Possibbli li l-iStorm Water Division tara ftit x'jista jsir fi Triq Xrob il-Għaġin, iż-Żejtun fejn f'kull xita li tagħmel qed jinġabar ħafna ilma (aktar minn żewġ piedi ilma) bil-konsegwenza li qed jieqfu għadd ta' karozzi?
Billi din it-triq tgħaqqad iż-Żejtun u Wied il-Għajn ma' Tas-Silġ, Delimara u Marsaxlokk, possibbli l-Ministru jinformani x'xogħol hu meħtieġ li jsir biex din il-problema tissolva u jgħid ukoll meta hu maħsub li jsir?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat illi l-problema imsemmija mill-Onorevoli Interpellant ġiet diskussa mal-Kunsilli Lokali taż-Żejtun u Marsaxlokk rispettivament.
Minn studju li sar l-unika soluzzjoni vijabli li hemm hija illi tinbena sistema ta' ġbir ta' ilma mill-post indikat għal Marsaxlokk.
Għadhom qegħdin isiru surveys minn fejn trid tgħaddi din is-sistema u x'impatt jista' jkun hemm sabiex ma tinħoloqx problema fejn tispiċċa din is-sistema.
Il-Ministru jaħseb li għandu jkun hemm liġi li tirregolarizza l-impjieg u l-kondizzjonijiet tas-Security Officers li jaħdmu mal-kumpanniji privati tas-security?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-ditti ta' 'security officers' m'humiex dawk waħdanin li fil-preżent ma jaqgħux taħt 'Waġes Councils'. Il-'leave' b'vaganza u festi pubbliċi, u l-paga minima huma fil-preżent regolati b'national standard orders li japplikaw għall-kull persuna impjegata f'Malta. Qiegħed nara x'jista' jsir biex is-sistema ta' national standard orders tiġi estiża biex tkopri benefiċċji oħrajn minbarra l-leave b'vaganza u l-paga minima li huma ġa regolati b'national standard order.
30.11.98
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 1123 li tirrigwarda l-golf courses?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-'policy paper' approvata mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar kienet maħsuba sabiex tistabilixxi linji gwida ġenerali dwar l-iżvilupp ta' 'golf courses' fil-Gżejjer Maltin. Minn naħa l-oħra, il-proposti għall-iżvilupp ta' 'golf courses' mresqa minn diversi żviluppaturi jirrikwardaw proġetti speċifiċi. Aħna infurmati li, preżentement, dawn il-proposti qed jiġu eżaminati mill-Ministeru għat-Turiżmu. Għalhekk, nissuġerixxu li l-mistoqsija ssir lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-iżviluppi li kien hemm maħsub għal Pembroke mill-Awtorita' tad-Djar hux se jitkompla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nikkonferma li l-iżvilupp ta' madwar 350 unit fl-ewwel fażi tal-proġett li kien ppjanat minn qabel Ottubru 1996 ser jitkompla.
Fil-fatt ħarġu l-offerti għall-bini ta' l-ewwel 81 unit fuq Site 'B'.
Rigward l-kumplament tal-iżvilupp iridu jitkomplew id-diskussjonijiet ma' l-awtoritajiet konċernati, fosthom l-Awtorita' ta' l-Ippjanar biex jiġi deċiż kemm-il unit ser jiġu żviluppati fit-tieni fażi u meta din it-tieni fażi għandu jinbeda xogħol fuqha.
30.11.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm jiddikjaraw li jdaħħlu: (a) iżjed minn Lm10,000; (b) iżjed minn Lm8,000 - Lm10,000; (c) iżjed minn Lm6,000 - Lm8,000; (d) iżjed minn Lm4,000 - Lm6,000, fid-dikjarazzjoni tagħhom tat-taxxa f'Malta u Għawdex?
