Legislature:
Category:
Reset
Active:

ETC — Rapport

Question

Jista' l-Ministru jippreżenta r-rapport dettaljat ta' kull xahar tal-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ minn Lulju sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokumenti hekk imsejħa 'Internal Statistics' tal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ għax-xhur ta' Lulju, Awissu u Settembru 1998. Nippresumi li dawn huma d-dokumenti li qed jitlob l-Onor. Membru. 24.11.98

ETC — Qtugħ mir-reġistru

Question

Jista' l-Ministru jagħti n-numru ta' persuni li nqatgħu mir-reġistrar xahar b'xahar f'Awissu, Settembru u Ottubru 1998 u r-raġuni li għaliha nqatgħu?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni li nqatgħu mir-reġistrar xahar b'xahar f'Awissu, Settembru u Ottubru kien 13, 42 u 57 rispettivament. Ir-raġuni għaliex inqatgħu hi kif ġej: AWISSU SETTEMBRU OTTUBRU ------ --------- ------- M'accettawx impieg 3 1 15 M'attendewx taħriġ 5 12 1 Jirreġistraw u jaħdmu 5 13 38 M'attendewx għal intervista - 16 3 TOTAL 13 42 57 24.11.98

ETC — Spezzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru spezzjonijiet minn uffiċjali tal-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ xahar b'xahar f'Awissu, Settembru u Ottubru 1998?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ispezzjonijiet li saru mill-uffiċjali tal-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ f'Awissu 1998, Settembru 1998 u Ottubru 1998 kienu 589; 242; 978 rispettivament. 24.11.98

ETC — Impjiegi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li nstabilhom xogħol mill-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ xahar b'xahar f'Awissu, Settembru u Ottubru 1998? Jista' l-Ministru jgħid ukoll f'liema settur dawn il-ħaddiema ġodda ġew impjegati, jekk hux mas-settur pubbliku, settur privat eċċ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' persuni li nstabilhom xogħol mill-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ xahar b'xahar f'Awissu, Settembru u Ottubru u f'liema settur hu kif ġej: XAHAR SETTUR PRIVAT** SETTUR PUBBLIKU TOTAL _____ _____________ _______________ _____ Awissu 78 31 109 Settembru 72 20 92 Ottubru 154 71* 225 * Nota: Mill-71 persuna li jidhru li ġew impjegati fis-settur pubbliku matul ix-xahar t'Ottubru jirriżulta li: 19 (loaders/cleaners) bdew jaħdmu matul Ġunju u Lulju 6 (clerks) bdew jaħdmu matul Mejju, Ġunju u Lulju 16 (stewards/stewardesses) bdew jaħdmu matul Lulju u Awissu Feedback mill-Air Malta dwar dawn il-41 impiegi temporanji tas-Sajf waslet matul ix-xahar t'Ottubru. **Jinkludi Hal Far/Job Centre/Għawdes - Full/Part Time. 24.11.98

ETC — School leavers

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm bdew jirreġistraw school leavers mal-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ xahar b'xahar f'Awissu, Settembru u Ottubru, 1998?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' 'school leavers' li bdew jirreġistraw mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ xahar b'xahar f'Awissu, Settembru u Ottubru hu kif ġej: Awissu 113 Settembru 93 Ottubru 121 24.11.98
Leg 9 PQ #1228 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Skejjel — Mġarr - Skola primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ntalbu jittieħdu l-pulizija, u f'liema dati, dwar il-protezzjoni li ntalbet mill-Ministeru ta' l-Edukazzjoni biex il-kuntrattur ikun jista'jibda x-xogħol fuq l-iskola primarja ta' l-Imġarr (Malta)? X'passi ttieħdu mill-pulizija biex jipprovdu l-protezzjoni ħalli x-xogħol ikun jista' jibda fuq is-sit ta' l-iskola primarja ta' l-Imġarr?

