Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu dwar tifel bi bżonnijiet speċjali, li ismu qed jintbagħat separatament, li qed joħloq problemi fl-iskola primarja tal-Gżira? X'rapporti għandha d-diviżjoni ta' l-edukazzjoni dwar dan it-tifel u attakki minnu fuq l-għalliema u studenti oħra? X'passi ttieħdu biex dan it-tifel jiġi mgħejjun? Ġie eżaminat mill-iStatementing Board? Meta se jittieħdu l-passi meħtieġa dwar dawn il-problemi?
Response (GALEA, LOUIS)
Tagħrif li jirrigwarda studenti individwali għandu jiġi kunsidrat bħala konfidenzjali u m'għandux jiġi svelat fil-pubbliku. Tlabt assigurazzjoni li l-istudent u l-iskola jkomplu jingħataw l-għajnuna meħtieġa mill-uffiċċjali konċernati. Qed inkompli nsegwi l-każ.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ħa biex jesegwixxi r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni ta' l-Inġustizzji magħmula lilu f'Ottubru, 1994 biex lill-persuni, li isimhom qed jintbagħat separatament, il-gvern jibnilhom a spejjeż tiegħu razzett ieħor x'imkien ieħor?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-isforzi kollha li saru biex jinsab
rimedju għal dan il-każ waqfu fl-aħħar ta' l-1996.
Jidher li teżisti diffikulta dwar id-disponibilita ta
art pubblika f'Għawdex li hija addattata għall-iskop in
kwistjoni.
Tajt struzzjonijiet sabiex terġa tibda l-ħidma għal
soluzzjoni ta' din il-problema.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-instructors fil-Kulleġġ ta' l-Agrikoltura u x'inhi l-funzjoni ta' kull wieħed minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-instructors fil-Kulleġġ ta' l-Agrikoltura huma dawn:
Mr Mario Salerno, li huwa nkarigat mit-taqsima ta' l-Ortokoltura u li jgħallem dan is-suġġett.
Mr Saviour Vella, li huwa nkarigat mit-taqsima tat-trobbija tal-bhejjem, jgħallem dan is-suġġett u hu Turor ta' l-istudenti tar-raba' sena.
Mr Victor Vancell, li jieħu ħsieb it-taqsima tal-ħxejjex ornamentali u li jgħallem dan is-suġġett.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol fit-toroq ta' l-inħawi ta' Psaila Street, Birkirkara, liema xogħol, is-sejħa għall-offerta ingħalqet ħafna ġimgħat ilu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-għoti ta` dan il-kuntratt qiegħed jiġi kkunsidrat mill-kumitat tal-kuntratti u meta l-offerta tingħata, ix-xogħol ikun jista` jinbeda. Tajjeb wieħed igħid li dan ix-xogħol hu meħtieġ biex ikun jista jiġi mfassal ix-xogħol fuq Psaila Street innifisha.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġi awarded it-tender għal bini mill-ġdid ta' Imdina Road, Qormi, liema tender ilha li għalqet ħafna ġimgħat ilu?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li bħalissa qed jiġu ppreparati id-disinji meħtiega għal dan il-proġett u kif din il-fażi titlesta, it-tender tkun tista` tingħata.
Dawn id-disinji huma meħtieġa biex jiġi assigurat li ma jsirx xogħol bla bżonn f`dawn l-inħawi.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol tal-main tad-drenaġġ ġdid bejn Ħ'Attard u r-Rabat, liema kuntratt ġie awarded ħafna ġimgħat ilu?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-proċeduri fuq l-easement f'din l-area li hu twil 500m għadu mhux finalizzat.
Għalhekk, l-ordni biex jinbeda x-xogħol għad ma tistax toħroġ għalissa. Madankollu huwa antiċipat li l-proċeduri għandhom jintemmu fi żmien erba' xhur.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jinbeda x-xogħol fuq toroq fl-area tal-madwar il-Half Way Inn l-Għadira, l/o Mellieħa, liema toroq jinsabu fi stat diżastruż ħafna?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser isir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment; u dan wara li jiġi assigurat li fit-toroq ikun hemm is-servizzi meħtieġa f`posthom.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk f'dawn l-aħħar ġimgħat ġiex ikkummissjonat studju dwar it-trattament tad-drenaġġ mill-irziezet tal-majjali? Jekk fl-affermattiv, minn min qiegħed isir dan l-istudju?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li skond Avviż Legali Nru 8 ta' l-1993, id-Dipartiment tad-Drenaġġ hu responsabbli li jikkontrolla l-kwalita` l-kwantita` tal-likwidu kif indikati fl-iskedi tar-regolament u mhux kif dawn il-valuri massimi ta' konċentrazzjoni fir-rimi jintlaħqu. Għalhekk is-soluzzjonijiet u r-responsabbiltajiet ta' kif jiġi trattat dan l-iskart ma jaqgħax taħt dan id-dipartiment.
