Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex qiegħed jinżamm il-ħin tar-rotta Nru. 8 (tal-Gudja) peress li qiegħed ikun hemm ħafna ilmenti mir-residenti? Jekk le, x'pożizzjoni se tieħu l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li dan l-aħħar is-servizz ta-Rotta 8 beda jaħdem fuq bażi ċirkolari bir-riżultati li naqsu l-ilmenti msemmija mill-Onor. Interpellant.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 664 biex isir id-dawl f'Paola Hill, Raħal Ġdid, fejn kien sar il-proġett ta' Sare', fejn kien inqala' double arm pole mis-central strip biex jitwaħħlu single pole fuq kull naħa tat-triq, li bi ftehim mal-kunsill lokali ta' Raħal Ġdid kienu saru l-pipes?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jekk l-Onorevoli Interpellant qed jitlob biex jiġi nstallat dawl ġdid, it-talba ser tiġi mgħoddija lill-korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda l-project area ta' Xlejli, fil-Gudja, fejn kien se jsir ġnien u bandli? Il-kuntrattur intgħażel? Jekk iva, għaliex il-proġett għadu ma bediex?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li t-tender ingħatat u x-xogħol jinsab fl-idejn taħt is-superviżjoni tad-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar.
2.12.98
B'riferenza għar-risposta ta' mistoqsija parlamentari tiegħi numru 1382, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopji tal-handout li juru s-simulation exercise li ġew mgħoddija lill-ġurnalisti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qiegħed npoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li jsiru dwal fit-Triq tas-Salina biex jitnaqqas il-periklu li hemm speċjalment fil-liwja kerha li hemm u li ta' kull ġimgħa jsir inċident? Jekk l-Ministru jqies li l-ispiża hija kbira wisq, jista' l-Ministru jara hemmx possibbilta' li jsiru dwal bis-solar system?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li t-talba ta` l-Onorevoli Interpellant qed tiġi kkunsidrata flimkien ma` talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jikkordina ma' l-Enemalta sabiex jiżdiedu id-dwal speċjalment taħt il-Mini ta' Regional Road u dik ta' taħt ir-runway ta' l-ajruport internazzjonali ta' Malta, sabiex jiġu evitati diżgrazzji?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-każ taż-żewġ mini msemmija, l-korporazzjoni diġa` ipprogrammat il-manutenzjoni meħtieġa u hemm il-ħsieb li tali xogħol jibda fl-iqsar żmien possibbli.
Billi fl-impjant tar-reverse osmosis f'Pembroke kien hemm problema ta' ħsejjes li kienu ta' inkonvenjent kbir għar-residenti tal-lokal, jista l-Ministru jgħid jekk din il-problema issa hijiex solvuta jew le?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-problema li għaliha qed jalludi l-Onorevoli Interpellant jidher li m`għadhiex tinħass peress li l-Korporazzjoni ta` l-Ilma ma kellhiex ilmenti f`dan ir-rigward.
L-Amministrazzjoni Laburista preċedenti kienet implimentat proġett fejn l-immaniġġjar tas-sistema tar-reverse osmosis fil-pajjiż għaddiet mingħand il-Polymetric Co Ltd għal għand management Malti, jista' l-Ministru jgħid din il-miżura kemm iffrankat flus lill-korporazzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tweġiba għal din il-mistoqsija parlamentari tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-proġetti li hemm maħsuba mill-Water Services Corporation f'Għawdex għal din is-sena finanzjarja?
Response (BONNICI, JOSEF)
Għal dak li jirrigwarda lil Għawdex, il-Korporazzjoni għas-Servizzi ta` l-Ilma, matul is-sena finanzjarja 1998 - 1999, qed tippjana li twettaq proġett ta` tqegħid ta` kanen għal tul ta` 8 kilometri. Dan il-proġett ser jikkonsisti f`estensjonijiet u tibdil ta` kanen qodma u jinkludi wkoll xogħolijiet f`toroq kif propost mill-Gvern Ċentrali u l-Kunsilli Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid sena b'sena tul l-aħħar seba' snin kif kien ir-revenue tal-Korporazzjoni Enemalta mis-sorsi differenti li għandha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nassumi li meta l-Onorevoli Interpellant qed jitlob ir-revenue, irid ifisser iċ-ċifri dwar qliegħ jew telf ta` kull diviżjoni. Dan qed ngħidu għaliex b`revenue wieħed jista` jifhem id-dħul biss mingħajr ma jitnaqqsu l-ispejjeż.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid x'sar mill-każ fuq housing li dwaru qed nibgħat informazzjoni u ritratti separatament li juru l-gravita' tal-post?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
2.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm fil-fatt huwa n-numru ta' vapuri li jiffurmaw il-linja nazzjonali Sea Malta? X'kienu l-ispejjeż tal-fuel u l-manutenzjoni għal dawn il-vapuri matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-preżent il-linja nazzjonali Sea Malta għandha vapur wieħed iż-Żebbuġ u numru ieħor ta` vapuri `on charter`.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, peress li l-informazzjoni mitluba hija ta` natura kummerċjali, ma jkunx fl-interess tal-istess Kumpanija li tali informazzjoni tingħata.
Billi l-amministrazzjoni preċedenti kienet ipparteċipat bil-filmat tat-twettieq tal-proġett tar-riabilitazzjoni ta' Wied il-Qlejgħa f'kompetizzjoni barra l-pajjiż, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bir-riżultati miksuba?
