtija l-liċenzja sabiex timmanifattura r-ravjul, tortellini, lasagna u xogħol ieħor ta' l-għaġin; (ii) mil-liema awtoritajiet ġiet hekk liċenzjata; (iii) meta bdiet topera din il-fabbrika; (iv) jekk din il-fabbrika kelliex permess mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-liċenzja li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant, inħarġet mill-Pulizija fi Frar 1996 wara li kien inħareġ permess mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal bdil ta' użu għall-istess fond f'Lulju 1994. Ninsab infurmat ukoll li l-Pulizija ma żżommx rekord dwar meta fond jibda jiġi wżat wara li tkun ħarġet il-liċenzja neċessarja. 14.11.98