Jista' l-Ministru jgħid kemm huma maħsuba li se jkunu l-benefiċċjarji ta' l-arranġamenti ġodda dwar children's allowance u s-single parents?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li numru ta' familji li d-dħul tagħhom kien jaqbez l-Lm10,000, għażlu li ma jagħmlux talba għall-'Allowance' tat-tfal fis-sena kurrenti. Minħabba f'dan, id-Dipartiment mhux f'pożizzjoni jgħid kemm ser ikunu dawk il-familji li ser jikkwalifikaw għall-'Allowance' tat-tfal bis-saħħa tal-miżuri ġodda li għadhom kemm
tħabbru fid-diskors tal-'Budget'.
Għal informazzjoni tal-Onor. Membru din il-miżura ser igawdu minnha dawk il-familji li għandhom hamest itfal jew aktar u mhux biss dawk li għandhom aktar minn hamest itfal, kif bi żvista ġie miktub fid-diskors tal-Budget.
Dwar is-'single parents' għandu jingħad li billi l-miżuri mħabbra fl-istess diskors tal-'Budget' jirrigwardja ż-żieda fis-'ceiling' għal skopijiet ta' taxxa fuq id-dħul, id-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali mhux f'pożizzjoni li jirrispondi din il-parti tad-domanda.
3.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn familji li għandhom ħamest itfal li l-eta' tagħhom hi ta' inqas minn 16-il sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lil Onor. Interpellant li n-numru ta' familji li għandhom ħamest itfal jew aktar, li l-eta' tagħhom hija ta' anqas minn sittax-il sena u li jirċievu l-'Allowance' tat-Tfal huwa ta' 227.
Billi familji li d-dħul tagħhom jaqbeż l-'means test' għall-'Allowance' tat-tfal jagħżlu li ma jagħmlux talba, d-Dipartiment mhux f'pożizzjoni li jindika n-numru sħiħ ta' familji f'Malta li għandhom aktar minn ħamest itfal li l-eta' tagħhom hija anqas minn 16 il-sena.
3.12.98
Taxxi Interni — Nies li jaqilgħu iktar minn Lm10,000
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu jsir jew x'beħsiebu jagħmel biex jara kemm hawn nies li jiddikjaraw li jaqilgħu Lm10,000 u jgħixu f'ambjent lussuż ħafna?
Response (DALLI, JOHN)
Meta d-dipartiment ikollu informazzjoni li xi taxpayer ikun qed jakkumula assi li l-akkwist tagħhom ma jkunx konsistenti mad-dħul dikjarat minnu, dan ikun investigat f`aktar dettal. Minħabba li fil-preżent in-numru ta`investigaturi huwa limitat, id-dipartiment jittratta l-ewwel dawk il-każi l-aktar importanti.
Kif ingħad diversi drabi f`dawn l-aħħar ġimgħat, l-amministrazzjoni hija impenjata li ssaħħaħ l-istrutturi eżistenti biex tiġġieled b`aktar effiċjenza u b`mod iżjed effettiv l-evażjoni tat-taxxa.
Jista' l-Ministru jara li flat li l-partikolaritajiet tiegħu qed jintbagħtu separatament jiġi rranġat l-aktar it-tieqa tal-komun, u jiġi mbajjad u mkaħħal peress li qiegħed jidħol ħafna ilma tax-xita?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar ser jinvestiga l-każ imqajjem mill-Onor. Interpellant.
3.12.98
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru W5, jista' l-Ministru jara li s-Sinjura, li isimha qed jintbagħat separatament, hijiex se terġa' tmur fil-post li twaqqgħalha, peress li l-post kien tagħha personali u ma ħaditx kumpens?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi m'hemm l-ebda ħsieb li l-persuna indikata terġa tintbgħat fil-post li nbena flok dak li twaqqa' għax dan kontra l-'policy' tad-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali. Dwar kumpens, il-persuna għanda tmur id-Dipartiment tal-Artijiet u tingħata l-kumpens skond il-liġi.
3.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġie jiswa l-madum tal-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq li nbidel din is-sena?
Minn se jħallas għal dan il-madum?
