Jista' l-Ministru jgħid x'talbiet hemm pendenti mill-kunsilli lokali biex jitwaħħlu bozoz fit-toroq tal-lokal tagħhom? Jista' l-Ministru jagħti risposta, raħal b'raħal u jagħti l-isem tat-triq f'kull każ? Kemm huwa n-numru totali ta' dawn il-każi? Kemm minn dawn it-talbiet ġew sodisfatti mill-5 ta' Settembru 1998 sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar mill-Korporazzjoni Enemalta u għalhekk tali informazzjoni ma tistax tingħata għalissa.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol li kien inbeda mill-amministrazzjoni preċedenti dwar il-kontroll ta' l-ilma tax-xita msejjaħ l-istorm water master plan?
Response (BONNICI, JOSEF)
Hemm il-ħsieb li jinħarġu offerti għax-xiri ta' software relatat u għall-konsulenza dwar it-trattament ta' dan l-ilma. Hemm ħsieb ukoll li jinbeda survey dwar il-kwalita ta' l-ilma u l-effett tiegħu fuq l-ilma ta' taħt l-art.
Jista' l-Ministru jispjega lill-Kamra x'tip ta' kordinazzjoni teżisti bejn id-Dipartiment tat-Toroq u l-korporazzjonijiet tas-servizzi pubbliċi - il-Water Services Corporation, l-Enemalta u l-Maltacom - biex ikun hemm sens fl-immaniġġjar tat-toroq ta' pajjiżna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn meta ġie stabbilit id-Dipartiment tat-Toroq, il-Korporazzjonijiet tas-Servizzi Pubblici kienu dejjem mitluba jinfurmaw lid-Dipartiment bi kwalunkwe xogħol li jkunu ser jagħmlu fit-toroq sabiex id-Dipartiment ikun jista` jikkordina: bejniethom u ma entitajiet oħra bħal Awtorita` tat-Trasport Pubbliku, il-Pulizija u l-Kunsill Lokali u meta jkun kollox f`post, id-Dipartiment tat-Toroq joħroġ il-permessi neċessarji biex ix-xogħolijiet ikunu jistgħu jiġu esegwiti.
Fil-preżent qed jiġi evalwat x`inhu l-aħjar tip ta` koordinazzjoni trid issir biex ma jiġrix bħal ma ġara li toroq jerġgħu jinqalgħu ftit wara li jkunu tlestew.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie trattat ilma tad-drenaġġ mill-Impjant ta' Sant'Antnin, sena b'sena minn mindu beda jaħdem? Kemm minn dan l-ilma ntuża u kemm intrema? Kemm hija mifruxa s-sistema ta' distribuzzjoni ta' dan l-ilma? Hemm ħsieb biex din titjieb?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jien infurmat li minn mindu beda jaħdem l-impjant ta' Sant'Antnin il-volum ta' l-ilma li ġie ttrattat huwa kif ġej:
SENA VOLUM (x 1000 METRI KUBI)
------ ---------------------------
1984 0372
1985 0550
1986 0815
1987 0920
1988 1156
1989 1139
1990 1548
1991 1703
1992 1604
1993 1562
1994 1470
1995 1358
1996 1442
1997 0873
1998 1516
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-ftehim li kien għamel Gvern Nazzjonalista preċedenti mal-European Investment Bank, meta biex jissellef flus għal użu partikolari intalab li jdaħħal taxxa fuq id-drenaġġ? Billi issa jidher li din it-taxxa se tiġi rtirata, jista' jgħid x'se jiġri billi issa nkisru l-kondizzjonijiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-tariffi tal-ilma ppubblikati waqt il-Konferenza stampa ta' nhar is-Sibt 21 ta' Novembru 1998 mogħtija mill-Prim Ministru, jinkludu dak kontemplat fil-ftehim li kien sar mal-European Investment Bank u ċioe f'paragrafu numru 6.09 tal-istess ftehim li kopja relattiva tpoġġiet fuq il-mejda tal-kamra bi tweġiba għall-mistoqsija numru 1381.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallas overtime l-impjegat tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, li ismu qed jintbagħat separatament, matul il-perjodu Ottubru 1995 - Ottubru 1998, kull sena separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tiġbor l-informazzjoni meħtieġa u għalhekk tweġiba tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ltaqgħu l-bordijiet tad-diretturi tal-korporazzjoni li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu matul il-perjodu 1/1/95 - 31/12/96 u mill- 1/1/97 sal-lum?