Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar oġġezzjonatax għall-esproprjazzjoni ta' biċċa art u barumbara li qed timbarra, Triq ir-Redentur, Ħaż-Żabbar?
Response (BORG, TONIO)
Skond l-Att Nru.I ta' l-1992 m'hemm bżonn ta' ebda permess/kunsens tal-Awtorita' tal-Ippjanar għall-esproprjazzjoni ta' art.
30.11.98
Bank ta' l-Investment Ewropew — Tneħħija tat-tariffa tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-workings li juru dak li qal fir-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 1381 fir-rigward ta' l-esklużjoni tat-tariffa tad-drenaġġ fit-tariffa ta' l-ilma?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif intqal mill-Prim Ministru waqt il-konferenza stampa ta' nhar is-Sibt 21 ta' Novembru 1998, it-taxxa tad-drenaġġ imposta mill-Gvern Laburista ġiet eliminata u issa tinsab inkorporata fit-tariffi l-ġodda ta' l-ilma. Intenni li l-amministrazzjoni preżenti waslet għat-tariffi ġodda tad-dawl u ta' l-ilma mhux biss wara li għamlet il-workings tagħha, iżda wkoll wara konsultazzjonijiet mal-partijiet soċjali kollha.
Għalhekk il-workings waħedhom ma jagħtux l-istampa kollha ta' kif il-Gvern preżenti wasal biex jagħmel roħs sostanzjali fit-tariffi tad-dawl u ta' l-ilma.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy ta' l-Awtorita' tad-Djar fir-rigward tal-ħlas tal-kont ta' l-elettriku tal-lifts li ġew installati fl-appartamenti tal-gvern? Dawn il-kontijiet jinqasmu bejn kull min juża l-lift? Fejn normalment ikun installat il-meter ta' l-elettriku għal lift? X'jiġri f'każ ta' kerrej jew kerrejja li jirrifjutaw li jħallsu sehemhom mill-kont ta' l-elettriku?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fejn l-appartamenti jkunu inxtraw mill-benefiċjarji, ir-responsabbilta' tal-ħlas ta' l-elettriku tal-lifts hija tar-residenti. Fejn il-postijiet ingħataw bil-kera, jidhirli li r-responsabbilta' xorta hija tar-residenti iżda billi l-kirjiet huma amministrati mid-Dipartiment ta' l-Estates Management, nagħti parir lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru għall-Intern li taħtu jaqa' dan id-Dipartiment. Il-meter ta' l-elettriku naturalment ikun stallat fil-post komuni tal-blokk, aktarx fl-intrata.
Meta l-Awtorita' tad-Djar talloka appartament ġo blokki taħt l-iskemi tagħha, dawn il-benefiċjarji jiffirmaw dokument fejn jobbligaw ruħhom li jifformaw Għaqda tar-Residenti tal-Blokk u jkunu membri tiegħu. Dan il-Kumitat huwa responsabbli għall-manteniment tal-blokk, inkluż il-partijiet komuni fosthom il-'lifts' u l-konsum tad-dawl.
Kull benefiċjarju huwa għaldaqstant responsabbli flimkien mar-residenti tal-Blokk/Entratura għall-ħlas tad-dawl tal-'lift'.
Meta l-Awtorita' tad-Djar tiġi informata b'xi nuqqas previst fil-ftehim tal-bejgħ jew kirja, hi tieħu l-passi neċessarji skond l-istess Kuntratt/Avviż relattiv.
30.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy tad-dipartiment tal-pulizija rigward il-liċenzja tal-parkers?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-ħruġ ta' liċenzji għal car park attendants huma regolati skond Artiklu 65 tar-Regolamenti ta' l-1994 dwar il-Vetturi bil-Mutur (Avviż Legali 128 ta' l-1994).
30.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, li xtrat post mingħand l-Awtorita' tad-Djar snin ilu, u ż-żwieġ falla u issa huwa separat legalment, jistax ibiegħ dan il-post?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jekk il-persuna indikata titlob permess biex tbiegħ dan il-post, dan jingħata taħt il-kundizzjonijiet indikati fil-Kuntratt tal-akkwist, fosthom ir-rifuzjoni tas-sussidju, jew parti minnu skond il-każ, fuq il-prezz u fuq is-self li bbenefika minnhu dan il-benefiċjarju.
