Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #1608 Sitting 19 1998-12-02 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Kalkara - Skola Lorenzo Gafa'

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jerġa' jiftaħ mill-ġdid il-cantenn fl-Iskola Lorenzo Gafa', fil-Kalkara?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minħabba n-numru limitat ta' studenti ma rriżultax vijabbli canteen fl-iskola.
Leg 9 PQ #1663 Sitting 19 1998-12-02 Oral · Final From: KARL CHIRCOP To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Għalliema

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex għalliem partikolari li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament li qed jgħallem fil-Primarja ta'Raħal Ġdid qed jitlaq kmieni mill-klassi ripetutament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhux minnu li l-għalliem imsemmi jitlaq kmieni mill-iskola riputatament. L-unika darba li ħareġ kmieni kien meta ġie msejjaħ fuq xogħol mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.

Abbuż ta' droga/qgħad — Studju

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk sarx xi studju dwar jekk hemmx xi korelazzjoni bejn l-abbuż mid-droga u l-qgħad?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Agenżija Sedqa qatt ma għamlet studju dwar jekk hemmx korrelazzjoni bejn l-abbuż mid-droga u l-qagħad. Iżda, mill-istatistika li tinġabar miċ-Ċentru ta' ditossifikazzjoni ta' l-Aġenzija Sedqa, wieħed jista' jasal għal stampa ċara ta' żviluppi f'dan ir-rigward. Fil-fatt, skond din l-istatistika, 48% (jew 362 individwi li użaw dan is-servizz fl-1997 (jiġifieri 741 persuna), kienu qiegħda. 2.12.98

Droga — Studju

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju dwar jekk hemmx xi korelazzjoni bejn l-abbuż mid-droga u t-tip ta' xogħol li jagħmlu dawk li jabbużaw mid-droga?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Aġenzija Sedqa qatt ma għamlet studju dwar jekk hemmx xi korrelazzjoni bejn l-abbuż u t-tip ta' xogħol li jagħmlu dawk li jabbużaw mid-droga. Iżda, fl-1996 ġie kkummissjonat studju mit-taqsima Riċerka w Evalwazzjoni fi ħdan l-Aġenzija Sedqa, fuq l-attitudnijiet ta' impjegati fi gradi maniġerjali lejn l-użu tad-droga u l-alkoħol fuq il-post tax-xogħol. Madwar 200 impjegat fi grad maniġeriali minn 666 kumpanija pparteċipaw f'dan l-istudju. Skond ir-rapport dwar dan l-istudju, 5% tal-parteċipanti qalu li kienu jafu b'ħaddiema li jużaw id-droga fuq il-post tax-xogħol, filwaqt li 13.6% qalu li kienu jafu b'ħaddiema li jużaw id-droga barra mill-post tax-xogħol. 2.12.98

Droga — Studju

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk sarx xi studju u jekk hemmx xi korelazzjoni bejn l-abbuż mid-droga u l-lokalitajiet differenti f'Malta u f'Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Aġenzija Sedqa qatt ma għamlet studju dwar jekk hemmx korrelazzjoni bejn l-abbuż mid-droga u l-lokalitajiet differenti f'Malta u f'Għawdex. Iżda, ta' min jinnota li tinġabar statistika b'mod regolari miċ-Ċentru ta' ditossifikazzjoni ta' l-Aġenzija Sedqa, li fost l-oħrajn, tikkunsidra l-lokalita' tar-residenza ta' l-individwi li qed isegwu kura. Filwaqt li f'din l-istatistika hemm xi lokalitajiet li huma aċċentwati, jidher li l-lokalitajiet tar-residenza ta' l-individwi li qed isegwu kura f'dan iċ-Ċentru huma mifruxa prinċipalment fuq iż-żoni l-aktar urbanizzati ta' pajjiżna. Wieħed, iżda, irid iżomm f'moħħu li f'dan il-każ qed nitkellmu biss fuq individwi bi problema ta' dipendenza li qed jirċievu kura partikolari. M'hemmx dubju li hemm numru sinifikanti ta' dipendenti u nies li jużaw id-droga b'mod esperimentali li mhumiex f'kuntatt ma' l-ebda servizz terapewtiku. Għaldaqstant, wieħed ma jistax jikkunsidra din l-informazzjoni bħala rappreżentattiva tas-sitwazzjoni totali. L-validita' ta' din l-informazzjoni hija fl-użu tagħha bħala indikatur ta' l-aspetti demografiċi tal-popolazzjoni ta' individwi li jabbużaw mid-droga. 2.12.98

