B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 24, Seduta Nru. 4, jaf il-Prim Ministru li x-xogħlijiet fuq l-problema ta' l-għargħar li kienet ġiet abbandunata bejn Mejju 1987 u s-26 ta' Ottubru 1996 twettqu matul l-Amministrazzjoni tal-Gvern Laburista preċedenti?
Billi x-xogħlijiet ma kenux fuq l-ixkaffa imma pendenti sabiex ovvjament saru l-culverts taħt l-art biex isolvu l-problema ta' l-għargħar f'Għajn Qajjed, jista' l-Prim Ministru jara kif ġentilment jikkordina l-proġett ħalli ma jiġix żvijati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-proġett ta` l-għargħar u tad-drenaġġ
li kellu ppjanat l-Kunsill Lokali baqa` ma sarx.
F'dawn l-aħħar xhur pero` tħaffret it-triq u tpoġġew xi
kanen mill-Gvern Ċentrali iżda l-Kunsill qatt ma ġie
kkonsultat avolja kien talab biex jingħata l-pjanti biex
jara li x-xogħlijiet li qed isiru kienu adegwati għall-
lokal.
Peress li l-ko-ordinament tal-proġett irid isir mal-
Ministeru għall-Ambjent jiena ħadt nota ta` dan sabiex il-
Kunsill Lokali jkun ukoll aġġornat.
Jista' l-Ministru jara li jsiru signs/tabelli fit-triq prinċipali taż-Żebbiegħ sabiex ikunu ddentifikati aħjar it-Tempji Skorba fl-inħawi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tlabt lill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku biex flimkien mad-Dipartiment tal-Mużewijiet iħejji pjan fuq skala nazzjonali biex isiru it-tabelli neċessarji għall-postijiet kollha ta`interess storiku.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni barranin li kellhom working permit f'pajjiżna matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
X'karigi kellhom dawk il-persuni u ta'liema nazzjonalita' kienu?
Kemm-il talba simili ġiet rifjutata matul l-istess perijodu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni barranin li kellhom liċenzja ta' mpjieg (employment licence) biex jaħdmu f'pajjiżna u n-numru ta' talbiet li ġew rifjutati matul dawn l-aħħar ħames snin huma kif jidher hawn taħt:
LIĊENZJA MAĦRUĠA TALBIET MIĊĦUDA
---------------- ---------------
1994 2,470 287
1995 3,416 340
1996 3,377 289
1997 3,036 326
1998 * 2,421 431
* sal-31 ta' Ottubru
Ninsab infurmat ukoll li lista ta' dawn il-persuni tiġi ppublikata l-ewwel Tnejn ta' kull xahar mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni u fiha wieħed jista' jsib l-isem tal-persuna barranija, il-professjoni jew xogħol li jagħmel, ma' min jaħdem u d-data sa' meta hi valida l-liċenzja. Ta' min isemmi f'dan ir-rigward li f'din il-lista ma jidhrux l-ismijiet ta' dawk il-persuni li l-liċenzja tagħhom tkun valida għal anqas minn xahar.
03.12.98
Dipartiment ta' l-Artijiet — Reklamazzjoni ta' Xagħri
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' talbiet pendenti li għandhom fil-mument id-Dipartiment ta' l-Artijiet u l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għar-reklamazzjoni ta' Xagħri tal-Gvern? Kemm huwa n-numru ta' tmiem ta' xagħri f'dawn it-talbiet globalment? Kemm minn dawn it-talbiet huma ta' bdiewa/raħħala fulltime u part-time? Jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi tat-talba 4460/98 u ċioe' meta se tiġi ttrattata u rimedjata?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-Awtorita` ta` l-Ippjanar għandha tlettax-il talba għar-riklamazzjoni ta` xagħri għat-total ta` 517 tomna.
Minn dawn l-applikazzjonijiet tlieta saru minn bdiewa li huma reġistrati bħala part-time.
