Legislature:
Category:
Reset
Active:

Xogħlijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-ħaddiema u impjegati li jkunu qed jaħdmu fuq xogħlijiet fuq barra humiex jingħataw faċilitajiet ta' per eżempju mobile toilets, fejn jaħslu idejhom u fejn jieklu u dan fil-kuntest tal-politika favur is-saħħa u s-sigurta' tal-ħaddiema fuq il-postijiet tax-xogħol? Min hu jew huma nkarigati mis-safety ta' dawn il-ħaddiema fuq dawn il-lantijiet tax-xogħol?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-postijiet fejn isir ix-xogħol mid-Diviżjoni tax-Xogħlijiet ivarjaw ħafna kemm fil-kobor tax-xogħol fiż-żmien li jieħdu, kif ukoll fin-numru ta' ħaddiema li jkunu fuq il-lant. Minħabba f'hekk il-faċilitajiet li ssemmew mill-Onorevoli Interpellant mhux dejjem li jkun hemm bżonnhom kollha. Fi proġetti ta' ċerta entita' u żmien fit-tul, il-faċilitajiet imsemmija ġeneralment ikunu provduti. F'każi oħra ssir evalwazzjoni taċ-ċirkostanzi u jittieħdu l-miżuri neċessarji. Dawn il-miżuri jinkludu arranġamenti ma' Kunsilli Lokali, entitajiet Governattivi jew Parastatali, biex il-ħaddiema jinqdew bil-faċilitajiet li jkollhom dawn l-entitajiet. Bħalissa d-Diviżjoni qed tagħmel eżerċizzju biex isir upgrading tal-faċilitajiet mobbli li diġa' għandna u biex jinxtraw oħrajn ġodda. Għalkemm il-ħaddiem innifsu għandu jara li s-sigurta' tiegħu titħares, fuq kull lant ikun hemm uffiċjali tekniċi jew professjonali li jkunu responsabbli minn dak ix-xogħol. Din ir-responsabbilta' tinkludi s-saħħa u s-sigurta' tal-ħaddiema. Ma' dan inżid li d-Diviżjoni tax-Xogħlijiet għandha unit li tieħu ħsieb is-saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol. L-Ispetturi ta' dan il-unit jagħmlu spezzjonijiet regolari fuq lantijiet tax-xogħol u jagħmlu r-rakkomandazzjonijiet meħtieġa lid-Direttur tad-dipartiment konċernat. Inkompli nżid li f'Mejju 2002 id-Diviżjoni ħarġet dokument ta' policy dwar is-saħħa u sigurta' fuq il-post tax-xogħol kif ukoll statement ta' policy li qed jiġi ffirmat mid-Direttur Ġenerali u d-diretturi u mill-ħaddiema.

Housing

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm hija l-area (approssimattiva) ta' art li l-housing authority utilizzat mill-artijiet trasferiti mill-knisja lill-gvern għal skop ta' housing, minn meta ġiet trasferita din l-art?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li minn 1999 sallum, il-Knisja ttrasferit lill-Gvern madwar 68,000 metru kwadru ta' art f'lokalitajiet differenti bl-iskop li tiġi żviluppata għal housing soċjali. Madwar 14,000 metru kwadru minn din l-art kienet skedata għal toroq. L-iżvilupp tal-kumplament ta' l-art jinsab f'fażijiet differenti cioe': 6,300 metru kwadru inbnew bħala maisonettes u appartamenti ġeneralment bil-garaxxijiet taħt. 14,600 metru kwadru qed jiġu żviluppati fil-preżent permezz ta' bini ta' maisonettes/appartamenti u garaxxijiet. 8,400 metru kwadru qed jiġu ppreparti pjanti u tenders biex tiġi żviluppata l-art għall-istess skop. 24,700 metru kwadru għadu qed isir jew irid isir studju biex jiġi stabbilit f'liema minn dawn is-siti huma possibbli li jiġu mibnija housing units.

Awtorita' tat-Trasport Pubbliku

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija 35021, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti kollha inkluż disinji, pjanti, stimi, eċċ dwar l-offerta CT 305/97 maħruġa għan-nom tal-Awtorita` tat-Trasport Pubbliku mid-dipartiment tal-kuntratti kif pubblikata fil-G.G. tal-23-09-1997? Kemm kienu intefgħu offerti? Xi prezzijiet ingħataw u x'kienet id-deċiżjoni ta' l-Awtorita` dak iż-żmien?