30.11.98
Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra min huma d-diretturi tal-Bank of Valletta kif ukoll tal-kumpanniji kollha li fihom dan il-bank għandu xi interessi?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-bank imsemmi mill-Onor. Interpellant huwa kumpanija privata u kkwotat ukoll fil-Borża ta' Malta, dan ma jaqax taħt id-dekasteru tal-Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-pazjenti Maltin li bbenefikaw min kura barra minn Malta matul l-1998 xahar b'xahar? X'kienet l-ispiża?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-pazjenti Maltin li bbenefikaw minn kura barra minn Malta matul l-1998 kienu:
1998
______
Jannar - 30
Frar - 34
Marzu - 39
April - 34
Mejju - 33
Ġunju - 18
Lulju - 36
Awissu - 38
Settembru - 38
Ottubru - 29
L-ispiża totali sa l-aħħar ta' Ottubru kienet:
Lm469,335.18,0.
________________
Dipartiment ta' l-Agrikoltura u Sajd — Scholarships barranin
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk qattx kien hemm prospetti ta' foreign scholarships fuq studju agrikolu li l-Ministeru ta' l-Agrikoltura u Sajd kellu għad-dispożizzjoni ta' l-impjegati tiegħu? Hemm xi scholarships pendenti bħalissa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Kien hemm diversi opportunitajiet ta' scholarships fuq studji agrikoli hemm għall-impjegati tad-Dipartiment kif ukoll għal persuni oħra interessati. Dawn l-ischolarships ġew meħuda sakemm ippermettew il-fondi addizzjonali li jkun hemm il-ħtieġa li joħrog id-Dipartiment, u skond il-Kwalifika meħtieġa.
Hemm diversi opportunitajiet ta' scholarships bħal issa. Kull minn hu nteressat għandu javviċina d-Dipartiment tal-Agrikoltura.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament mhijiex intitolata għall-għajnuna medika? X'inhu d-dħul applikabbli sabiex persuna tkun intitolata għal din it-tip ta' għajnuna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil Onor. Interpellant illi l-persuna msemmija fl-interpellanza tiegħu ġiet infurmata bir-raġuni għaliex ma tikkwalifikax għal-Għajnuna Medika.
Ninfurmah ukoll illi biex persuna tikkwalifika għal-Għajnuna Medika tkun trid tisodisfa t-test tal-kapital kif ukoll it-test tal-mezzi kif jinsabu fit-Tieni Parti tat-Tieni Skeda ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali li huma:
(a) il-Kapital ma jridx jeċċedi Lm7000 f' każ ta' koppja miżżewġa jew Lm4000 f'każ ta' persuni oħra.
(b) (i) f'każ ta' Pensjonanti, id-dħul fil-ġimgħa ta' koppja miżżewġa ma jridx jeċċedi Lm51.35 fil-ġimgħa jew Lm42.80 fil-ġimgħa għal persuni oħra.
(ii) f'każ li l-applikant li ma jirċievi ebda pensjoni, id-dħul ma
jridx jeċċedi Lm12.80 fil-ġimgħa f'każ ta' koppja miżżewġa jew Lm9.30 fil-ġimgħa f'każ ta' persuni oħra. Għal dawn il-każi, jew fejn pensjonant u l-mara tiegħu jkunu taħt is-60 sena, l-iskali (Lm12.80 jew Lm9.30) jiżdiedu bi Lm3.50 fil-ġimgħa għal kull membru ieħor fil-familja li ma jkunx impjegat jew jaħdem għal-rasu.
30.11.98
Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-applikazzjoni tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbgħatu separatament, għal xiri ta' post taħt avviż 61 ġiet rifjutata bir-raġuni mogħtija tkun li kienu rrifjutaw post mogħti lilhom taħt Avviż 60, meta taħt dan l-istess avviż setgħu jirrifjutaw b'raġuni valida?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Għandi ninforma lill-Onor. Membru li dan il-każ kien diġa ġie rreferut lill-Ombudsman li ddeċieda li dan l-ilment mhux ġustifikat u għalaq il-każ.
30.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm vapuri ġew struck off matul din is-sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li kif diġa jidher fir-rapport annwali ta` l-Awtorita Marittima ta` Malta, li jiena poġġejt fuq il-mejda tal-kamra, matul il-perjodu Ottubru 1997 - Settembru 1998, jiġifieri is-sena finanzjarja ta`l-Awtorita, ġiet mitmuma r-registrazzjoni ta` 329 bastiment.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-performance contract tal-General Manager u Credit Controller tal-Maltacom? Id-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament.
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jikkonferma l-Ministru li hawn nuqqas ta' psychiatric nurses? X'qed iżomm lid-dipartiment milli jimpjega infermiera speċjalizzati f'dan il-qasam li applikaw biex jaħdmu fl-istess dipartiment f'dawn l-aħħar żmenijiet?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Iż-żewġ infermiera li speċjalizzaw f'dan il-qasam dan l-aħħar ma jistgħux jaħdmu għax għadhom m'humiex reġistrati man-Nursing and Midwifery Board skond il-liġi. Dan ġara għax huma stess ma marrux japplikaw għar-reġistrazzjoni ma' l-istess Board.