Ninsab infurmat ukoll li t-talba 4460/98 għandha tiġi determinata sat-3 ta` Marzu, 1999, kif kien avżat l-applikant stess wara li ġew konklużi l-konsultazzjonijet kollha meħtieġa mad-Dipartimenti konċernati.
03.12.98
B'referenza għat-talba pendenti Ack. Nru.11401/File L 248/97, jista' l-Ministru jinformani bl-iżviluppi tat-talba u ċioe' meta se tiġi rimedjata? Jekk fl-affermattiv meta? Jekk mhux fl-affermattiv għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minbarra l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, hemm talba oħra għar-reklamar ta' l-istess art. Dawn l-applikazzjonijiet għadhom qed jiġu kkunsidrati.
03.12.98
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni kemm saru ċitazzjonijiet bħala kontravenzjoni ta' l-ilbies taċ-ċinturini tas-sigurezza minn mindu bdiet fis-seħħ il-liġi? Kemm tressqu l-Qorti? Kemm minnhom instabu ħatja u x'multi ngħataw?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' ċitazzjonijiet li nħarġu mill-Pulizija għal-kontravenzjonijet dwar is-seat belts, minn mindu daħlet fis-seħħ il-liġi, kien ta' 17,186.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija ninsab infurmat li l-Pulizija ma żżommx statistika dwar it-tagħrif mitlub.
03.12.98
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Vetturi ta' l-art u tal-baħar
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm-il vettura (ta' l-art u tal-baħar) għandu reġistrat f'isem il-Ministeru u f'isem id-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu, dipartiment b'dipartiment? Jista' jgħid kemm-il vettura ġiet mixtrija għall-Ministeru jew għal xi wieħed mid-dipartimenti mis-6 ta' Settembru, 1998 sat-28 ta' Ottubru, 1998?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Ma nxtrat ebda vettura mill-Ministeru bejn is-6 ta' Settembru u it-28 t'Ottubru 1998.
Għalhekk il-karozzi li hemm reġistrati huma dawk li kien hemm reġistrati fil-5 ta' Settembru 1998. Dawn jikkonsistu f'27 karozza li huma f'isem il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin f'Malta u 25 vettura ohra li jintużaw fl-Ambaxxati Maltin ta' Barra.
Fit-tweġiba tiegħi għal Mistoqsija Parlamentari Numru 1347, tajt aktar tagħrif dettaljat dwar il-vetturi li jidhru fuq isem il-Ministeru f'Malta.
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Karozzi tal-kiri
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm għandu karozzi tal-kiri mal-Ministeru u mad-dipartimenti kollha li jaqgħu taħtu, dipartiment b'dipartiment? Jista' jgħid ukoll min huma l-kerrejja ta' dawn il-karozzi u jekk il-kirjiet humiex isiru permezz ta' kuntratt li għalih ħarġu l-offerti jew permezz ta' direct orders? Jista' jgħid kemm qed tlaħħaq l-ispiża kuljum għall-kiri ta' dawn il-karozzi?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Fil-preżent, erbgħa uffiċjali fil-Ministeru tiegħi, li għandhom dritt kontrattwali li jkollhom l-użu ta' karozza mħallsa mill-Gvern, qed jikru vettura biex taqdihom fix-xogħol tagħhom. Tnejn minn dawn il-vetturi qed jinkrew mingħand il-Bjorn Garage, waħda mis-Civic Rentals, u waħda mill-John's Garage. Ir-rata tal-kiri hija ta' Lm5 kuljum.
Qed tinkera karrozza oħra mill-John's Garage, ukoll bir-rata ta' Lm5 kuljum, għall-użu ġenerali tad-Direttorat ta' l-Unjoni Ewropea.