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux qiegħed jikkonsulta mal-bordijiet tad-diretturi tal-korporazzjonijiet għas-Servizzi ta' l -Ilma u Enemalta fl-eżerċizzju tar-reviżjoni tar-rati tas-servizzi ta' l-ilma u l-elettriku?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-eżerċizzju msemmi saru konsultazzjonijiet mal-Management taż-żewġ Korporazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jara li l-parti ta' Triq l-Ifran, fil-Belt, bejn Triq San Gwann u Triq Santa Lucia, tiġi mdawwla aħjar peress li bħalissa din tinsab mudlama?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-parti tat-triq imsemmija hija mdawwla tajjeb pero hemm ħtieġa ta' xogħolijiet ta' manutenzjoni.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta se jispiċċa x-xogħol ta' upgrading tal-playing field fil-Bajja ta' San Ġorġ, Birżebbuga li jifforma parti mill-proġett ta' embellishment tas-South?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li t-tenders għal 'Play Equipment u Safety Material' tal-playing field fil-Bajja ta' San Ġorġ, Bireżebbuġa ġew awarded. Ix-xogħol mistenni li jkun lest fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jgħid meta x-xogħlijiet neċessarji fi Triq Napuljum kontrada ta' Bebbux, fiż-Żurrieq se tiġi rranġata u magħmula b'mod illi ma tibqax taqleb għal ġol-garaxxijiet (basements) tar-residenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-asfaltar ta` dawn it-toroq isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment s`intendi wara li jkun zgurat li s-servizzi jkunu tqiegħdu kollha b`mod permanenti.
Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterju l-Adv. No. 260 sale tale quale għal garage No. 1 tal-gazzetta tal-Gvern tad-9 ta' Ottubru, 1998, li bħala tender ma kellhomx jiġu sottomessi dawk inqas minn Lm7,800?
Il-Ministru ma jarax li dan huwa għoli ħafna meta ftit tax-xhur ilu dawn inbiegħu mill-istess Housing Authority għal Lm5,800? Jista' l-Ministru jara li dan jiġi rivedut mill-ġdid?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Dan il-garaxx kien oriġinarjament abbinat ma maisonette li nħareġ għall-allokazzjoni taħt skema tal-Awtorita' tad-Djar, taħt is-sistema tal-punti u taħt kundizzjonijiet ta' sussidju. F'din il-ħarġa l-prezz kien ta' Lm5,800.
Peress li dan il-garaxx issa ħareġ għall-bejgħ b'sejħa għall-offerti l-prezz mitlub huwa dak fis-suq miftuħ.
24.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk triq pubblika li kienet ġiet arbitrarjament imkissra minn sidien ta' barriera fil-kontrada ta' Bassasa limiti taż-Żurrieq li huma ġew misjuba ħatja ta' dan ir-reat, hijiex se tiġi rranġata billi tiġi mogħtija wiċċ tal-konkos jew inkella jekk humiex se jiġu mqabbda l-istess sidien tal-barriera jagħmlu l-istess xogħlijiet a spejjeż tagħhom sabiex tieqaf is-sofferenza inutli li għaddejjin minnha dawk li jużaw l-istess triq?
Response (ZAMMIT, NINU)
Id-dipartiment ta'l-Agrikoltura m'għandu l-ebda talba formali mill-bdiewa biex tiġi rranġata xi triq tal-bdiewa fl-inħawi tal-Bassasa limiti taż-Żurrieq.
Is-Suggeriment tal-Onor. Interpellant ser jiġi kunsidrat.
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-konsulent Franċiż Frank Franjou ingħata xogħol ta' konsulenza dwar sistema ta' dawl f'żewġ knejjes ġewwa l-Belt?
Minn min inħareġ dan ix-xogħol?