Response (DALLI, JOHN)
In-numru ta` taxpayers (individwi, kumpanniji, eċċ) li jiddikjaraw dħul skond l-income brackets mitluba mill-Onor. Interpellant huma dawn:
Income Bracket Numru ta` Taxpayers
a. iżjed minn Lm10,000 3,674
b. iżjed minn Lm8,000 - Lm10,000 3,488
c. iżjed minn Lm6,000 - Lm8,000 8,360
d. iżjed minn Lm4,000 - Lm6,000 22,493
Total 38,105
Din l-informazzjoni hija meħuda minn madwar 128,000 kontijiet maħruġa għas-sena bażi 1995 sat-23 ta` Novembru 1998.
Jista' l-Ministru jgħid, matul Settembru, Ottubru u Novembru, kemm-il spezzjoni saret mill-uffiċjali responsabbli f'Malta u mill-Internal Audit tal-Ministeru f'Għawdex biex tiġi żgurata l-preżenza tal-44 għassies assenjati bil-lejl mas-siti arkeoloġiċi u storiċi ta' Malta u Għawdex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li f'Malta ma saret ebda spezzjoni, waqt li f'Għawdex saret spezzjoni waħda, fil-Mużewijiet kollha fid-9 ta' Novembru mill-Internal Audit fi ħdan il-Ministeru t'Għawdex.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għadx hemm il-ħsieb li jsir centru ta' studju tar-restawr fil-Palazz ta' Bighi? Fiex wasal ix-xogħol ta' restawr fuq il-bini ta' Bighi? Meta huwa maħsub li se jitlesta dan ix-xogħol?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-kwestjoni kollha qed tiġi konsidrata u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm għandhom panelli mwaħħlin ma' l-arblu tal-Għarghur is-Super 1 TV u kemm minnhom qed jintużaw?
Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li hemm uħud mill-antenni li m'humiex jintużaw? Kemm huma u ta' min huma? F'każ li dawn l-antenni li m'humiex jintużaw jinqalgħu, ikun possibbli li jitwaħħlu oħrajn minflokhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena mgħarraf mill-Awtorita' tax-Xandir, li hi
responsabbli mill-liċenzja ta' Super 1 TV kif ukoll mill-
arblu tal-Għargħur, li minn spezzjoni riċenti jirriżulta li
l-istazzjon għandu disa panelli mwaħħlin ma' l-arblu.
Minn dawn, sebgħa qed jintużaw.
Qed jinġabar tagħrif dwar it-tieni parti tal-mistoqsija u
aktar informazzjoni tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'servizzi qed joffri t-torri tal-Għargħur u liema istituzzjonijiet/organizzazzjonijiet qed jagħmlu użu minn dawn is-servizzi? Jista' l-Prim MInistru jagħti informazzjoni billi jgħid kull servizz min qed jagħmel użu minnu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Skond informazzjoni li tatni l-Awtorita' tax-Xandir hija
prorjetarja ta' l-art fejn hemm is-sit tat-trasmissjoni u
tat-torri fil-Għargħur.
L-istess torri joffri servizzi ta' trasmissjoni kemm għall-
mezzi tax-xandir kif ukoll għall-mezzi ta'
telekommunikazzjoni. Dawn l-istituzzjonijiet/
organizazzjonijiet qed jużaw il-faċilitajiet tat-torri:
1. Maltacom plc
2. Master Antenna Ltd
3. Public Broadcasting Services Ltd
4. Vodafone plc
5. Central Bank of Malta
6. Melita Cable plc
7. Rainbow Productions Ltd
Enemalta — Ħaddiema li weġgħu fuq il-post tax-xogħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ħaddiema weġgħu fuq il-post tax-xogħol meta kienu jaħdmu mal-Korporazzjoni Enemalta sena b'sena mill-1994 'il hawn?
Response (BONNICI, JOSEF)
In-numru ta' ħaddiema li weġġgħu fuq il-post tax-xogħol fil-Korporazzjoni Enemalta sena b'sena mill-1994 'il hawn kien kif ġej:-
1994 270
1995 276
1996 218
1997 180
1998 163 (sat-23 ta' Novembru 1998)
Ta' min jgħid li dawn il-figuri jinkludu inċidenti żgħar. Kull sena, fl-Enemalta, iseħħu madwar tlieta jew erba' każijiet li jkunu jeħtieġu kura fl-isptar.