Persuni b'Diżabilita' — Sussidju

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid kif taħdem l-iskema li tgħin persuni b'diżabilita' li jkunu jixtiequ jingħataw sussidju biex jinstallaw lift f'darhom? X'inhuma r-rikjesti biex jingħata dan is-sussidju? Min iżur id-dar ta' l-applikkant meta ssir talba bħal din? Kemm bejn wieħed u ieħor idum l-applikant minn meta japplikaw sa meta jieħu s-sussidju?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar għanda Skema - Skema Wieħed - biex persuni b'diżabilita' jistgħu japplikaw biex jaddattaw ir-residenza tagħhom għad-diżabilita' partikolari tagħhom (Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Iskema). Minn hu nteressat li jibbenefika taħt din l-iskema għandu jiġbor formola mill-uffiċju ta' l-Awtorita' tad-Djar, il-Furjana jew mill-Kummissjoni għall-Persuni b'Diżabilita', Sta Venera u jirritornaha lill-Awtorita' tad-Djar flimkien mad-dokumenti rikjesti. Din l-applikazzjoni tiġi proċessata minn Kumitat magħruf bħala 'Kumitat tal-Housing Authority għall-Persuni b'Diżabilita'' li jagħmel ir-rakomandazzjoni tiegħu liċ-Chairman ta' l-Awtorita' tad-Djar fuq il-każ. Normalment, iċ-Chairman jaġixxi fuq din ir-rakomandazzjoni. Fost dan il-proċess, żewġ Social Workers u l-Manager tal-Physiotherapy jagħmlu assessment dwar il-persuna b'diżabilita' u l-ambjent fejn tgħix din il-persuna. Kif l-Awtorita' tad-Djar tirċievi din ir-rakomandazzjoni tibgħat perit fuq il-post biex jagħti il-parir tekniku u anke jagħmel stima tax-xogħolijiet. Peress li dan il-Kumitat jiltaqa darba fix-xahar fiċ-Ċentru Ħidma Soċjali, Sta Venera, l-applikazzjoni tieħu madwar xahrejn biex itġi finalizzata. Il-ħlas tas-sussidju isir hekk kif l-applikanti jipproduċu l-kontijiet tax-xogħolijiet li saru. 2.12.98
Leg 9 PQ #1671 Sitting 19 1998-12-02 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Part-time clerks

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur jagħti xi żieda lill-part-time clerks fl-iskejjel, imqar lil dawk li jkunu ilhom numru ta' snin impjegati f'dan il-grad? Jaħseb il-Ministru li l-paga li jieħdu ma tirriflettiex biżżejjed ix-xogħol li jagħmlu?

Response (GALEA, LOUIS)

Jiddispjaċini li f'dan l-istadju ma nistax inwieġeb b'mod definit peress li l-materja ma tiddependix direttament minni. B'danakollu beħsiebni nżomm il-preokkupazzjoni ta' l-Onor. Membru f'moħħi f'kull diskussjoni li tista' ssir f'dan ir-rigward.

Dawl/ilma — Rati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-konsiderazzjonijiet partikolari li ħa l-Gvern fir-rigward tar-romol, pensjonanti, familji b'ġenituri wieħed u ommijiet xebbiet fl-introduzzjoni tar-rati l-ġodda tad-dawl u l-ilma?

Response (BONNICI, JOSEF)

Meta l-amminisrazzjoni preżenti introduċiet r-rati l-ġodda tad-dawl u ta` l-ilma, din ħadet ħsieb id-diversi kategoriji tas-soċjeta`. Dan joħroġ ċar mill-fatt li kull kategorija gawdiet minn roħs sostanzjali meta mqabbel mal-kontijiet bla kuxjenza li l-Gvern Laburista għabba bihom lis-soċjeta` maltija inklużi r-romol, pensjonanti, familji b`ġenitur wieħed u ommijiet xebbiet.

