Peress li lment minn ħafna kunsilli lokali huwa li ma jistgħux jagħmlu xogħol utli fit-toroq tal-lokalitajiet tagħhom minħabba nuqqas ta' fittings, jista' l-Ministru jispjega lil din il-Kamra dwar kif jista' jsolvi din il-problema?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-Kwistjoni tal-fittings kienet diġa` ġiet ittratta fit-Tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 918.
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta` l-Ilma qed tistenna li jaslulha l-fittings li ordnat u s-sitwazzjoni mistennija tiġi għan-normal fi żmien qasir.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Board tan-Neighbours Complaints hux kostitwit?
Jekk ir-risposta hi fin-negattiv, meta se jiġi kostitwiti?
Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, min huma l-membri?
Kemm hemm każi jistennew il-permess quddiem dan il-bord?
Response (BORG, TONIO)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal Police Licenses Advisory Board, dan hu kostitut, u l-membri tiegħu huma : -
Is-Sur Paul Ciantar - Chairman
Is-Sur Charles Grima - Membru
Dr Ingrid Young, LL.D. - Membru
Is-Sinjorina Rita Vella Brincat - Segretarja
01.12.98
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' policy għandu l-Gvern fir-rigward tal-miżati mħallsa lill-iskejjel privati? Jaf il-Ministru li, per eżempju, skola privata sekondarja partikolari għolliet il-miżata minn Lm285 għal Lm434? Hemm xi tip ta' monitoring għal dan? Jekk hemm, xi jsir?
Response (GALEA, LOUIS)
Is-sitwazzjoni hi regolata mill-Avviż Legali Nru.196 tal-1994 (Regolamenti tal-1994 ki jemendaw ir-regolamenti li jistabilixxu l-Kundizzjonijiet Minimi Nazzjonali għall-iskejjel kollha) li f'paragrafu 2 tiegħu jippreskrivi li 'r-rati tal-ħlas tal-miżati jew ħlas ieħor stabbilit fil-bidu ta' sena skolastika ma jistgħux jiżdiedu matul dik is-sena skolastika kollha kemm hi'. S'issa m'hemmx deċiżjoni li dan l-Avviż jinbidel.
Jekk l-Onor. Membru qed tirreferi għal xi każ partikulari nitlobha tgħarrafni biħ.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'inhi l-policy dwar il-vetturi tal-Gvern? Huwa permess li dawn jiġu pparkjati ħdejn bibien is-sewwieqa meta mhux il-ħin tax-xogħol? Min għandu l-permess li jagħmel dan?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Dawk l-uffiċjali li huma ntitolati, minħabba l-kariga
tagħhom, għal vettura tal-Gvern, għandhom permess iżommu u
jużaw il-karozza allokata lilhom wara l-ħin tax-xogħol.
Jekk l-Onorevoli Membru qed tirreferi għall-karozzi ta' użu
ġenerali, ir-regola hija li s-sewwieqa jħalluhom ipparkjati
f'post stabbilit ħdejn id-dipartiment jew fil-garaxx tad-
dipartiment ħlief f'xi ċirkostanzi partikolari bħal xogħol
tard bil-lejl jew kmieni fil-għodu, fejn is-sewwieqa jkunu
awtoriżżati jmorru lura d-dar bil-karozza tal-Gvern.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir fil-prattika biex prodotti skaduti ma jkunux għal bejgħ fil-ħwienet? X'tip ta' monitoring qed isir? X'tip ta' passi qed jittieħdu? Kemm insabu każi mill-5 ta' Settembru 'il hawn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li rigward l-ewwel u t-tieni parti tad-domanda d-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika permezz tal-Ispetturi tas-Saħħa u l-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Port jissorveljaw il-prodotti tal-ikel kemm meta jiġu mpurtati kif ukoll meta jkunu esposti għall-bejgħ fil-ħwienet. Rigward it-tielet parti tad-domanda d-dipartiment tas-Saħħa Pubblika permezz tal-Ispetturi tas-Saħħa tal-Uffiċċju tas-Servizzi tal-Port jaħdmu f'kooperazzjoni mad-Dipartiment tad-Dwana, biex prodotti tal-ikel, li jkunu destinati għall-konsum mill-pubbliku (the Ultimate consumer) ma jiġux rilaxxjati mid-Dwana, qabel ma l-istess Uffiċċjali tas-Saħħa jkunu sodisfatti li tali prodotti impurtati jkunu jikkonformaw mal-liġijiet u r-regolamenti li jkunu, minn żmien għal żmien legali f'Malta w Għawdex.