Inżid ukoll li l-użu ta' ħwejjeġ u tagħmir protettiv u d-dħul ta' regoli ta' ħarsien, għenu sabiex ir-rata ta' inċidenti fil-korporazzjoni jonqos b'madwar
36 fil-mija.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1230, jista' l-Ministru jgħid x'inhu stmat li hu l-valur tal-fee professjonali li se jitħallas lil perit Michael England għax-xogħol li se jagħmel konness mal-Masterplan għal Bieb il-Belt?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ix-xogħol konness mal-Master Plan għal Bieb il-Belt ma jistax jiġi iżolat mill-kumplament tax-xogħol fuq in-National Arts Centre propju u ta' l-inħawi u għalhekk li wieħed jitkellem fuq fee direttament konnessa mal-Master Plan mhix korretta. Il-Proġett kollu huwa stmat li jqum 'il fuq minn Lm30,000,000. (tletin miljun lira) u għalhekk huwa faċli li wieħed jasal għal kalkulazzjoni tal-fee dovuta lill-Perit jekk dan jagħmel ix-xogħol kollu inkluż taħt it-Tariffa K li jinkorpora disinni dettaljati u superviżjoni fuq ix-xogħol.
Finalment dan kollu qiegħed jingħad jekk l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għal Perit Richard England u mhux Michael England kif hemm imniżżel fil-Mistoqsija Parlamentari.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament hux impjegat ta' l-Malta Development Corporation? X'inhi l-pożizzjoni li jokkupa u x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra għandu għax-xogħol li jagħmel?
Jista' jgħid x'inhuma l-kondizzjonijiet li għandu jekk l-impjieg hu wieħed b'kuntratt? Ħarġet sejħa pubblika għal dan l-impjieg?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant mhix impjegata tal-MDC.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament kienx impjegat għal xi żmien mal-Metco, x'pożizzjoni kien jokkupa u x'remunerazzjoni u benefiċċji oħra kellu f'dan l-impjieg?
Jista' jgħid jekk saritx sejħa pubblika għal dan l-impjieg u kemm dam f'din il-kariga?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. interpellant għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel il-gvern biex jgħin lil dawk il-familji li qed jieħdu ħsieb persuni b'diżabilita' fi djarhom u li jenħtieġu aġġustamenti fir-residenzi tagħhom bħal, per eżempju, lift eċċ. biex dawn iċ-ċittadini ma jispiċċawx priġunieri f'darhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar għandha skema sabiex tgħin lill-persuni b'diżabilita' biex jaddattaw r-residenza tagħhom għad-diżabilita' tagħhom. Fost il-lista ta' xogħolijiet previsti taħt din l-iskema hemm l-istair lift. Qed inqiegħed kopja tal-lista fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fil-każ ta' persuni b'diżabilita' li jgħixu fi blokki tal-Gvern, l-Awtorita' tad-Djar qed tistudja skema għall-istallazzjoni ta' lifts, fejn dan huwa strutturalment possibbli.
30.11.98
F'Ħal-Qormi jenħtieġ eżerċizzju sħiħ mill-awtoritajiet inkarigati mit-trasport pubbliku biex jiġu moqdija l-ħtiġijiet attwali taċ-ċittadini Qriema. Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorita' tat-Trasport Pubbliku jew min hu nkarigat minn xogħol bħal dan, hux qed tagħmel stħarriġ dwar il-bżonnijiet attwali taċ-ċittadini Qriema rigward dan is-servizz essenzjali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Awtorita` għat-Trasport tikkunsidra kull ilment li jinqala` minn żmien għal żmien. Fil-fatt l-aħħar ilment minn Ħal-Qormi kienet tikkonċerna it-tmexxija tal-by-pass għal Ta` Farsina.
Nista` ngħid ukoll li l-Awtorita` għat-Trasport flimkien mas-sidien ser tiprova tagħmel studju serju dwar ir-rotot kollha li għandna fil-pajjiż.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex ġew imwaqqfa l-Airport Attendants li daħlu f'Awissu li għadda mal-Malta International Airport fuq bażi ta' casual/part-time, meta għad hemm il-bżonn tagħhom?