Response (GALEA, ĊENSU)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru tal-Finanzi.

SVDP — Boiler

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux vera li f'SVDP hemm boiler li ilu madwar sena li m'għadux jiffunzjona? Għaliex ma jaħdimx? Se jissewwa jew se jinbidel? X'inhi l-ispiża?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellanti li l-boiler indikat ilu jaħdem għal dawn l-aħħar 25 sena u d-Dipartiment ħass il-ħtieġa li jinvesti fuq boiler ġdid b'kapaċita' ikbar. Peress li x-xogħol qiegħed fi stadju ta' Tender, mhux il-każ li tingħad l-ispiża.

Qormi — Triq l-Imdina

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux veru li fi Triq l-Imdina Ħal Qormi fil-parti kantuniera ma' Triq Santa Katerina 'l isfel, hemm katusi miżdudin? Jekk iva, jista' jara li tiġi rranġata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta u l-Kunsill Lokali ma rċievew l-ebda lment mir-residenti f'dan ir-rigward.

Benefiċċju Soċjali

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 33082, jista' jara għaliex ma hux qed jingħata benefiċċji soċjali bi dritt lil persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament u li dan ma għandhux kapital għola min dak li teżentah milli jieħu dawn il-benefiċċji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 33082 f'Seduta 736.

Benefiċċji Soċjali

Question

Jista' il-Ministru jwieġeb mistoqsija 33138, jista' jara għaliex ma hux qed jingħata benefiċċji soċjali bi dritt lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu under separate cover li qiegħda fiċ-ċentru tas-saħħa tal-Mosta u li m'għandhiex kapital għola minn dak li jeżentah milli jieħu dawn il-benefiċċji?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 33082 f'Seduta 736.
Leg 9 PQ #35196 Sitting 782 2002-09-16 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

MFSC

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jidhru separatament għandhiex il-permessi meħtieġa ta' l-MFSC biex taħdem fil-kumpannija ta' l-insurance li d-dettalji tagħha wkoll qed jidhru separatament?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mir-records tal-MFSC, ma jirriżultax li d-ditta ndikata għandha xi liċenzja taħt l-Att ta' l-1998 dwar il-Kummerċ ta l-Assigurazzjoni jew taħt l-Att ta' l-1998 dwar Brokers fl-Assigurazzjoni u Intermedjarji oħra. Iżda, fl-indirizz ta din id-ditta kif indikat mad-domanda, jirriżulta' li fil-fatt hemm individwu, li huwa liċenzjat sabiex jaġixxi bħala sott-aġent (sub-agent) fl-assigurazzjoni għal kumpannija (oħra) li tinsab debitament awtorizzata'. Jirriżulta wkoll li fit-tieni ndirizz indikat hemm individwu ieħor - b'isem differenti, li huwa liċenzjat sabiex jaġixxi bħala sotto-aġent fl-assigurazzjoni għall-kumpannija debitament awtorizzata'.
Leg 9 PQ #35225 Sitting 782 2002-09-16 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Freeport — Containers

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu containers fil-freeport sena b'sena, xahar b'xahar, mis-snin 1999 sa l-2001?

Response (BONNICI, JOSEF)

In-numru ta' containers (TEU's jew units ekwivalenti ta' għoxrin pied) li daħlu fil-Port Ħieles kull xahar matul dawn l-aħħar tlitt snin kien kif jidher hawn taħt: XAHAR 1999 2000 2001 Jannar 87,487 76,771 101,635 Frar 89,645 83,710 87,931 Marzu 88,411 82,134 93,580 April 80,942 78,926 92,236 Mejju 89,850 83,210 87,713 Ġunju 89,506 82,695 99,855 Lulju 94,784 91,548 96,403 Awissu 84,747 83,861 98,566 Settembru 84,195 97,245 96,237 Ottubru 100,377 96,208 106,634 Novembru 74,147 89,380 105,073 Diċembru 80,881 87,364 99,207 TOTAL 1,044,972 1,033,052 1,165,070
Leg 9 PQ #35226 Sitting 782 2002-09-16 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm daħlu ħaddiema ġodda mal-Maltacom f'dawn l-aħħar 4 snin, sena b'sena, sal-lum?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u t-tweġiba tingħata hekk kif din tkun disponibbli.