F'kull każ, l-arranġament tal-kirja huwa wieħed temporanju, sakemm jittieħdu ċerti deċiżjonijiet amministrattivi dwar il-provvista ta' vetturi uffiċjali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru patrols mill-pulizija, meta u f'liema lokalitajiet, kontra l-abbuż tal-prostituzzjoni mill-5 ta' Settembru 'il hawn? Jista' l-Ministru jgħid kemm inqabdu persuni? Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiżdiedu l-patrols f'dan ir-rigward?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tagħmel, u ser tibqa' tagħmel, kemm ronda mill-Pulizija tad-Distrett kif ukoll raids mill-vice squad kontra l-prostituzzjoni, fuq bażi regolari madwar Malta u Għawdex, fosthom fil-Belt, f'Ħal Qormi, il-Kottonera, il-Marsa, l-Imsida, il-Gżira u Ta' Xbiex. Skond ma jien infurmat, mill-5 ta' Settembru, 1998, sas-16 ta' Novembru, 1998, inqabdu 31 persuna in konnessjoni ma' dan it-tip ta' reat.
03.12.98
Ministeru għall-Ambjent — Vettura bin-Nru. BAK 483
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-vettura li ġġib in-numru BAK 483 hijiex mikrija mill-Ministeru tiegħu jew għal xi wieħed mid-dipartimenti tad-dikasteru tiegħu? Jekk fl-affermattiv, jista' jgħid: 1) meta inkrit; 2) kemm qed jitħallas kuljum għall-kirja tiegħu; 3) minn min qed tintuża (isem u kunjom); 4) kemm ġranet fil-ġimgħa; u 5) fejn titpoġġa wara l-ħinijiet tax-xogħol?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-karozza BAK 483 hija waħda mill-karozzi mikrija mid-Dipartiment tal-Manifattura u Servizzi tal-Ministeru għall-Ambjent, għad-diversi Dipartimenti li jaqgħu taħt il-Ministeru, kif ukoll il-Ministeru nnifsu. Din hija waħda mill-karozzi mikrija wara sejħa għall-offerti għall-prezz ta' Lm3.99 kuljum għal sebat ijiem fil-ġimgħa.
Din il-karozza partikolari qed tintuża mis-Sur Tony Fava li huwa uffiċjal fil-Ministeru ghall-Ambjent.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm income tax arrears dovuti lill-Gvern bħalissa? Jista' jgħid kemm minn dawn l-arretrati ilhom dovuti: aktar minn 8 snin; aktar minn 7 snin; aktar minn 6 snin u tkompli l-istess sas-sena kurrenti?
Kemm hu ż-żmien ta' preskrizzjoni għal azzjoni legali biex jinġabru dawn l-arretrati mill-Gvern tal-ġurnata?
Response (DALLI, JOHN)
Skond l-assessments li ħarġu sas-16 ta` Novembru, 1998, jidher li hemm Lm166,096,973 dovuti lill-Gvern taħt arretrati ta` taxxa fuq id-dħul. Dan l-ammont jinkludi wkoll taxxa fuq kontijiet taħt oġġezzjoni (tax in dispute) fosthom numru kbir ta` stima `ex officio` u l-penali goffi li kienu ħarġu magħhom u li soltu jiġu mneħħija (fil-każijiet ta` Dikjarazzjoni spontanja) jew f`każijiet oħra mnaqqsa għall-ammont nominali meta l-oġġezzjoni tingħalaq. L-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija qed tingħata f`Tabella A.
Tabella A
Arretrati ta` taxxa fis-16 ta` Novembru 1998 skond id-data meta ġie dovut il-ħlas.
Ammont Dovut
Aktar minn 8 snin Lm45,731,946
Aktar minn 7 snin Lm4,771,929
Aktar minn 6 snin Lm7,207,474
Aktar minn 5 snin Lm4,830,900
Aktar minn 4 snin Lm15,409,422
Aktar minn 3 snin Lm12,695,745
Aktar minn sentejn Lm17,900,985
Aktar minn sena Lm26,357,377
Sena jew anqas Lm31,191,195
Total Lm166,096,973
Kif għedt f`risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 1212 kontra dan il-bilanċ hemm ammont ta` Lm199 miljun f`taxxa li tħallset għal snin li għad ma ħarġux l-assessment għas-sena ta` stima relattiva. Ir-riżultat jista` jkun bilanċ dovut lill-Gvern jew bilanċ dovut lit-taxpayer.