Peress li din hi kwistjoni ta' natura nazzjonali, id-Dipartiment tad-Drenaġġ dejjem offra l-għajnuna u l-esperjenza tiegħu f'dan il-qasam. Studju fuq problemi mill-irziezet kien sar fuq l-irziezet f'Tal-Ħlas, Ħal-Qormi. Kien hemm 'working committee' magħmul minn diversi entitajiet governativi, biex jistudjaw u jsibu soluzzjoni għal din il-problema.
Minħabba li d-Dipartiment tad-Drenaġġ ser ikollu l-impjant tat-trattament, qed iħoss il-ħtieġa li jkun hemm studji bħal dawn mhux biss fuq il-farms imma ukoll fuq kull tip ta' skart likwidu. B'hekk bħala għajnuna lill-entitajiet konċernati, qed jiġi mħejji studju dwar din il-problema u qed isir sforz biex għal dan l-istudju jinġiebu fondi mill-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet għal ġnien f'Ta' Xlejli, fil-Gudja? Meta huwa maħsub li dan il-ġnien jitlesta u f'idejn min huwa fdat dan ix-xogħol?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-ġnien f'ta' Xlejli fil-Gudja jaqa' taħt ir-responsabbilta' tal-Kunsill Lokali u għalhekk, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub iressaq din il-mistoqsija lill-Ministru kkoncernat.
Jista l-Ministru ġentilment jgħid għaliex l-aħħar sejħa għall-ingaġġ ta' First Officers saret biss b'mod intern u b'hekk dawk li ma jaħdmux mal-kumpannija ġew diskriminati u tħallew barra, għalkemm għandhom il-kwalifiki meħtieġa jew aktar ukoll biex jitħarġu bħala First Officers?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Air Malta ma tingaġġax First Officers iżda Trainee Pilots li, jekk jinstabu adattati, jkunu għad iridu jikkwalifikaw għal First Officers wara li jtemmu l-kors u jkunu jippossjedu l-'Commercial Pilots Licence'.
Ma naħsibx li l-Kumpanija tkun qed tiddiskrimina ma xi ħadd meta tirriserva xi vakanzi li jista jkollha għall-impjegati tagħha.
Jista' l-Ministru jikkonferma li għall-ewwel darba l-Air Malta ma talbietx suġġetti fil-livell avvanzat bħal (science subjects) biex b'hekk setgħu jiddaħlu nies li ma jipposedux dawn il-kwalifiki?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nippreżumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għas-sejħa għall-applikazzjonijiet għal Trainee Pilots li ħarġet fis-27 ta' Lulju 1998.
kif jirriżulta mis-sejħa imsemmija fuq, li kopja tagħha qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra, ma ntallbux suġġetti tax-xjenza fil-livell avvanzat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex wara 'il fuq minn 25 sena ta' eżistenza ta' l-Air Malta hemm għadd sostanzjali ta' kaptani barranin (huwa mifhum li hemm 16) li mhux biss qed itellfu l-promozzjoni ta' Kaptani lil First Officers Maltin imma qed ikunu wkoll ta' ostakolu lil żgħażagħ, li għalkemm huma kwalifikati għad ma ġiethomx l-opportunita' biex jiġu ngaġġati mal-kumpannija nazzjonali? Jaħseb il-Ministru li dan qed ifisser ukoll salarji kbar u benefiċċji lil dawn il-barranin, meta jistgħu jiġu mpjegati Maltin minflokhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-preżent il-Cockpit Crews ta' l-Air Malta tikkonsisti f'116 bejn Kaptani u First Officers Maltin u 14-il Kaptan barrani.
Hija l-mira tal-Kumpanija li eventwalment il-Cockpit Crews ikunu komposti minn personnel Malti u għal dan il-għan huwa l-ħsieb tal-Air Malta li fil-futur toħroġ sejħa għal Trainee Pilots.