Persuni bi bżonnijiet speċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel il-Gvern biex jassigura li kull bini pubbliku u tal-privat ikun aċċessibli għal persuni bi bżonnijiet speċjali?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-Gvern u s-Soċjeta' Maltija jridu jaħdmu fuq ħames (5) livelli biex jassiguraw li postijiet miftuħa għall-pubbliku, kemm dawk li huma tal-Gvern kif ukoll dawk li huma tal-privat, ikunu aċċessibli għal kulħadd, inkluż persuni li għandhom diżabilita'. Dawn ħames livelli huma: a) EDUKAZZJONI lill-periti u dawk li jaħdmu fl-industrija tal-bini. F'dan il-qasam għalkemm saru kuntatti, għad hemm ħafna aktar x'isir l-aktar mal-Faculta' tal-Arkitettura. Il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita' ser terġa timpenja ruħha fil-futur qarib f'dan ir-rigward. b) INFURZAR tal-policies tal-Pjan ta' Struttura mill-Awtorita' tal-Ippjanar. c) REGOLAMENTI TAL-BINI li jassiguraw dan. Fi żmien l-amministrazzjoni Nazzjonalista preċedenti kien twaqqaf kumitat biex jaħdem fuq dawn ir-regolamenti u l-abbozz tagħhom kien tlesta. Sfortunatament, dan il-proċess ma tkompliex u l-Kummissjoni ser taħdem biex dawn ir-regolamenti mportanti jingħataw is-saħħa legali u jibdew jiġu infurzati. d) Fi żmien l-amministrazzjoni Laburista preċedenti twaqqfet 'Accessibility Unit' fi ħdan il-Ministeru tax-Xogħolijiet Pubbliċi biex bini tal-Gvern miftuħ għall-pubbliku jsir aċċessibli għal kulħadd. Fl-opinjoni tal-Kummissjoni din il-Unit għadha mhiex tiffunzjona sew u l-istess Kummissjoni ser taħdem biex dan ix-xogħol tal-'Unit' jibda jsir b'mod aktar effettiv. e) Fl-aħħar nett hi l-opinjoni tal-Kummissjoni li LIGI OPPORTUNITAJIET INDAQS (PERSUNI B'DIŻABILITA') li mistennija li tgħaddi s-sena d-dieħla ser tagħti aktar saħħa lill-persuni b'diżabilita', l-għaqdiet tagħhom u lill-Kummissjoni stess biex, sa fejn hu raġonevoli skond l-istess liġi, bini miftuħ għall-pubbliku ikun aċċessibli għal kulħadd. 2.12.98

Miżuri ta' health and safety

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel id-dipartiment biex f'bini pubbliku bħal skejjel, dipartimenti kif ukoll fi stabbilimenti privati jiġi assigurat li jkun hemm faċilitajiet li jipprovdu l-health and safety ta' dawk li jagħmlu użu mill-bini u stabbilimenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Sallum l-ispetturi ta' l-'Occupational Health & Safety Unit' ma jagħmlux bħala regola żjarat f'postijiet tax-xogħol li jiffurmaw parti minn Dipartimenti tal-Gvern, għalkemm, kemm il-darba saru zjarat f'postijiet bħal dawn minħabba f'xi xogħol partikolari li jkun qiegħed isir fihom. Ninsab infurmat li d-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni għandu EDUCATION OFFICER inkarigat mis-saħħa u sigurta' fl-iskejjel. Diversi Dipartimenti tal-Gvern għandhom ukoll uffiċjali inkarigati minn 'Health & Safety'. L-ispetturi ta' l-OHSU għandhom l-inkarigu bil-liġi li jispezzjonaw postijiet tax-xogħol. Postijiet residenzjali li m'humiex postijiet ta' xogħol ma jaqgħux taħt il-kontroll tagħhom. 2.12.98
Leg 9 PQ #1693 Sitting 19 1998-12-02 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Persuni li għandhom id-dijabete

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' policy nazzjonali ta' screening regolari għandu d-dipartiment għal dawk iċ-ċittadini li jbatu mill-kondizzjoni tad-dijabete u għal dawk li jistgħu jitqiesu bħala at high risk?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1693 qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #1694 Sitting 19 1998-12-02 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Bord mediku

Question

Jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar il-każ ta' persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament? Għaliex din il-persuna għaddewha bord minkejja li qatt ma talbet biex tagħmel dan u minkejja li t-tabib qal li tista' terġa' tibda taħdem?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-persuna konċernata kienet ilha għal xi żmien ma tirrapporta għax-xogħol minħabba f'mard. Skond ir-regolamenti ta' l-Estacode (4.3.2.2.) tressqt quddiem Bord Mediku tad-Dipartiment tas-saħħa li sabha mhix tajba għax-xogħol. Hija oġġezzjonat u ppreżentat ċertifikat mediku biex turi li għadha tiflaħ taħdem. Għalhekk qed jittieħdu l-miżuri neċessarji biex din il-persuna tiġi eżaminata mill-ġdid, kif inhu mitlub mill-Estacode. (6.1.3.2.)
Leg 9 PQ #1695 Sitting 19 1998-12-02 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru għall-Ambjent