Response (BORG, TONIO)

Id-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni talab il-protezzjoni tal-Pulizija f'żewġ okkażżjonijiet biex ikun jista' jibda x-xogħol mill-kuntrattur. Dawn kienu fit-28 ta' Ottubru, 1998, u fit-12 ta' Novembru, 1998. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija ninsab infurmat li l-Pulizija ħadu l-passi kollha meħtieġa ħalli x-xogħol ikun jista' jibda. 24.11.98
Leg 9 PQ #1229 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tfal bi bżonnijiet speċjali

Question

Hemm tfal bi bżonnijiet speċjali li qed jittieħdu l-iskola "normali" f'mini vans normali u mhux akkumpanjati, meta sas-sena li għaddiet kienu jittieħdu bi trasport apposta u akkumpanjati. Jista' l-Ministru jgħid għaliex qed jiġri dan? Jistgħu dawn it-tfal jerġgħu jibdew jittieħdu bi trasport apposta u jkunu akkumpanjati?

Response (GALEA, LOUIS)

Ser ngħaddi t-tagħrif li laħqu għaddewli: Fil-bidu tas-sena l-persuna li kienet tagħmilha ta' 'escort' sabet diffikulta' biex tibqa' tagħmel dan. Issa din il-persuna se terġa' tibda tagħmilha ta' 'escort'.
Leg 9 PQ #1333 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ħamrija

Question

Jaf il-Ministru li ċertu kuntrattur qed jarmi kwantita' ta' ħamrija tajba għal ġot-Tarzna fejn wara qed tmur tintrema ġol-baħar? Billi jien informat li din il-ħamrija hi tajba (għajr għal ftit ġebel li fiha), jista' d-Dipartiment ta' l-Agrikoltura jinvestiga bis-serjeta' ħalli din il-ħela ta' ħamrija ma tkompliex?

Response (ZAMMIT, NINU)

Id-Dipartiment tal-Agrikoltura diġa ħa passi sabiex dan il-materjal ta' ħamrija mħallta mal-ġebel jintuża bħala 'subsoil' ġo Corradino Grounds li għandhom bżonn xi 6,400 metru kubu. Madwar 4,000 metru kubu ser jiġu maħżuna fil-qrib biex 'il-quddiem jintużaw fil-post stess biex jitħawlu xi siġar u arbuxelli. Materjal żejjed għandu jinġarr għall-mixtla ta' Wied Incita.
Leg 9 PQ #1334 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Direttur tan-Nursing

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jelenka l-prijoritajiet li qed taħdem fuqhom id-direttur tan-Nursing? Fejn hu l-uffiċċju tagħha llum u fejn ġiet offruta bħala uffiċċju taħt it-tmexxija preċedenti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-prijoritajiet li qed taħdem fuqhom id-Direttur tan-Nursing huma: a. Eżerċizzju biex jiġu utiliżżati bl-aħjar mod ir-riżorsi umani. b. It-twaqqif ta' sotto kumitat minn kull livell tan-Nursing, biex għall-ewwel darba fuq livell ta' nursing, jiġu ndirizzati problemi relatati mall-professjoni ta' l-infermiera fil-livell mistenni fil-millenju l-ġdid. Wara l-bidla fl-amministrazzjoni f'Settembru li għadda, l-uffiċju tad-Direttur tan-Nursing ġie trasferit għall-ewwel sular tad-Dipartiment tas-Saħħa, taħt is-sular li jokkupa l-Ministeru tas-Saħħa. Taħt l-amministrazzjoni preċedenti, id-Direttur tan-Nursing, kien jokkupa biċċa kamra meħuda minn kuritur fid-Dipartiment tas-Saħħa, mingħajr arja ta' xejn u wisq iktar mingħajr għajnuna ta' ebda impjegat.
Leg 9 PQ #1335 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Infermiera

Question

Jikkonsidra l-Ministru li jiltaqa' f'laqgħa apposta man-nurses kollha li jaħdmu fl-Isptar San Luqa biex jiddiskuti magħhom il-problemi li qed jiltaqgħu magħhom waqt il-qadi ta' dmirijiethom?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, illi l-infermiera ta' l-isptarijiet kollha, mhux biss ta' San Luqa, għandhom jirreferu u jiddiskutu mad-Direttur tan-Nursing fuq kull suġġett jew problemi li jiltaqgħu magħhom waqt il-qadi ta' dmirijiethom. Ninsab infurmat illi, l-infermiera kollha ġew infurmati permezz ta' ittra maħruġa mid-Direttur tan-Nursing, li d-Direttur alloka ġurnata fil-gimgħa biex tiltaqa' ma l-infermiera fuq bazi individwali.
Leg 9 PQ #1338 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Delimara — Qtugħ fil-provvista ta' l-elettriku