Skond l-artiklu 47 ta` l-Att ta` l-1994 dwar l-Amministrazzjoni tat-Taxxa, jistgħu jittieħdu passi għall-ħlas tat-taxxa f`kull żmien, f`perijodu ta` tmien snin mid-dati li fiha l-istima tat-taxxa ssir finali u konklussiva.
It-terminu għall-preskrizzjoni jkun miksur b`kull att ġudizzjarju preżentat mill-Kummissarju qabel ma jagħlaq dak it-terminu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm bħalissa persuni/individwi u ditti li qegħdin lura aktar minn 8 snin, 7 snin, 6 snin u tkompli l-istess sas-sena kurrenti fil-ħlas lill-Gvern tal-kontribuzzjonijiet tan-National Insurance? Kemm huma l-ammonti ta' flus involuti għal kull sena msemmija? Għal kull sena, kemm minn dawn l-ammonti huma tal-parti ta' l-employer u kemm ta' l-employer? Kemm hu ż-żmien ta' preskrizzjoni għal azzjoni legali biex jinġabru dawn l-arretrati mill-Gvern tal-ġurnata?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jiena infurmat li sallum mhux possibbli li tinżamm statistika aġġornata dwar dawk il-kumpaniji li qegħdin lura fil-ħlas tal-kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali. Fost id-diversi raġunijiet, għaliex mhux possibli li tinżamm din l-istatistika hemm dawn ir-raġunijiet:
1. Għalkemm kumpanija li tkun qed topera, tiġi identifikata meta tonqos milli tħallas il-Kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali dovuti, l-ammont dovut ma jistax jiġi stabbilit qabel ma jkun hemm konferma mill-istess kumpanija dwar in-numru ta' impjegati li jkunu ħadmu magħha fis-sena partikolari, u l-pagi bażiċi, ta' kull wieħed minn dawn l-impjegati. Dan jiġri għaliex ħafna drabi kumpanija li tkun waqgħet lura fil-ħlas tal-kontribuzzjonijiet, tnaqqas in-numru ta' impjegati tagħha.
2. Għalkemm kumpanija tkun tidher li qegħda lura fil-ħlas, jiġri wkoll li din tkun ġiet likwidata u d-Dipartiment ma jkunx ġie avżat b'dan.
3. JIġri wkoll li kumpanija tibdel l-attivita' tagħha, kif ukoll l-isem li bih tkun qed topera, u b'hekk tingħata numru ġdid ta' reġistrazzjoni (Numru tal-P.E.). F'dan il-każ, għalkemm il-kumpanija tidher li waqfet tħallas, fil-fatt il-pagament ikun qed isir fuq in-numru l-ġdid.
Tajt struzzjonijiet biex is-sistemi komputeriżżati li fuqhom jiġi reġistrat il-ħlas tal-kontribuzzjonijiet li jsir lill-Kummissarju tat-Taxxi Interni jiġu aġġornati b'mod li l-informazzjoni kif mitluba mill-Onor. Interpellant tinżamm fi statistika aġġornata.
Iż-żmien ta' preskrizzjoni għall-azzjoni legali biex ikunu jistgħu jinġabru l-arretrati dovuti huwa ta' tletin sena.
3.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni: a) taħt l-20 sena; u b) 'il fuq minn 60 sena fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin bħalissa?
Jeżisti xi forma ta' trattament differenti marbut ma' l-eta' żagħżugħa/anzjanita' f'din il-Faċilita'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fit-18 ta` Novembru, 1998, in-numru ta` priġunieri taħt l-20 sena fil-Faċilita` Korrettiva ta` Kordin kien ta` 10. Kien hemm ukoll priġunier ieħor, taħt l-20 sena, li kien qiegħed bil-Prison Leave mal-Caritas.