Ambjent — Air pollution

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed jagħmel il-Gvern biex tiġi kkalkolata l-air pollution fl-irħula u l-ibliet, b'mod partikolari f'dawk li jinsabu ħdejn jew f'zoni industrijali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent lesta studju preliminari fuq il-kwalita' ta' l-arja f'żoni urbani. Dan l-istudju sejjer jiġi mifrux biex ikopri aktar zoni, kif ukoll biex ikopri aktar parametri. Għal dan il-għan għadu kemm ingħata tender għax-xiri ta' makkinarju ta' monitoraġġ, kif ukoll kienet ippublikata sejħa għar-reklutaġġ ta' Uffiċjal Ambjentali biex jaħdem fuq il-monitoraġġ tal-kwalita' ta' l-arja.
Leg 9 PQ #1697 Sitting 19 1998-12-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — San Ġiljan - Skola primarja

Question

Jistgħu l-awtoritajiet edukattivi jitolbu lill-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-passi meħtieġa biex tiżdied is-sigurta' għat-tfal ta' San Ġiljan li jmorru l-iskola primarja tal-post u ssir zebra crossing, isiru t-traffic lights u miżuri oħra ta' traffic calming għal dawk it-tfal li jaslu l-iskola min-naħa tat-Tiguglio?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li fil-każ tat-tfal li jaslu l-iskola minn naħa tat-Tiguglio dawn ġeneralment jiġu bil-privates li jieqfu mal-ħajt ta' l-iskola u t-tfal jibqgħu telgħin it-taraġ mingħajr ma jkollhom għalfejn jaqsmu t-triq. Fil-każijiet ta' dawk it-tfal li jaslu l-iskola bil-mixi, fi triqthom lejn l-iskola hemm traffic lights u zebra crossing biżżejjed biex jistgħu jiġu wzati ħalli jaqsmu t-triq mingħajr periklu.
Leg 9 PQ #1698 Sitting 19 1998-12-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — San Pawl il-Baħar - Skolar primarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex ħin qed tiġbor it-tfal ta' Burmarrad il-karozza pprovduta mid-Diviżjoni biex teħodhom l-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar? Mil-liema postijiet differenti tgħaddi l-karozza u mnejn tiġbor it-tfal u f'kull każ, fi x'ħin tiġbor it-tfal filgħodu?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li t-tfal ta' Burmarrad li jmorru l-iskola Primarja ta' San Pawl il-Baħar jibdew jinġabru fis-seba' ta' filgħodu meta l-iskola tibda fis-7.45. Filgħodu meta l-karozza titlaq minn Burmarrad lejn l-iskola tieqaf f'dawn il-postijiet imsemmija: (Għajn Rihana/Panorama Bar/Banka tal-Lottu/Premier Car Sales/Petrol Station/Price Club). Informat ukoll li dawn l-arranġamenti ġew fis-seħħ wara qbil bejn l-uffiċċjal inkarigat mit-trasport tat-tfal u l-ġenituri tat-tfal tal-lokal.

SWDP — Telefonati fuq il-helpline

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħlu telefonati jitolbu l-għajnuna fuq il-helpline ta' l-SWDP minn Ottubru, 1997 sa Ottubru, 1998, xahar b'xahar? X'tip ta' għajnuna ntalbet f'dawn it-telefonati? L-għajnuna mitluba tiġi kklassifikata f'kategoriji differenti? X'inhi kull kategorija u kemm kien hemm każi f'kull kategorija? X'tip ta' għajnuna ngħatat bħala follow up għal dawn it-telefonati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li tipprovdi l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. Bħal ma jista' jinnota l-Onor. Membru, din l-informazzjoni hija kklassifikata skond in-natura tat-telefonata. Irrid niċċara, iżda, li n-numru ta' telefonati mhux neċessarjament jindikaw numru ta' każi ġodda, imma jirreferu għal kull tip ta' telefonata ġenwina li tkun daħlet fis-'Supportline' 179. Ikun hemm persuni li jċemplu ripetutament. It-tip ta' għajnuna li ntalbet kienet tiddependi fuq il-każ li dwaru jċemplu l-klijenti fuq il-179. Il-voluntiera huma mħarrġa biex ma jagħtux pariri jew isolvu l-problemi tal-klijenti, pero' dmirhom hu li jisimgħu u jifhmu lil min iċempel, u joffru sapport psikoloġiku f'forma ta' 'empathy'. Il-voluntiera huma f'pożizzjoni li joffru nformazzjoni li tkun tista' tgħin lill-klijent isib soluzzjoni għall-problema tiegħu. Il-voluntiera jistgħu joffru nformazzjoni dwar servizzi ta' sapport offruti minn kważi kull għaqda volontarja li hawn f'pajjiżna, dwar agenziji tas-'social work', dwar servizzi mill-Isptar, dwar servizz ta' terapija għall-familja, dwar servizz legali bla ħlas, fost oħrajn. Il-voluntiera fis-'Supportline' 179 m'humiex f'pożizzjoni li jistgħu jagħtu għajnuna fit-tul (long-term) u, f'każ ta' persuni li jkollhom bżonn attenzjoni professjonali fit-tul, kif diġa għidt, dawn jiġu riferuti (jekk huma jaċċettaw) lil aġenziji partikolari skond il-każ, jew inkella jiġu mfiehma kif jistgħu jirreferu lilhom infushom fl-aġenziji partikolari. 2.12.98