Nħarġu tenders biex inxtara dan il-madum? Kemm kien hemm tenders u min tefa' l-offerta? Min fil-fatt ħa din it-tender?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li x-xogħol biex inbidel il-madum tal-Pixxina Nazzjonali sar mill-kuntrattur oriġinali u għalhekk ma kienx hemm bżonn li toħroġ sejħa għall-offerti. Il-Bord qabbad konsulenti biex jippreparaw rapport tekniku u qabel ma jiġi stabbilit minn fejn tirriżulta l-ħsara, ma hu se jsir ebda ħlas.
Jista' l-Ministru jgħid min hu responsabbli u jieħu ħsieb l-accounts tal-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq?
Kemm ilu jagħmel dan ix-xogħol u kemm jitħallas? Kien ġie mpjegat wara sejħa pubblika?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex tinġabar l-informazzjoni, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta għalaq l-kuntratt taċ-Chairman Eżekuttiv tal-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq?
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-kuntratt?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ċ-Chairman Eżekuttiv tal-Pixxina Nazzjonali m'huwiex impjegat b'kuntratt. Huwa kien ingħata ittra ta' ħatra fil-15 ta' Lulju 1998 għal perjodu ta' sena minn din id-data.
Kopja ta' din l-ittra ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm part-timers jaħdmu fil-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq?
Meta bdew jaħdmu l-ewwel darba u minn fejn huma?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-preżent hemm seba' (7) part-timers jaħdmu fil-Pixxina Nazzjonali. Dawn huma:
ISEM LOKALITA' BEDA L-IMPIEG
Franklin Axisa San Ġwann Ottubru 1996
Alan Falzon San Ġiljan Novembru 1996
William Galea Kalkara April 1998
David Grech Birkirkara Frar 1997
Emanuel Reitano Tarxien April 1997
Elizabeth Valentino Tarxien Novembru 1997
Keith Zahra Davies Ta' Xbiex Marzu 1995
Tlett part-timers oħra, Simone Fenech mill-Mellieħa li kienet ilha taħdem mal-Pixxina minn April 1998 Jane Gatt minn Raħal Ġdid minn April 1997 u Elaine Micallef mis-Siġġiewi li kienet ġiet impjegata f'April 1998 ingħataw impjieg full-time fl-24 ta' Awissu 1998.
Dawn l-impjegati kollha ingħataw kuntratt ta' part-time employment għal sitt xhur f'April u Mejju ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm impjegati fulltime fil-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq?
Kienet saret sejħa pubblika għall-impjieg ta' dawn l-impjegati?
Kien intalab permess mill-ETC?
Minn liema belt jew raħal ġejjin dawn il-fulltimers u fiex jikkonsisti x-xogħol li jagħmlu?
Meta bdew jaħdmu l-ewwel darba?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex tinġabar l-informazzjoni, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra xi ħsara bata t-tempju ta' Ħaġar Qim? X'miżuri se jittieħdu mid-dipartiment biex dan jiġi rranġat u f'liema fażi wasal il-proġett oriġinarjament mibni minn Gvern Nazzjonalista għal preservazzjoni moderna tal-post?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li b'kawża tal-maltemp li kellna fi tmiem il-ġimgħa li għaddiet, nhar is-Sibt wara nofsinhar, waqa' xi ġebel f'parti ta' ġewwa ta' Ħaġar Qim. Il-ħsara kienet lokalizzata f'post bejn l-ewwel żewġt Apsidi ta' fuq il-lemin tad-daħla tat-tempju. Id-Dipartiment mill-ewwel ħa dawn il-passi:
1. Għalaq is-sit temporanjament għall-pubbliku
2. Nhar il-Ħadd stess saret ħidma immedjata biex tiġi
stabilizzata s-sitwazzjoni
3. Dr Alex Torpiano, il-perit li kien għamel xogħol ta' restawr
fl-Imnajdra sentejn ilu, ġie mqabbad jagħmel rapport tekniku
tal-ħsarat u rakkomandazzjonijiet dwar miżuri meqjusa
essenzjali għall-ħarsien ta' wirt fost l-aktar prezzjuż
fid-dinja.
Id-Dipartiment ser jistenna r-riżultati ta' dan ir-rapport qabel ma jagħmel xogħol ta' rikostruzzjoni neċessarju. Id-Dipartiment tal-Mużewijiet qed jieħu l-passi biex jinforma organizazzjonijiet internazzjonali, bħal UNESCO, biex iqanqal kuxjenza u appoġġ konkret għall-proġett meħtieġ biex nippreservaw dan il-monument dinji.