Fl-istess data, in-numru ta` priġunieri `l fuq minn 60 sena kien ta` 2.
Fil-Faċilita` hemm diviżjoni għall-Juveniles u jitqiegħdu fiha, fuq il-parir tal-psikologu u l-psikjatra tal-Habs, żgħażagħ ta` bejn is-16 u l-21 sena li jkunu first time offenders.
Fil-każ ta` priġunieri anzjani, ma hemmx trattament differenti.
03.12.98
Pulizija — Persuni taħt l-influwenza ta' l-alkoħol
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm instabu nies ħatja li saqu vetturi taħt l-influwenza ta' l-alkoħol, sena b'sena, mill-1990 'il hawn?
Kemm inġabru multi mill-Gvern kull sena f'dawn il-każijiet?
Kemm kien hemm persuni fl-istess perjodu wkoll, sena b'sena, li ġew sospiżi milli jsuqu vettura għall-perjodu ta' żmien?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub dwar l-ewwel u t-tielet parti tal-Mistoqsija hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li l-Pulizija ma żżommx statistika dwar it-tagħrif mitlub.
03.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm twettqu reati/kontravenzjonijiet u irregolaritajiet li jmorru kontra r-regolamenti tal-Ħabs, sena b'sena, mill-1990 'il hawn minn internati fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li, minn Mejju ta' l-1994, meta bdiet tinżamm statistika dwar reati, u ksur tar-Regolamenti tal-Ħabs minn priġunieri, l-informazzjoni mitluba, sena b'sena hi kif ġej : -
SENA NUMRU
---- -----
1994 (Mejju-Diċembru) 223
1995 746
1996 1177
1997 1387
1998 (sal-10 ta' Novembru) 925
03.12.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex il-ħsieb tal-Gvern li jraħħas il-liċenzji konnessi mal-kaċċa u l-insib?
Response (BORG, TONIO)
Il-ħsieb tal-Gvern hu dak li hemm kontenut fil-Programm Elettorali tal-Partit Nazzjonalista għall-Elezzjoni Ġenerali ta` l-1998 (paġ. 12).
Qegħdin jiġu diskussi proposti konkreti biex dawn il-proposti jitwettqu fl-iqsar żmien possibli, pass wara pass.
03.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallas overtime l-impjegat tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, li ismu qed jintbagħat separatament, matul il-perjodu Ottubru 1995 - Ottubru 1998, kull sena separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-persuna li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant, tħallset sahra mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta` l-Ilma kif ser ngħid:
minn Ottubru sa Diċembru 1995 xejn
minn Jannar sa Diċembru 1996 xejn
minn Jannar sa Diċembru 1997 Lm1722
minn Jannar sa Novembru 1998 Lm 328
Wara diversi rappreżentazzjonijiet mill-Kunsill Lokali ta' Wied il-Għajn u wara bosta lmenti mir-residenti, jista' l-Ministru jgħid jekk huwiex possibbli li s-servizz tal-karozza tal-linja jiġi estiż għan-naħa tar-Ramla ta' San Tumas u n-naħa ta' Triq il-Qaliet f'Wied il-Għajn? Huwa possibbli li dan is-servizz jiġi estiż għan-naħa taz-Zonqor ukoll peress li dawn iż-żewġ naħat jinsabu fil-periferija ta' Wied il-Għajn u għal kollox maqtugħha minn fejn jgħaddi t-trasport bħalissa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li qed isiru diskussjonijiet bejn l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku, il-Kunsill Lokali ta` Marsaskala u l-Għaqda tas-Sidien tal-Karozzi tal-Linja biex il-karozza tar-Rotta 20 tibda tgħaddi minn Triq il-Qaliet u toħroġ mir-Ramla ta` San Tumas. L-Awtorita` u l-Kunsill qed jistennew tweġiba finali min-naħa tas-sidien tal-karozzi tal-linja.