Jikkonsidra l-Ministru li d-Dipartiment jipparteċipa b'filmat fuq il-produzzjoni organika għall-istaġun li ġej ħalli jsir aktar riklam għall-biedja fil-gżejjer tagħna mal-pajjiżi parteċipanti? Fil-fatt kemm kien in-numru ta' pajjiżi oħra li ppreparaw filmat għal din il-kompetizzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex fil-mument mhux isiru programmi tal-hands-on fishing meta t-temp ippermetta daqstant f'dawn l-aħħar ġimgħat? Fil-fatt l-APS Bank għadhom l-isponsors uffiċjali?
Min huma l-membri tal-bord tat-tmexxija ta' dan il-programm u kemm-il darba ltaqgħu u xi żviluppi approvaw?
Billi dan il-proġett huwa ta' ġid għall-edukazzjoni ta' wliedna, jista' l-Ministru jara li jitkompla?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Billi n-nuqqas ta' street lighting li hemm fi Vjal il-Ħaddiem, ir-Rabat, Malta, qed jikkaġuna periklu fis-sistema tas-sewqan kif ukoll inkonvenjent u periklu għar-residenti, jista' l-Ministru jara li tiddawwal aħjar din it-triq? Billi din it-talba tar-residenti ilha pendenti s-snin, jista' l-Ministru jara li x-xogħlijiet isiru immedjatament? Jekk mhux possibbli, meta se jsiru dawn id-dwal u f'liema xahar u sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li x-xogħol li sar fil-post imsemmi ma tqassamx sew. Għaldaqstant qed tinħadem skema biex isiru x-xogħolijiet meħtieġa.
Billi wieħed mill-pjanijiet li kellu l-Gvern preċedenti kien li jirranġa l-kwarantina ta' l-annimali u tjur tad-Dipartiment tas-Servizzi Veterinarji, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-pożizzjoni u ċioe' l-pjan tal-Gvern tal-lum?
Billi kulma jmorru l-familji Maltin u Għawdxin qed ikunu aktar komdi li jrabbu pets, tjur u annimali, jista' l-Ministru jara li dawn ix-xogħlijiet isiru? Jekk le, għaliex? Jekk iva, f'liema xahar u sena se jitwettqu x-xogħlijiet meħtieġa?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Gvern preċedenti kellu ruxxmata pjanijiet dwar x'suppost kellu jiġi mwettaq, liema pjanijiet baqgħu fl-ajru, bħalma tindika l-interpellanza ta' l-Onor. Membru.
Hija responsabbilita' ta' dan il-Ministeru li jsiru u jiġu attwati pjanijiet dwar postijiet ta' kwarantina għall-annimali u t-tjur. Kif jaf l-istess membru, fi żmien Gvern Nazzjonalista ġiet rihabilitata il-kwarantina ta' Zammit Dock, fejn jinżammu l-annimali ta' produzzjoni kif ukoll żwiemel jew annimali oħra kbar bħal iġmla.
Għar-rigward ta' pets jew annimali eżotiċi żgħar, il-kwarantina f'Ħal-Luqa diġa qegħda sservi għal dan l-iskop. Matul it-tnax il-xagħar li ġejjin huwa maħsub li jiġu ntrodotti gaġeġ speċjali għall-għasafar żgħar u ħamiem f'din l-istess kwarantina.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' objections tar-return ta' l-Income Tax li għandu quddiemu d-Dipartiment tat-Taxxi Interni? Meta ġew reġistrati dawn l-objections sena b'sena? Liema hija l-objection li ilha l-aktar pendenti? Xi programm ħejja l-Gvern sabiex dawn iċ-ċittadini jissetiljaw dawn l-objections? Kemm huwa l-complement tal-ħaddiema tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni li huma responsabbli minn dan ix-xogħol ta' l-objections?
Response (DALLI, JOHN)
In-numru ta` oġġezzjonijiet li għandu quddiemu d-Dipartiment tat-Taxxi Interni hu ta` 50,910 (30 ta` Settembru 1998). Dan in-numru jkopri l-oġġezzjonijiet magħmula minn individwi, kumpaniji u korpi oħra.
Fil-preżent hemm 12-il uffiċjal responsabbli mill-oġġezzjonijiet iżda minn żmien għall-ieħor id-Dipartiment iqabbad uffiċjali oħra biex jagħmlu dan ix-xogħol waqt il-ħin tas-sahra.
Qiegħed isir kull sforz biex in-numru ta` oġġezzjonijiet pendenti jitnaqqas għal livell iżjed realistiku.
L-informazzjoni dwar il-mistoqsijiet l-oħra msemmija fl-interpellanza ma tistax tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid meta ħarġu l-applikazzjonijiet għall-Assistenti Kapijiet fl-iskejjel primarji? Meta saru l-intervisti għall-imsemmija applikazzjonijiet? Kemm u min huma l-applikanti? Kemm hemm postijiet vakanti? Meta beħsiebhom joħorġu r-riżultati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-sejħa għall-applikazzjonijiet għall-Assistenti Kapijiet fl-iskejjel Primarji ġiet ippubblikata fil-21 ta' Mejju 1998 u għalqet fid-9 ta' Ġunju 1998. Kien hemm 172 applikazzjoni u l-intervisti saru matul ix-xhur tas-sajf. Il-Board issottometta r-rapport tiegħu lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku fit-13 ta' Ottubru 1998. Eventwalment ir-riżultat pubblikat jibqa' validu għal sentejn mid-data tal-pubblikazzjoni. Il-postijiet ta' assistenti Kapijiet li jiġu vvakati jimtlew mill-lista finali, dejjem skond l-Order of Merit approvata.