Jista' l-Ministru jispjega għaliex fis-sejħa għall-post ta' konsulent b'interess fid-dijabete intalbet l-ekwivalenza Ewropea bħala waħda mill-kriterji?
Jista' l-Ministru jispjega għaliex dan l-istess kriterju ma ġiex applikat fis-sejħa għal, per eżempju, konsulent fis-Saħħa Pubblika, liema sejħa saret xi jiem wara dik tal-konsulent fid-dijabete?
Jista' l-Ministru jispjega liema hija l-ekwivalenza Ewropea, meta sal-lum għad m'hemmx qbil bejn il-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea dwar il-kwalifiki mediċi u speċjalment dwar ir-reġistrazzjoni tat-tobba fost il-pajjiżi membri?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Billi s-sejħa għall-post li qed jirreferi għalih toħroġ mill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku, m'iniex f'pożizzjoni li nagħti tweġiba għal din il-Mistoqsija Parlamentari.
B'riferenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 320 magħmula fis-26 ta' Ottubru, 1998 u risposta mogħtija fit-18 ta' Novembru, 1998, jista' l-Ministru jispjega kif wasal li jagħti r-rati ta' dawl u ilma għal konsumaturi lil korpi kostitwiti u unions, meta ma kellux l-informazzjoni bażika mitluba fil-mistoqsija parlamentari numru 320?
Jista' l-Ministru jagħti risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 320?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Gvern, kif kien wiegħed fil-programm elettorali, raħħas sostanzjalment it-tariffi tad-dawl u ta' l-ilma. Il-Gvern wasal għal dan ir-roħs wara li ra li kien soċjalment ġust, ekonomikament vijabbli u wkoll wara konsultazzjonijiet mal-partijiet soċjali kollha.
Dan ir-roħs sar wara li l-cost production ta' unit ta' konsum ta' dawl u ta' unit ta' konsum ta' ilma eżistenti fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti servew bħala gwida fil-formulae tat-tariffi l-ġodda, u ċioe Lm1.10c kull metru kubu ta' Ilma u 4.7c kull unit ta' dawl.
Iż-Żewġ Korporazzjonijiet qed jeżaminaw diversi sistemi biex il-prezz tal-produzzjoni jkompli jonqos.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew: (1) ittowjati vetturi mill-1 tas-sena 1998 sal-lum (a) mill-Ħamrun; (b) minn Buġibba; u (2) f'kull każ min kien l-uffiċjal tal-pulizija nvolut?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li, bejn l-1 ta' Jannar, 1998, u t-18 ta' Novembru, 1998, in-numru ta' vetturi li ġew ittowjati mill-Ħamrun u minn Buġibba kien ta' 233 u 528 rispettivament.
Ma jidhirlix li d-dettalji mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija għandhom jiġu ppublikati.
24.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet verament ir-raġuni li d-disinjaturi ta' l-isptar il-ġdid f'Tal-Qroqq, Norman and Dawbarn, ġew imwaqqfa u l-kuntratt tagħhom itterminat mill-gvern?
Min se jkunu d-disinjaturi l-ġodda ta' dan l-isptar?
Kif se jintgħażlu d-disinjaturi l-ġodda ta' l-isptar f'Tal-Qroqq?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Gvern qiegħed f'fażi li jikkonsidra l-proġett u kif dan jirrelata mar-riforma globali tas-servizzi tas-saħħa.
Għal dan il-għan, għamel użu minn klawsola li hemm fid-'Design Contract' u effettivament ittermina dan l-istess kuntratt.
Għadha ma ttieħdet l-ebda deċiżjoni dwar id-disinjaturi.
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jirċievu xi forma ta' allowance mill-5 ta' Settembru, 1998?
Min huma u xi grad għandhom?
F'liema dipartiment jew sezzjoni qegħdin?
Għal-liema raġuni qed tingħata l-allowance lil kull wieħed jew waħda minnhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninsab infurmat li s`issa m`hemmx impjegati fid-dekasteru tiegħi li bdew jirċievu xi forma ta` `allowance` mill-5 ta` Settembru 1998.
Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni — Allowances
Question
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jirċievu xi forma ta' allowance mill-5 ta' Settembru, 1998?
Min huma u xi grad għandhom?
F'liema dipartiment jew sezzjoni qegħdin?
Għal-liema raġuni qed tingħata l-allowance lil kull wieħed jew waħda minnhom?
Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jirċievu xi forma ta' allowance mill-5 ta' Settembru, 1998?
Min huma u xi grad għandhom?
F'liema dipartiment jew sezzjoni qegħdin?
Għal-liema raġuni qed tingħata l-allowance lil kull wieħed jew waħda minnhom?
Response (REFALO, MICHAEL)
S'issa m'hemm ebda impjegat fid-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħt it-treġija tiegħi li mill-5 ta' Settembru 'l hawn bdew jingħataw xi forma ta' allowance.
Jista' l-Ministru jgħid jekk jaqbilx ma' dak li qal il-Kunsill Studenti Universitarji, fis-sens li l-istudenti universitarji ħassewhom sgwidati u ingannati bil-kliem Stipendji Sħaħ fil-programm elettorali Nazzjonalista li llum huwa l-programm tal-Gvern?