Issa li tħabbar li l-Air Malta se żżid il-vjaġġi lejn Dubai u wkoll tibda ttir lejn l-Indja u l-Pakistan, jista' l-Ministru jgħid jekk dan ix-xogħol żejjed huwiex se jsir permezz ta' Maltin jew inkella jinkrew ajruplani kompluti bil-crews?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li d-dettalji li għalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant għadhom qed jiġu mistħarrġa u għalhekk ma jkunx prudenti li jingħataw dettalji f'dan l-istadju.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li toħroġ sejħa pubblika għall-applikazzjoni ta' ingaġġ ta' First Officers ma' l-Air Malta? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li joħorġu dawn l-applikazzjonijiet?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tieni parti tat-tweġiba għall-mistoqsija numru 1599.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-Mitħna tax-Xarolla, fiż-Żurrieq hi magħluqa u żarmata? Meta kienet irranġata? F'idejn minn qiegħda, f'idejn il-Gvern jew il-privat? Jekk qiegħda f'idejn il-privat, għand min hi u taħt liema kondizzjonijiet ingħatat? Għaliex m'għadhiex tkun miftuħa għall-pubbliku u t-turisti? Kemm ilha magħluqa issa? Jaħseb il-Ministru li bħala wirt storiku ta' pajjiżna għandha titgawda kemm mill-Maltin kif ukoll mit-turisti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Mitħna tax-Xarolla hija propjeta' pubblika u hija amministrata mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet.
Id-Diviżjoni tax-Xogħlijiet kien responsabbli għar-Restawr ta' dan il-bini storiku kif ukoll tal-makkinarju oriġinali tiegħu. Dan ir-restawr illum tlesta u s'issa l-post jinfetaħ għall-pubbliku fuq appuntament mad-Ddiviżjoni tax-Xogħlijiet. Naf li l-kwestjoni li qed iqanqal l-Onor. Kollega hi importanti u qed tiġi konsidrata aktar mill-Gvern.
Jista' l-Prim Ministru jgħid liema toroq ġewwa l-Imsida se jiġu rranġati mill-kunsill lokali din is-sena?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta` gvern lokali u fil-qadi tal-funzjonijiet jaġixxu skond il-prioritajiet, esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill tal-lokalita` billi l-funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-responsabbiltajiet tal-Kunsilli.
B'riferenza għall-kopja ta' ittra, li qed tintbagħat separatament ma' din il-mistoqsija, jista' l-Ministru jgħidli jekk din l-iscrapyard hijiex qed topera bla permess? Jekk fl-affermattiv, x'passi ttieħdu minn naħa tal-Ministeru u x'passi ttieħdu minn naħa ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu in vigore ir-regolamenti dwar il-logħob u l-manifattura tan-nar?
Jista' jgħid meta hemm il-ħsieb li l-liġi dwar il-logħob u l-manifattura tan-nar titressaq fil-Parlament u jekk huwiex se jitressaq l-istess abbozz li kien ipprepara l-Gvern Laburista?
Response (BORG, TONIO)
Ir-regolamenti ġodda dwar il-logħob u l-manifattura tan-nar ġew pubblikati fit-3 ta' Novembru, 1998, b'Avviż Legali Numru 243 ta' l-1998. Qed jiġi propost Avviż Legali biex id-diversi provvedimenti jidħlu fis-seħħ f'dati differenti in kunsiderazzjoni tal-fatt li xi wħud minnhom għad jinħtieġilhom l-emendi għall-liġi prinċipali sabiex kemm il-liġi u kemm ir-regolamenti jkunu jaqblu ma' xulxin.
Dwar l-emendi għall-liġi, il-gvern għandu l-ħsieb li jżomm mal-ftehim li ġie milħuq ma' l-għaqdiet pirotekniċi. Naturalment jista' jkun hemm diskussjonijiet finali bejn iż-żewġ naħat qabel ma jiġi ppublikat l-abbozz ta' liġi.
24.11.98
Jista' l-Ministru jara li jitkomplew ix-xogħlijiet fuq l-arbli tad-dawl fil-parti tal-Wied tal-Fiddien fejn inbeda l-proġett ta' riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa? Billi dawn ix-xogħlijiet jinvolvu twaħħil ta' bozoz u billi issa l-ġurnata tidlam kmieni, jista' l-Ministru jawtorizza dawn ix-xogħlijiet immedjatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba għal dawl f`Wied tal-Fiddien ser tiġi kkunsidrata flimkien ma talbiet oħra.
Billi t-talba tar-residenti Rabtin sabiex tiddawwal il-bypass ta' l-Imtarfa ilha snin pendenti u billi wkoll kien hemm il-ħsieb li x-xogħlijiet isiru, jista' l-Ministru jinformani bil-pożizzjoni tal-Ministeru tiegħu ċioe' meta se jitwaħħlu l-arbli u l-bozoz sabiex din it-triq tiġi mdawwla? Jista' l-Ministru jikkonsidra li x-xogħlijiet isiru sa Diċembru li ġej?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba biex tiddawwal il-By-pass tal-Mtarfa qed tiġi kkunsidrata flimkien ma talbiet oħra.