Kawżi Pendenti

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'inhuma l-figuri ta' kawżi pendenti, dawk ċivili u dawk kriminali, sena b'sena, għal ħames snin li għaddew?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #34775 Sitting 781 2002-07-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Atkins Report

Question

B'riferenza għall-Atkins report li qed nibgħat kopja separatament, jista' l-Ministru jinfurmani x'investigazzjoni saret sabiex jitħares u jiġi rimedjata l-periklu fuq iċ-ċittadini u turisti li kkawża ċ-ċaqlieq tal-mini mill-pjanta oriġinali tal-proġett inkwistjoni? Min se jerfa' r-responsabbilta' kemm-il darba ma jiġix rimedjat il-periklu msemmi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-pjanti u r-rapporti sottomessi mill-applikant, li jikkonċernaw il-'fire safety' ventilazzjoni u d-disinn tat-triq fl-applikazzjoni għal Tigne` Sports Phase u Tigne` Link Road, ġew mibgħuta lil Civil Protection Department u l-Malta Transport Authority mid-Direttorat ta` l-Ippjanar, għall-kummenti tagħhom. Dawn iż-żewġ Dipartimenti aċċettaw dawn id-dokumenti iżda l-fireproofing, ventilazzjoni u illuminazzjoni tat-tunnel, fil-ħruġ tal-permess ta` żvilupp ġew ritenuti bħala materji li jridu jiġu approvati qabel ma jiġi kkummissjonat ix-xogħol tat-tunnel u suġġetti għall-approvazzjoni tal-Malta Transport Authority.
Leg 9 PQ #34776 Sitting 781 2002-07-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tat-Turiżmu

Atkins Report

Question

B'riferenza għall-Atkins report li qed nibgħat kopja separatament, jista' l-Ministru jinfurmani x'investigazzjoni saret sabiex jitħares u jiġi rimedjata l-periklu fuq iċ-ċittadini u turisti li kkawża ċ-ċaqlieq tal-mini mill-pjanta oriġinali tal-proġett inkwistjoni? Min se jerfa' r-responsabbilta' kemm-il darba ma jiġix rimedjat il-periklu msemmi?

Response (REFALO, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru responsabbli mill-Awtorita’ tal-Ippjanar u tal-Ambjent.
Leg 9 PQ #34777 Sitting 781 2002-07-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

FAO

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija 31375 għas-sena 1998? Meta kien żar Malta id-direttur ġenerali tal-FAO?

Response (ZAMMIT, NINU)

Id-Direttur Ġenerali tal-FAO kien żar Malta bejn it-12 u l-14 ta' April 1997, meta l-istess Onor. Membru kien Ministru. Nerġa' ntenni li ma jirriżulta mkien li kien sar xi ftehim bejn il-Ministeru tal-Biedja u Sajd u l-FAO. Jekk l-Onor. Interpellant, bħala l-Ministru responsabbli dak iż-żmien, għandu xi kopja tal-ftehim li qed jgħid li sar, napprezza ħafna jekk jgħaddili kopja.
Leg 9 PQ #34778 Sitting 781 2002-07-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Safar — Nefqa

Question

B'riferenza għal mistoqsija 34030, jista' l-Ministru jgħid kemm mill-flus tan-nefqa tas-safar intefqet sabiex intbagħtu żgħażagħ/studenti mill-kulleġġ tal-biedja sabiex jitħarġu fuq produzzjoni agrikola organika?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li peress li l-Mistoqsija Parlamentari kienet tittratta "n-nefqa f'ċifra ta' flus f'safar ministerjali u dipartimentali tal-Ministeru", din ma kinitx tinkludi l-programmi varji segwiti mill-istudenti. Informat ukoll li bejn Jannar u Mejju l-istudenti tal-Kulleġġ Agrikolu kellhom opportunita` ta' tlett skambji-korsijiet barra minn Malta. Wieħed minnhom kien kors dwar id-dwieli fil-Collegio di Agricoltura rosalini fl-Italia. Dan il-kors kien jinkludi l-produzzjoni agrikola tad-dwieli. Programm ieħor fi Brietel College of Agriculture fi Franza kien jinkludi prattika flimkien ma studenti Franċiżi f'ażjendi differenti fosthom xi wħud li jipprattikaw l-agrikoltura organika. La l-Ministeru u lanqas id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ma ġew involuti fi spejjeż biex sar dan it-taħriġ.