Għar-rigward ta' x'passi qed jittieħdu fil-ħwienet fejn ikunu esposti għall-bejgħ tali prodotti, ninforma lill-Onor Interpellant li l-Ispetturi tas-Saħħa jissorveljaw dawn il-ħwienet bħala proċedura normali u fejn jinstabu nuqqasijiet jew ksur tal-liġijiet jew regolamenti eżistenti jittieħdu l-proċeduri neċessarji skond kif ikun indikat f'kull każ partikolari.
Rigward ir-raba parti tad-domanda ngħarraf lill-Onor. Interpellant li mill-5 ta' Settembru 1998 sa 25 ta' Novembru 1998 ħames każi ġew irrapurtati lil-Kummissarju tal-Pulizija biex jittieħdu passi legali kontrihom fil-Qrati tal-Ġustizzja, waqt li żewġ konsenji ta' affarijiet tal-ikel ġew miżmuma mill-Uffiċċju tal-Port peress li ma kienu jikkonformaw mal-liġijiet eżistenti.
Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Minuti tal-Laqgħa tal-Kunsill ta' Birkirkara u dan meta l-Onor. Michael Axiaq ġie mogħti l-permess mill-kunsill biex iqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokumenti relatati max-xiri tal-fond u t-twaqqif taċ-Child Care Unit f'Birkirkara?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Skond l-Att ta' l-1993 dwar Kunsilli Lokali, id-dokumenti
kollha fil-Kunsill Lokali huma aċċessibbli għall-pubbliku u
li għalhekk jista jiġbor kopja tagħhom.
Jista' l-Ministru jagħti lista b'total ta' ċittadini skond il-qliegħ iddikjarat tagħhom maqsuma skond dawn il-kategoriji fuq bażi ta' sess, bejn l-1992 sa l-1997, sena b'sena ċioe' dawk li jaqilgħu: taħt il-minimum wage; minimum wage earners; 'il fuq minn minimum wage sa Lm6,000; 'il fuq minn Lm6,000 sa Lm10,000; 'il fuq minn Lm10,000 sa Lm20,000; u 'il fuq minn Lm20,000?
Response (DALLI, JOHN)
Qed inpoġġi t-tagħrif mitlub fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid liema servizz se jingħata ż-żagħżugħ b'diżabilita', li ismu qed jintbagħat separatament, li qed jistenna li jidħol fiċ-Ċentru ta' l-Imtarfa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Iż-żagħżugħ b'diżabilita', li ismu qed jintbagħat separatament, se jiġi mdaħħal dalwaqt fiċ-Ċentru ta' l-Imtarfa.
Is-servizz li se jingħata se jkun skond ir-rakkomandazzjonijiet tas-'Social Worker' li se tagħmel l-'assessment report' fuqu, u dan dejjem skond il-faċilitajiet li hemm fiċ-Ċentru ta' l-Imtarfa li qed jingħataw lill-persuni b'diżabilita' oħra li qed jattendu dan iċ-Ċentru.
1.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu l-ħlas u x'inhuma l-benefiċċji taċ-Chairman ta' l-MIA? Hemm xi klawsola fil-kuntratt tiegħu li jekk jispiċċa minn Chairman irid jingħata xi somma ta' flus? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, kemm hi din is-somma li trid titħallas?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għaċ-Chairman preżenti, li nħatar fis-27 ta` Ottubru 1998, ir-remunerazzjoni annwali li qed jirċievi hija ta` Lm4,000. Iċ-Chairman attwali huwa ntitolat għall-użu ta` karozza u mobile phone. Ma teżisti l-ebda klawzola fil-kuntratt taċ-Chairman preżenti li jingħata xi somma ta` flus jekk jispiċċa mill-kariga.
Jekk mill-banda l-oħra l-Onorevoli Interpellant qed jirreferi għaċ-Chairman preċedenti, nixtieq ninfurmaħ li dan, minbarra l-użu ta` mobile phone, kellu remunerazzjoni ta` Lm18,000. Barra minn hekk iċ-Chairman li temm il-kariga tiegħu fis-26 ta` Ottubru 1998, kellu klawzola fil-kuntratt tiegħu li tistipula li jingħata somma massima ta` Lm54,000 jekk jispiċċa qabel iż-żmien.