Question

Jista' l-Ministru jidħol fil-każ tal-familja li toqgħod f'Delimara, u li isimha qed jintbagħat separatament, li s'issa għadhom bla dawl elettriku fid-dar tagħhom? Jaħseb il-Ministru li lejliet is-sena 2000 hu ta' mistħija li għad għandna familja bi tfal żgħar li jridu jgħixu u jistudjaw bid-dawl tal-lampa tal-pitrolju għax ebda amministrazzjoni ma rnexxielha twassal id-dawl elettriku sa ħdejhom? X'inhi l-problema li qed twassal lil din il-familja biex tibqa' bla elettriku? Billi qabel kien jingħad (inkluż f'diversi rappreżentazzjonijiet li għamilt jien) li kienet qed issir oġġezzjoni mid-Deutsche Welle, issa ladarba dan l-istazzjon għalaq, jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li din il-familja għadha bla elettriku? Jista' l-Ministru ġentilment jintervjeni biex din il-familja ma tibqax tgħix f'dawn il-kondizzjonijiet degredanti?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li t-talba għall-elettriku f'Delimara ġiet mistħarrġa mill-Korporazzjoni Enemalta u jirriżulta li ntbgħatet stima lill-applikant skond kif provdut fir-regolamenti. Meta jkun hemm risposta għal din l-istima, il-Korporazzjoni tkun f'pożizzjoni biex tieħu l-passi meħtieġa.
Leg 9 PQ #1339 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Banek — Bank of Valletta - Skrivani

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid f'liema stadju saret verifikazzjoni taċ-ċertifikati ta' dawk magħżula għal grad ta' clerk mal-Bank of Valletta?

Response (BONNICI, JOSEF)

Risposta tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #1356 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gudja — Triq Ħal Għaxaq

Question

Jista' l-Ministru jara li titwaħħal bozza fi Triq Ħal Għaxaq, fil-Gudja?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba magħmula mill-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Leg 9 PQ #1358 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Gudja — Triq il-Pluvieri

Question

Jista' l-Ministru jara li titwaħħal bozza fi Triq il-Pluvieri, fil-Gudja?

Response (BONNICI, JOSEF)

It-talba magħmula mill-Onor. Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.

Ministeru tal-Biedja u Sajd — Segretarju Permanenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu mill-ministeru tiegħek dwar il-punti mqajjma f'korrispondenza tas-26 ta' Settembru 1998 lis-segretarju permamenti tal-Ministeru tiegħek dwar "il-bżonn urġenti li s-settur ta' l-inbid Malti jiġi regulat in linja man-normi ta' l-Unjoni Ewropea"?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nitlob l-Onor. Interpellant jispeċifika għall-liema korrespondenza qed jirreferi. Abbozz ta' liġi ġdida dwar l-inbid qed tiġi diskussa fil-Wine Advisory Board.
Leg 9 PQ #1392 Sitting 15 1998-11-24 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Gżira - Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkompli x-xogħol li kien maħsub li jsir, ta' twieqi fl-arkati li hemm fl-iskola primarja tal-Gżira biex jilqgħu għall-kesħa fix-xitwa u s-sħana fis-sajf? X'arranġamenti qed isiru biex jintlaħaq qbil bejn l-iskejjel primarji/sekondarji tal-Gżira għal użu komuni tas-sala li hemm fil-kumpless?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li dan ix-xogħol hu maħsub li jibda fi żmien qasir. Diġa saru il-kuntratti meħtieġa mid-Diviżjoni, u l-perit inkarigat mix-xogħol żar l-iskola imsemmija u ddiskuta mal-kap x-xogħlijiet li jridu jsiru. Hemm qbil assolut bejn il-Kapijiet taż-żewġ skejjel dwar l-użu tas-sala tal-kumpless. Dan jintlaħaq permezz ta' kuntatti kontinwi bejn iż-żewġ kapijiet li ddikjaraw li m'għandhomx problemi dwar dan.