Baħrija — Triq Prinċipali

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tingħata t-tarmac it-Triq Prinċipali tal-Baħrija din is-sena jew d-dieħla? Kemm hija ċ-ċifra ta' flus ivvutata għall-għoti tat-tarmac tat-Triq Prinċipali tal-Baħrija?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li qabel it-triq prinċipali tal-Baħrija tiġi reconstructed hemm programm estensiv ta' toroq bi prijoritajiet akbar li jrid isir xogħol fuqhom fis-snin li ġejjin. Madanakollu minħabba l-ħsara li fiha din it-triq id-Direttorat għat-Toroq ser ikollu jagħmel xogħol biex din il-ħsara titranġa. Id-Direttorat stabbilixxa li biex il-patching tal-pot holes f'din it-triq isir, l-ispiża kienet taqbeż Lm80,000 u peress li nstab li jkun irħas li jingħata carpet ta' tarmak fit-triq minn flok, ħarġet sejħa għall-offerti sabiex dan il-carpet ikun jista' jsir.
Leg 9 PQ #34780 Sitting 781 2002-07-23 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

UE

Question

Jista' l-Ministru jinfurmani bid-dettall li jiena tlabt f'mistoqsija 32740, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista' ta' 87 prodott ta' l-ikel li se jkunu suġġett ta' kwota u tariffa wara li Malta ssir membru ta' l-UE kif spjegat fit-tweġieb tiegħu fis-seduta 720?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nerġa' nissuġġerixxi lill-Onor. Interpellant jirriferi għat-TARIC ta' l-Unjoni Ewropea, fejn isib l-informazzjoni kollha.
Leg 9 PQ #34906 Sitting 781 2002-07-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Finanzi Pubbliċi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif jipparagunaw il-figuri tal-finanzi pubbliċi għall-ewwel ħames xhur tas-sena mal-projected figures tal-Ministeru tiegħu.

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li dan il-paragun diġa' sar b'mod dettaljat ħafna, proprju bil-figuri Jannar/Mejju 2002 paragunati ma' l-istimi għas-sena kollha, kemm fil-Gazzetta tal-Gvern tat-28 ta' Ġunju 2002 kif ukoll bil-kummentarju maħruġ mill-Uffiċċju ta' l-Istatistika, immedjatament wara. Nerġansostni li dawn il-paraguni jistgħu jagħtu stampa ħażina billi d-dħul u l-ħruġ tal-Gvern m'humiex konsistenti xahar b'xahar u billi l-Gvern għadu jikkontja fuq bażi ta' cash flow.
Leg 9 PQ #34907 Sitting 781 2002-07-23 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Wage Freeze

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li billi ma kien hemm l-ebda żidiet fil-pagi ikkontemplati fil-kontro-proposti li ntbagħtu lill-unions għall-ftehim kollettiv ta' tliet snin minn Jannar 2002, ifissirx li l-Gvern qed jirrikorri għall-wage freeze li tant ikkritika fl-imgħoddi?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-pożizjoni tal-Gvern dwar il-ftehim hu pubbliku u jafu kullħadd, wara iż-żidiet li ngħataw dan l-aħħar u li tant ġew kritikati mill-oppożizjoni, l-Gvern isostni li m'hemmx lok għal żidiet f'dan il-collective agreement. L-oppożizzjoni trid tiddeċidi l-pożizjonji tagħha u ma tibqgħax tgħix fil-konfużjoni tal-popolariżmu, li tikritika l-Gvern meta jgħati ż-żidiet u tikritika l-Gvern meta jgħid li mhux ser jgħati żidiet.
Leg 9 PQ #34915 Sitting 781 2002-07-23 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kellna tfal Maltin u Għawdxin jattendu l-aħħar sena tal-primarja fl-iskejjel tal-gvern fis-sena skolastika li għadha kemm intemmet?

Response (GALEA, LOUIS)

Infurmat li n-numru ta' tfal Maltin u Għawdxin li kienu jattendu l-aħħar sena fl-iskejjel Primarji ta' l-iStat kien ta 2238 tifel u 1930 tifla, għal total ta 4168 tifel u tifla.