Jista' l-Ministru jagħti l-figuri tan-nies li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta' Settembru u Ottubru ta' l-1994, 1995, 1996, 1997 u 1998? Kemm min dawn kienu nisa u kemm irġiel? Kemm minn dawk li kienu qed jirreġistraw kienu taħt il-35 sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella fejn issib l-informazzjoni mitluba għas-snin 1994, 1995, 1996, 1997, 1998.
L-aħħar figuri ppublikati huma ta' Settembru 1998.
1.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti miż-Żejtun, minn Ħaż-Żabbar u minn Wied il-Għajn, li qed isegwu xi kors ta' diploma, grad jew ċertifikat fl-Universita' ta' Malta? Jista' l-Ministru jgħid ukoll liema kors qed isegwu u f'liema sena waslu?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jagħti l-figura ta' kemm ġew impjegati nies mal-Gvern mill-bidu ta' Settembru sal-lum? Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni mitluba għal kull dipartiment?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat illi mill-bidu ta' Settembru sat-23 ta'
Novembru, 1998 daħlu mal-Gvern 207 impjegati.
Minn dawn, 201 kienu ħatriet li ġew rakkomandati qabel il-5
ta' Settembru.
Qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra żewġ skedi bid-
dettalji ta' dawn l-impiegi li saru fil-perjodu msemmi.
Issa li tħabbru t-tariffi ġodda tad-dawl u l-ilma u li permess tat-tariffi ġiet introdotta taxxa ġdida tal-frontage contribution għal kull min irid idaħħal is-servizz ta' l-ilma, jista' l-Ministru jgħid jekk it-taxxa hux se titħallas min kull min applika għas-servizz ta' l-ilma f'Novembru 1997 'l quddiem u jekk fl-affermattiv hux se tapplika anke għal dawk li diġa' ġew mogħtija s-servizz?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma ddaħħlet l-ebda taxxa fuq,jew kontribuzzjoni relatata mal-frontage.
Jista' l-Ministru jgħid kemm intuża pitrolju sena b'sena mill-1990 'l hawn u kemm kien il-prezz lill-konsumatur sena b'sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għal dak li jirrigwarda l-bejgħ ta` pitrolju.
Il-prezz bejn l-1990 u l-10 ta` Jannar 1997 kien ta` 7c8 kull litru. L-amministrazzjoni laburista żiedet il-prezz għal 10c kull litru mill-
11 ta` Jannar 1997 sal- 5 ta` Novembru 1997. L-istess amministrazzjoni, b`seħħ mis-6 ta` Novembru 1997 reġgħet żiedet il-prezz tal-pitrolju għal 17c5 kull litru. Dan il-prezz ser jibqa` fis-seħħ sal-31 ta` Diċembru 1998; iżda kif imħabbar fl-Estimi għas-sena 1999, l-amministrazzjoni preżenti, b`seħħ mill-1 ta` Jannar 1999 raħħset il-prezz għal 12c5 kull litru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa l-persentaġġ ta' kubrit (sulphur) fiż-żejt li jintuża għall-Power Station tal-Marsa? X'inhu l-periklu ta' dan is-sulphur meta jinħaraq iż-żejt fuq in-nies li joqogħdu fl-inħawi tal-Marsa, Ħamrun, Raħal il-Ġdid, il-Belt u l-Furjana? Xi ħsara qed issir fuq il-proprjeta' f'dawn l-inħawi?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u għalhekk tweġiba tingħata f`xi seduta oħra.
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari tiegħi numru 1507, jista' l-Ministru jikkonferma li l-bordijiet tad-diretturi tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma u tal-Korporazzjoni Enemalta la ġew ikkonsultati u wisq inqas ġew mitlub japprovaw it-tariffi ġodda ta' l-ilma u ta' l-elettriku?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-amministrazzjoni preżenti riedet li t-tariffi ġodda għall-ħlas tad-dawl u ta`l-ilma jkunu soċjalment ġusti u li jitfgħu piż ragjonevoli fuq il-konsumaturi , il-Gvern ikkonsulta mhux biss mal-management tal-Korporazzjonijiet iżda ukoll mal-partijiet soċjali kollha biex b`hekk l-amministrazzjoni tkun tista` tevalwa d-diversi opinjonijiet qabel jittieħdu d-deciżjonijiet.