Jekk ix-xogħol qiegħed isir mill-kumitat tar-riabilitazzjoni tal-Belt (Valletta), jista' l-Ministru jgħid jekk il-kumitat approvax dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
L-Onorevoli Interpellant jaf li dan il-konsulent Franċiż ingħata direct order mill-Gvern preċedenti biex jipprepara disinn għad-dawl ta' Triq ir-Repubblika. Peress li hemm ix-xewqa li l-faċċata taż-żewġ knejjes ta' ħdejn Kastilja jingħataw dawl xieraq hu ġie mitlub jagħmel kwotazzjoni għal dan id-disinn u b'hekk jiġu ffrankati spejjeż peress li jista' jagħmel dan ix-xogħol waqt li jkun f'Malta in konnessjoni ma' Triq ir-Repubblika.
Kif diġa' rrispondejt lill-Onorevoli Interpellant il-Kumitat il-ġdid għadu ma ġiex imwaqqaf. Madankollu jien infurmat li ilha ħafna li ttieħdet deċiżjoni mill-VRC li l-bini prinċipali jingħata dawl skond rapport li kien tħejja mill-istess kumitat xi żmien ilu.
Jista' l-Ministru jara li l-persuna nkarigata tieħu l-passi sabiex tiġi emendata t-time-table tal-Matsec Examinations fil-każ tas-suġġett ta' l-English Literature u dan peress li se jikklaxxja ma' żewġ suġġetti importanti li huma l-Fiżika u l-Matematika ta' London University?
Il-Ministru qed jara li jekk ma jsirux l-emendi neċessarji f'din it-time-table tinħoloq tensjoni, ansjeta' u ċertu paniku fost l-istudenti li f'ċertu suġġetti bħall-Fiżika u l-Matematika jkunu bilfors iridu iktar minn ċans wieħed għad-dħul fis-Sixth Form/Junior College? Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi peress li jekk ma jsir xejn jidher li dan huwa forma oħra ta' numerus clausus?
Response (GALEA, LOUIS)
Billi l-eżamijiet tal-Matsec u dawk ta' Bordijiet oħra jsiru fl-istess żminijiet, hija diffiċli ferm li ebda eżami ta' Bord ma jaħbat ma xi eżami ta' xi Bord ieħor (mhux biss ta' Londra). Din hi problema li tinqala' kull sena u li għaliha m'hemmx soluzzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jsir mid-dipartiment biex tittaffa l-problema li għandu l-Isptar San Luqa b'MRSA u kemm hi gravi?
F'liema wards id-dipartiment qed isib l-iktar każi?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-Isptar San Luqa għandu struttura ta` sorveljanza kontinwa tal-każijiet kollha ta` MRSA bbażata fuq prattiċi Ewropej. Kull każ ta` MRSA li jinstab wara analiżi batterjoloġika jiġi notifikat lill-Infection Control Unit ta` l-Isptar. Kull pazjent jiġi trattat jew dekolonizzat skond policy stabbilita u miktuba. Sabiex jitnaqqas il-potenzjal ta` 'cross-contamination' ġiet stabbilita ward speċjali sabiex dawn il-pazjenti jiġu iżolati ġewwa fiha sakemm jingħataw it-trattament neċessarju.
Il-livell tal-MRSA ġewwa l-Isptar San Luqa jikkompara ma' dawk li ssib fi sptarijiet Ingliżi. Ma tistax ssemmi wards partikolari għaliex is-sitwazzjoni hija waħda varjabbli.
Partit Nazzjonalista — Programm Elettorali - Wegħda 194
Question
Fid-dawl tal-wegħda 194 fil-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista, jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern jaqbilx mal-koabitazzjoni u jekk hux se jaċċetta l-koabitazzjoni f'Malta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-proposta msemmija fil-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista taħseb biex tħares l-interessi ta' l-ulied li jitwieldu minn relazzjoni ta' ko-abitazzjoni u li tħares lil kull persuna minn xi forma ta' sfruttament, dejjem mingħajr preġudizzju għad-drittijiet u obbligi li joħorġu minn żwieġ validu.
Nistieden lill-Onor. Membru tgħidli jekk għandhiex xi oġġezzjoni dwar dan.
14.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li x-xogħol fi Pjazza Patri Redent, fil-Fgura jinsab wieqaf?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu direttament lill-Kunsill Lokali interessat.