Response (GALEA, ĊENSU)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema barranin jaħdmu Malta? F'liema setturi qegħdin nisa jew irġiel? X'eta' għandhom? X'tip ta' xogħol jagħmlu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-ħruġ ta' licenzji ta' l-impjieg (employment licence) lil persuni barranin huwa r-responsabbilta' tad-Dipartiment taċ-Ċittadinanza u ta' l-'Expatriates', li llum huwa parti mid-dekasteru tal-Ministeru ta' l-Intern. Naturalment dawn il-liċenzji joħorġu wara konsultazzjoni mid-Dipartimenti u l-entitajiet pubbliċi l-oħra konċernati.
Għalhekk, nitlob lill-Onor. Membru tagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli.
30.11.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk isirux analizi tal-kapsuli ta' l-ecstasy li jinqabdu mill-pulizija biex inkunu nafu l-kompożizzjoni tagħhom? Jekk din l-analizi saret, jista' l-Ministru jgħid jekk il-kompożizzjoni ta' dawn il-kapsuli kenitx l-istess? X'sustanzi kien fihom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li jsiru analiżi tal-pilloli ta' l-ecstasy li jinqabdu mill-pulizija biex isir magħruf jekk dawn il-pilloli humiex ecstasy jew le. Dawn l-analiżi jsiru fil-Laboratorju Forensiku. Irrid ngħid ukoll li sa issa fil-Laboratorju Forensiku ġew biss analizzati pilloli ta' l-ecstasy mhux kapsoli. Il-kompożizzjoni kimika ta' l-ingredjent prinċipali tal-pilloli ta' l-ecstasy hija dejjem l-istess, dik magħrufa bħala 3,4-methylene-N-methamphetamine (MDMA). Fil-Laboratorju Forensiku ġew ukoll analizzati pilloli oħra li f'dik li hija struttura kimika jixbħu lill-ecstasy. Dawn il-pilloli huma magħrufa kimikament bħala 3,4-methylene-N-ethylamphetamine (MDEA) u huma magħrufa fit-triq bħala EVE.
30.11.98
Peress li f'Awissu li għadda l-Gvern Laburista m'aċċettax li jogħlew dawn il-prodotti bl-użin bħal, per eżempju, perżut, bacon, mortadella u luncheonmeat iżda minkejja dan mhux il-ħwienet kollha niżlu l-prezzijiet, jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir min-naħa tal-Gvern biex jara li l-prezzijiet ta' dawn l-affarijiet jimxu skond dak li hu stabbilit?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li din il-materja qed tiġi mistħarrġa u l-amministrazzjoni tkun f'pożizzjoni aħjar biex twieġeb għal din il-mistoqsija meta jkun magħruf b'mod ċar x'kien għamel il-Gvern Laburista ta' dak iż-żmien.
Jista' l-Ministru jagħti l-ammont u l-lista ta' mediċini li kienu nieqsa f'Lulju, f'Awissu, f'Settembru u f'Ottubru, 1998?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern joħorġu 'out of stock lista' darba fil-ġimgħa. Għaldaqstant l-informazzjoni hawn mogħtija ttieħed mill-listi li ħarġu fl-ewwel ġimgħa ta' kull xahar li għalih l-Onor. Interpellant staqsa fuqhom.
Dawn il-listi jinkludu:
1. mediċini li qegħdin jiġu diskussi mid-'Drugs and Therapeutics
Committee (DTC)' biex jiġu maqtugħa minn fuq il-formularju.
2. mediċini li s-Servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern għandu problema
biex jixtrihom minħabba li ħadd ma qiegħed jikkwota għalihom.
3. mediċini li għalkemm ma jinstabux fl-imħażen tas-Servizzi
Farmaċewtiċi tal-Gvern ikun fadal stokk minnhom fl-ispiżeriji
tal-Gvern.
Il-Listi qed jiġu ppreżentati fil-paġni li ġejjin.