Santa Venera — Ċentru Ħidma Soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm mastrudaxxi, electricians u ħaddieda biex jipprovdu servizz ta' xogħol fiċ-Ċentru Ħidma Soċjali, f'Santa Venera? Liema ħinijiet jaħdmu? X'xogħol għamlu fl-aħħar xahar? Min hu responsabbli biex jara li dawn il-persuni fil-fatt jidħlu għax-xogħol jaħdmu s-sigħat dovuti u jagħmlu x-xogħol mistenni minnhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-ħaddiema fit-Taqsima tal-Manutenżjoni fiċ-Ċentru Ħidma Soċjali huma: Assistant Technical Officer - wieħed (1) Senior Tradesman - erbgħa (4) Tradesman - tnejn (2) General Hand - tlieta (3) TOTAL - għaxra (10) - Dawn il-ħaddiema jidħlu għax-xogħol fis-sebgħa ta' filgħodu (07.00) u jispiċċaw fil-ħamsa nieqes kwart ta' filgħaxija (16.45). - Fl-aħħar xahar, dawn il-ħaddiema għamlu xogħol għad-Dipartiment Ħarsien tal-Familja a bażi ta' 'requisition orders', u xogħol ieħor għall-'Adult Training Centres', għall-Ministeru tal-Politika Soċjali u għas-servizz tat- Telecare. - Dawn il-ħaddiema huma fuq il-kotba tad-Dipartiment Ħarsien tal-Familja u jinżamm kontrol fuq l-attendenza għax-xogħol skond ir-regolamenti. 2.12.98
Leg 9 PQ #1701 Sitting 19 1998-12-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Dipartiment tax-Xogħlijiet — Ħaddiem

Question

Jistgħu jittieħdu passi biex il-persuna, li isimha qed jintbagħat separatament, jitħalla jagħmel ix-xogħol tant meħtieġ li kien qed jagħmel fl-iskola sekondarja Lily of the Valley, fil-Mosta fejn ġie ttrasferit mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet fix-xhur li għaddew?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħti aktar informazzjoni dwar din il-persuna partikolari.
Leg 9 PQ #1702 Sitting 19 1998-12-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Lukandi

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-lukandi li ngħataw permess jitilgħu 'il barra miż-zona tal-bini? Fejn jinsabu? Meta ngħataw il-permessi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li minn kemm ilha mwaqqfa l-Awtorita' ta' l-Ippjanar dawn il-lukandi ġodda ngħataw permess għall-iżvilupp barra miż-żona ta' l-iżvilupp: - Solemar Mellieħa 1993 San Lawrenz San Lawrenz, Mellieħa 1996 Fir-rigward tal-lukanda San Lawrenz, ġie mġedded il-permess ta' żvilupp li ngħata qabel ma ġiet fis-seħħ l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Ingħataw ukoll permessi ta' estensjonijiet lil dawn il-lukandi: - Coastline Salina, Naxxar 1993 Seabank Mellieħa 1995 Cornucopia Xagħra, Gozo 1996 02.12.98
Leg 9 PQ #1706 Sitting 19 1998-12-02 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Raħal Ġdid — Ħajt perikoluż

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi prekawzjonijiet qiegħed jieħu biex ħajt perikoluż maġenb iċ-Ċentru Laburista f'Raħal Ġdid fuq il-ħanut tal-Gala ma jibqax fl-istat li qiegħed minħabba l-periklu li jista' jaqa'?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija fl-għassa ta' Raħal Ġdid ma kellha l-ebda rapport dwar il-ħajt perikoluż li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Madankollu, il-Pulizija ser tieħu l-passi neċessarji biex jekk jirriżulta li l-ħajt hu fi stat perikoluż, dan il-periklu jitneħħa. 02.12.98