B'riferenza għal kopja ta' ittra li qiegħed nibgħat separatament dwar "Proposta mill-Kumitat ta' Azzjoni tar-Residenti ta' Bormla", jista' l-Ministru jgħidli x'inhuma l-intenzjonijiet tal-Ministeru dwar il-bini ta' Crisis Intervention Centre ġewwa Bormla?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninsab infurmat li dan l-iżvilupp huwa f'idejn il-Caritas. Ma jidhirx illi ser jinvolvi materji li jirrigwardaw primarjament is-saħħa. Nissuġġerixxi li l-Onor. Membru jagħmel id-Domanda lill-Ministru konċernat.
B'riferenza għal kopja ta' ittra li qiegħed nibgħat separatament dwar "Proposta mill-Kumitat ta' Azzjoni tar-Residenti ta' Bormla", jista' l-Ministru jgħidli x'inhuma l-intenzjonijiet tal-Ministeru dwar il-bini ta' Crisis Intervention Centre ġewwa Bormla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Waqt li nemmen li l-preokkupazzjonijiet tar-residenti ta' Bormla dwar dan il-Proġett għandhom jiġu ndirizzati b'mod sodisfaċenti, naħseb li l-Onor. Membru japprezza li dan il-Proġett m'huwiex ir-responsabbilta' diretta tal-Ministeru tiegħi.
23.11.98
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex se jkompli jonora l-protocoll li l-Gvern preċedenti għamel mal-Gvern Libjna sabiex tissaħħaħ il-koperazzjoni ekonomika u kummerċjali fl-oqsma tal-Biedja u Sajd?
Jekk iva, x'inhuwa l-programm tal-Gvern għal kontinwazzjoni ta' dan il-protocoll?
Jekk le, x'inhuma r-raġunijiet li dan il-proġett se jiġi abbandunat?
Response (ZAMMIT, NINU)
Fl-oqsma tal-Agrikoltura u Sajd, il-Ministeru tiegħi għandu l-intenzjoni li jsegwi il-ftehim bejn il-Gvern Malti u l-Gvern Libjan kif espress fl-Agreed Minutes tas-19 il-Sessjoni tal-Maltese Libyan Arab Joint Commission ta' Ġunju 1998, liema sessjoni saret taħt l-awspici tal-Ministeru tal-Affarijiet Barranin.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta u kemm-il darba ħarġet it-tender sabiex tinxtara l-makna l-ġdida tal-ħasil tal-kaxxi "dugħ" għall-Pitkalija Crates Ltd?
Meta fil-fatt se tiġi stallata?
Kemm fil-fatt sewa l-maħżen li bniet l-ammistrazzjoni preċendenti sabiex il-Pitkali Crates Ltd tkun tista' tistalla din il-makna?
Response (ZAMMIT, NINU)
Infakkar l-Onor. Interpellant li t-Tenders sabiex l-magna l-ġdida tal-ħasil tad-dugħ għall-Pitkali Crates Ltd., kienu iffirmati minnu stess.
It-Tenders għax-xiri ta' din il-magna ħarġet darbtejn, darba fl-1 t'Awissu 1997 u darba fl-24 ta' Frar 1998. Minn informazzjoni miġbura mill-Pitkali Crates Ltd., din il-magna ser tiġi nstallata għall-ħabta tal-bidu ta' Diċembru 1998.
Nerġa nfakkar l-Onor. Interpellant li t-Tender sabiex jinbena it-tieni sular fuq il-Pitkali Crates Ltd., ħarġet fi żmienu u ġiet iffirmata minnu. It-Tender kienet ta' Lm63,000. Nixtieq ukoll infakkar l-Onor. Interpellant li t-tieni sular sar għall-ħażna tal-kaxxi u mhux biex tkun installata il-magna l-ġdida ġo fiħ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet f'tunnellaġ u ċifra ta' flus il-bejgħa li niżlet minn Għawdex fil-Pitkalija Ċentrali f'Ta'Qali din is-sena?
X'kien fil-fatt it-tunnellaġġ u ċ-ċifri matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Response (ZAMMIT, NINU)
Matul din is-sena jiġifieri bejn Jannar u Settembru 1998 minn Għawdex niżlu prodotti b'dawn l-ammonti ta' flus għal Pitkalija ta' Malta.
Pitkalija Malta Lm768,603
Co-Op Malta Lm 70,673
Matul l-aħħar ħames snin l-ammonti huma kif ġej:
Pitkali Malta F.C.C.S. Total
Lm Lm Lm
1993 541,686 81,414 623,100
1994 595,962 99,886 695,848
1995 559,094 121,032 680,126
1996 615,439 98,098 713,537
1997 810,254 98,755 909,009
Ma tinżammx statistika ta' kemm kien it-tunnellaġġ li ddaħħal fil-pitkalija ta' Malta minn bdiewa Għawdxin.