Il-proġett tal-Park Nazzjonali ta' Ħaġar Qim qed jiġi żviluppat fażi fażi. Bħalissa għadu kif tlesta ħajt ta' sigurta' ġdid biex b'hekk jitneħħa dak li kien imbena xi 20 sena ilu. Fażijiet oħra ser jiġu konsidrati bi priorita' wara li nqisu r-rapport tal-Perit Torpiano.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il darba l-Gardjola li hemm fil-Bieb il-Belt Sengleana hijiex se tiġi restawrata f'dawn ix-xhur billi ilha bl-armar mingħajr ebda xogħol ta' xejn tul dawn l-aħħar sentejn?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-armar li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant sar biex ikun jista' jsir xogħol ta' kejl u studju fuq l-istruttura tal-Gardjola. Dan ser iservi ukoll biex ikun jista' jsir ix-xogħol ta' manutenzjoni li hu maħsub li jkun jista' jibda s-sena d-dieħla hekk kif ikun ġie stabbilit il-metodu ta' restawr u x'għandu jsir.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx ippjanat mid-dipartiment li jsir tibdil ta' katusi tad-drenaġġ ġewwa Bormla, Birgu, Isla u Kalkara tul is-sena 1999?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jien infurmat li sa issa huwa ppjanat li jsir 'relief main' ħdejn il-Bieb ta' Santa Liena, Bormla biss. Dan jikkonsisti fi tħaffir ta' 'pipe' 14-il pulzier diametru, tul ta' 360 metru
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm u kemm kien hemm impjegati u f'liema gradi huma tul is-snin 1995, 1996, 1997 u 1998, ġewwa d-Dipartiment tas-Saħħa ġewwa Raħal Ġdid?
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta hemm ippjanat li l-parti tat-triq li jonqos li ssir ġewwa Triq il-Ġiżi kantuniera ma' Triq A. M. Valperga ġewwwa l-Fgura issir issa li s-servizzi għaddew kollha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser issir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment, wara li jkun assigurat li s-servizzi kollha meħtieġa jkunu tqegħdu fil-post.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 1579 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Finanzi u ċioe' jgħid jekk jafx li d-ditta privata responsabbli mit-tindif fl-Isptar San Luqa: 1) ma tħallasx il-ħaddiema meta jkunu morda; 2) ma tħallasx il-ħaddiema b'rata ta' overtime meta jaħdmu aktar minn 40 siegħa fil-ġimgħa; 3) qed tiskoraġġixxi lill-ħaddiema milli jissieħbu fi trade unions; 4) qed ikollha nuqqas ta' proviżjoni ta' prodotti bħal detergents li huma tant meħtieġa fix-xogħol tagħhom? Jistgħu jitjiebu l-kondizzjonijiet tax-xogħol ta' dawn il-ħaddiema billi l-Gvern jagħmel dawn bħala kondizzjoni qabel ma jingħata kuntratt ta' tindif?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ħlas lill-ħaddiema meta jkunu morda u ħlas lill-ħaddiema b'rata ta' 'overtime' meta jaħdmu aktar minn 40 siegħa fil-ġimgħa hu possibbli permess ta' regolamenti li joħorġu minn 'Wages Councils' jew minn kundizzjonijiet' miftehma f''Collective Agreement'.
Id-ditti tal-'Cleaning Services' għadhom ma jaqgħux taħt 'Wages Councils' u għalhekk mhumiex koperti b'benefiċċji oħrajn minbarra l-'leave' b'vaganza u l-paga minima li huma ġa regolati b''National Standard Orders'.
Qiegħed nara x'jista jsir biex is-sistema ta' 'National Standard Orders' tiġi estiża biex tkopri benefiċċji oħrajn minbarra dawk li huma ġa regolati b' 'National Standard Orders'.
Madankollu, jien informat li l-ispetturi tad-Dipartiment tax-Xogħol qed jinvestiga il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-'Cleaners' fl-Isptar San Luqa.
3.12.98
Jaf il-Ministru li Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq saret triq prinċipali? Jista' jgħid meta huwa maħsub illi din it-triq titwessa' peress illi dik eżistenti hija waħda dejqa li kienet intiża biex isservi ta' service road?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għad m`hemmx pjanijiet biex Vjal ix-Xorolla titwessa`. Jien infurmat ukoll li għalkemm din it-triq saret tintuża sew mit-traffiku, il-volum għadu ma laħaqx livell tali li jkun jirrikjedi it-twessiegħ tagħha.