Jista' l-Ministru jgħid f'idejn min hi r-responsabbilta' sabiex jingħata wiċċ ġdid ta' tarmac lil Qormi Road, Marsa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-patching f`Qormi Road huwa responsabilita` tal-Kunsill Lokali. Madankollu peress li din it-triq fiha ħafna ħsara ser ikollha tinqala` biex issir mill-ġdid u għalhekk tajt struzzjoni lid-Dipartiment tat-Toroq biex jieħu ħsieb jagħmel dan ix-xogħol.
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni dwar in-numru ta' nies jirreġistraw (Part I) li huma taħt il-25 sena u minn liema lokalitajiet jiġu f'Malta u Għawdex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' nies li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta' Settembru 1998 taħt il-25 sena, f'Malta u Għawdex kien ta' 2,094. Dawn kienu ġejjin minn dawn il-Kunsilli Lokali.
Malta Għawdex
Attard 22 Msida 32 Fontana 11
Balzan 8 Naxxar 23 Għajnsielem 12
B'Kara 101 Paola 45 Għarb 6
B'Buġia 42 Pembroke 8 Għasri 1
Cospicua 70 Pieta' 12 Kerċem 12
Dingli 13 Qormi 120 Munxar 7
Fgura 46 Qrendi 15 Nadur 18
Floriana 22 Rabat Malta 49 Qala 7
Għargħur 19 San Gwann 42 San Lawrenz 3
Għaxaq 37 Santa Luċia 26 Sannat 13
Gudja 29 Santa Venera 29 Victoria 46
Gzira 26 Senglea 25 Xagħra 19
Ħal Safi 10 Siġġiewi 41 Xewkija 15
Ħamrun 84 Sliema 19 Żebbuġ 19
Kalkara 20 St. Julian's 17
Kirkop 15 St. Paul's Bay 29 TOTAL 189
Lija 6 Swieqi 4
Luqa 37 Tarxien 42
L-Iklin 4 Ta' Xbiex 11
Marsa 66 Valletta 76
Marsascala 38 Vittoriosa 27
Marsaxlokk 24 Xgħajra 4
Mdina 0 Żabbar 121
Mellieħa 7 Żebbuġ Malta 86
Mġarr Malta 5 Żejtun 112
Mosta 42 Żurrieq 74
Mqabba 23
TOTAL 1,905
L-aħħar figuri ppubblikati huma ta' Settembru 1998.
30.11.98
Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir minn dawk l-istudenti u apprendisti fis-sengħa tar-restawr tal-ġebla Maltija li wara li ġew ttrenjati issa baqgħu barra għal iktar minn sentjen? Jidhirlu l-Ministru li ġaladarba Gvern Nazzjonalista kien għoddu tahom l-impjieg fix-xogħol tagħhom qabel l-1996 u mbagħad tħallew sentejn sħaħ taħt Gvern Laburista jistennew, jararx li wasal iż-żmien li dawn issir ġustizzja magħhom ukoll?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jidhirlu l-Ministru li numru ta' apprendisti f'oqsma differenti bħalma huma mastrudaxxi, electricians, restawr fil-ġebla Maltija - li ma ġewx ingaġġati - jikkostitwixxi ħela ta' riżorsi umani meta wieħed iqis il-bżonn ta' nies ta' sengħa f'diversi sptarijiet u proġetti tal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ovvjament l-Onor. Membru qed jirreferi għall-ingaġġ fis-Servizz Pubbliku ta' dawk l-apprentisti li jkunu temmew b'suċċess il-kors tagħhom taħt it-Technician Apprenticeship Scheme (TAS) u l-Extended Skills Training Scheme (ESTS). Jidhirli li għal numru ta' snin il-policy f'dan ir-rigward kienet u għadha li dan it-tip ta' ngaġġ m'għandux ikun wieħed awtomatiku iżda skond il-bżonn.
30.11.98
Jista' l-Ministru jara tistax issir xi ħaġa fuq l-istat ħażin ħafna ta' l-akkwadot ta' Wignacourt, partikolarment quddiem il-fabbrika tad-Devon Biscuits fejn huwa fi stat iminenti ta' kollass?
Response (GALEA, LOUIS)
Filwaqt li jkun aħjar li l-mistoqsija tiġi riferita lill-Ministru għall-Ambjent, tlabt lid-Dipartiment tal-Mużewijiet biex isegwi l-kwestjoni ma' l-awtoritajiet konċernati.