Billi kienu qed isiru xtiebi (gates) għall-bdiewa u raħħala f'ċerti zoni rurali frekwentati mill-pubbliku u turisti, jista' l-Ministru jinformani jekk dawn ix-xogħlijiet humiex se jibqgħu jsiru?
Jekk iva, liema huma dawn l-irziezet li jingħataw din l-għajnuna sa Diċembru li ġej?
Response (ZAMMIT, NINU)
Jidher li ix-xtiebi li twaħħlu kienu ikkoncentrati fiż-żona tar-Rabat u saru bla ma sar ebda provediment ta' riżorsi finanzjarji għal dan il-għan. Għaldaqstant hemm bżonn li jiġi ifformulat pjan sabiex jiġu ikkwantifikati ir-riżorsi finanzjarji meħtieġa u b'konsultazzjoni mall Kunsilli Lokali tinħoloq lista ta' prijorita'.
B'riferenza għall-allegazzjonijiet fil-ħarġa ta' Settembru/Ottubru 1998 tal-ġurnal Tal-Virtu' Residence Association li ġġib l-isem The Saga of the Illegal Buildings at Tal-Virtu' li kopja tagħha qed tintbagħat separatament, jista' l-Ministru (a) jindika jekk l-area fix-xagħri Tal-Virtu' hijiex area nkluża fl-iskema skond it-Temporary Provision Scheme; (b) jekk iva, x'azzjonijiet ttieħdu mill-5 ta' Settembru 'l hawn dwar dawn l-abbużi msemmija; u (ċ) jekk le, x'qiegħed iżomm lill-awtorita' konċernata tiddikjara li dan il-bini huwa kollu llegali?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-area illi għaliha qed issir referenza mill-Onorevoli Interpellant ma tifformax parti mill-iskema ta' provvedimenti temporanji. Għaldaqstant din taqa' barra miż-żona ta' żvilupp.
Rigward il-kumplament tal-Mistoqsija jrid jingħad illi l-azzjoni li ttieħdet tul dawn l-aħħar xhur hija kontinwazzjoni ta' l-istess azzjoni li ila tittieħed tul dawn l-aħħar snin. Fil-fatt wara nvestigazzjonijiet li saru dwar din l-area, nstab illi diversi strutturi eżistew fuq il-post sa qabel l-1968. Jirriżulta wkoll li diversi strutturi oħra huma koperti bi permessi li nħarġu fuq l-'area' matul is-snin.
Minn iżjed investigazzjonijiet irriżulta wkoll illi wħud mill-persuni nvoluti kienu bnew xi kmamar bla permess. Appena dan sar magħruf ittieħdu l-passi mmedjati u nħarġu diversi Enforcement Notices skond l-Att Nru 1 dwar l-Ippjanar ta' l-Iżvilupp. B'konsegwenza ta' dawn l-avviżi, l-iżvilluppaturi ssottomettew diversi applikazzjonijiet sabiex ikunu jistgħu isanaw dan l-iżvilupp.
Għaldaqstant l-Enforcement Notices li ġew servuti kellhom jiġu sospiżi fl-operazzjoni tagħhom sa ma jiġu determinati l-applikazzjonijiet sottomessi, u dan skond kif regolat fl-istess Att.
23.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 fl-Uffiċċju tal-Budget? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (DALLI, JOHN)
Ma kien hemm ebda transfer fl-Uffiċju tal-Budget fil-perjodu msemmi. Kif jaf l-Onor Interpellant trasferimenti ta` impjegati fis-servizz pubbliku huma suġġetti għall-esiġenzi tas-servizz.
Dipartiment tal-Libreriji u Arkivju — Trasferimenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 mad-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fit-8 ta' Ottubru 1998 Tradesman inġieb jaħdem fid-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji mill-"Law Courts Department". Dan sar mill-"Management and Personnel Office" fuq talba ta' l-istess impjegat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 mal-Public Broadcasting Services? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (GALEA, LOUIS)
Infurmat li fil-Public Broadcasting Services kien hemm trasferiment wieħed minn taqsima għal oħra fi ħdan il-kumpanija fuq talba ta' l-istess persuna minħabba raġunijiet mediċi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw trasferimenti mis-6 ta' Settembru sat-28 ta' Ottubru, 1998 fil-Korporazzjoni Enemalta? Jista' l-Ministru jagħti r-raġuni għalfejn saru dawn it-trasferimenti?
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb li jsiru trasferimenti fil-futur qarib fil-post tax-xogħol hawn fuq imsemmi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-perjodu msemmi saru s-segwenti trasferimenti fil-Korporazjoni Enemalta.
8 impjegati irritornaw lura minn diversi Ministeri
4 impjegati marru jagħtu s-servizz tagħhom f'Ministeri
3 impjegati ġew trasferiti wara li ngħataw ħatra fi grad ogħla
2 impjegati ġew trasferiti biex jimlew vaganzi li nħolqu
2 impjegati ġew trasferiti fuq talba tagħhom stess
Għal dak li jirrigwarda trasferimenti fil-futur, dawn isiru, jekk ikun mehtieġ, skond l-eżiġenzi tal-Korporazzjoni.