Kosta Maltija — National Contingency Plan/Action plan
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta nbeda x-xogħol fuq National Contingency Plan u Action Plan kontra t-tniġġiż tal-kosta Maltija minn żjut bejn id-Dipartment ta' l-Ambjent u r-REMPEC?
Fiex wasal dan il-proġett?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Bħala parti mit-Tielet Protokol bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, din ta' l-aħħar aċċettat li tiffinanzja kemm xiri ta' makkinarju, kif ukoll tfassil ta' National Contingency Plan u programm ta' taħriġ għall-personnel Malti biex jikkumbatti tniġġiż minn żejt fuq il-kosta ta' Malta.
Il-makkinarju, li jinkludi żewġ vapuri, issa nxtara u qed jintuża regolarment mid-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent fi 'clean ups' f'każijiet ta' 'oil spills'.
Għat-tfassil ta' National Contingency Plan kontra tniġġiż miż-żejt, kif ukoll taħriġ ta' personnel Malti, fl-10 ta' Novembru 1998, ġie ffirmat kuntratt mal-kumpanija Franċiża CEDRE. Dan il-kuntratt se jibda jiġi implimentat f'dan ix-xahar u mistenni jiġi konkluż sa l-aħħar ta' l-1999.
Fi Frar ta' l-1998, kien iffirmat Memorandum of Understanding bejn il-Gvern u r-REMPEC biex dan iċ-ċentru jassisti d-Dipartiment għal-Ħarsien ta' l-Ambjent ifassal Interim Emergency Response Procedures f'każ ta' 'oil spill'. Dan id-dokument qiegħed fi stadju avanzat.
Billi waqt iż-żjara tal-Prim Ministru fil-Ġermanja jidher li huwa ma ltaqa' ma' l-ebda ministri tal-Gvern Ġermaniż, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid x'taħdidiet hemm skedati ma' dan il-pajjiż fil-ġejjieni qarib?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Il-programm tal-Prim Ministru waqt iż-żjara tiegħu f'Munich kien sabiex jindirizza il-Hans Friedrich Foundation fuq stedina tal-Foundation. Ma kienx pjanat biex imur Bonn għal laqgħat fuq livell Ministerjali. Taħdidiet ta' din in-natura huma maħsuba li jsiru hekk kif iż-żewġ naħat jiftiehmu fuq data konvenjenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm se tkun il-liċenzja l-ġdida li l-Gvern jidher, mill-estimi ta' l-1999, li se jintroduċi fuq il-mobile phones?
Response (DALLI, JOHN)
Is-somma li tidher taħt `mobile phone licences` tikkonsisti fi drittijiet li l-kumpanija Vodafone għandha tħallas lir-Regolatur tat-Telekomunikazzjonijiet skond l-Att Nru. XXXIII ta` l-1997 imsejjah Att biex jirregola t-Telekomunikazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid kemm x'se tkun l-administrative charge fuq kull karozza li se tkun sottomessa għat-testijiet fuq motor vehicles? Kemm huwa maħsub li jsiru testijiet tul l-1999?
Response (DALLI, JOHN)
L-Onor. Interpellant huwa mitlub jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew allokati fondi għar-re-egineering tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni?
Response (DALLI, JOHN)
L-ispejjeż neċessarji se joħorġu mid-diversi headings tal-vot rikurrenti tad-dipartiment skond in-natura tal-ispejjeż. Ma jeżisti ebda item speċifiku taħt il-vot tad-Dipartiment tat-Taxxi Interni.
Kif jaf l-Onor. Interpellant re-engineering tinvolvi diversi aspetti tal-operat tad-dipartiment. Permezz tiegħu tkun tista` ssir evalwazzjoni u analiżi tal-proċeduri wżati mid-dipartiment u tas-sistema teknoloġika u organizzattiva biex id-dipartiment ikun jista` jżid fl-effiċjenza tal-operat tiegħu. Dan l-eżerċizzju jinvolvi ħafna il-kontribut ta` konsulenti fil-qasam tat-tassazzjoni, management u l-informatika.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fuq No. 15, Triq il-Karmnu, Raħal Ġdid jsir id-dawl peress li r-residenti ilhom żmien twil jitolbu li dan ix-xogħol isir?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba magħmula mill-Onor. Interpellant ser tkun kunsidrata flimkien ma' talbiet oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jħalli s-sistema tar-refunds tad-dawl u l-ilma, is-sussidju għal dawk bi dħul baxx, jew dawk li għandhom il-karta r-roża?
Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid kif se jkunu u b'liema rata se jkun is-sussidju għal dawn?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal refunds taħt il-V.A.T., ninfurmaha li d-dawl u l-ilma ma fihomx V.A.T..
Dawk li qed jirċievu Assistenza Soċjali ser jibbenefikaw minn sussidju fuq il-Konsum u mhux ser iħallsu għall-kera tal-meter.
Dettalji ta' dan is-sussidju ser jingħataw f'Avviżi Legali li ser jiġu ppubblikati dalwaqt.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-Head ta' l-iskola Primarja A, Fgura ddeċidiet li ma tħallix persuna li kienet qed tgħallem il-Marshal arts fl-iskola fil-ħin wara l-iskola?
X'kienet ir-raġuni?
Għalfejn dan twaqqaf meta dan kien ilu jgħallem għal ħafna snin u issa li għadha kif ġiet din il-Head ġdida keċċietu mill-ewwel, meta nafu li dan kien qed jeduka u jgħallem l-isports?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kunsill ta' l-Iskola Primarja A, Fgura fil-laqgħa ta' 17 ta' Novembru 1998 iddeċieda illi qabel ma jitfassal pjan ta' kif għandhom jiġu użati l-faċilitajiet ta' l-istess skola, ħadd ma jista' jidħol wara l-ħin normali ta' l-iskola.
Dan minħabba l-fatt illi ħafna tfal kienu qed jidħlu u joħorġu fil-għaxija x'ħin iridu, instab ħafna ħġieġ imkisser, toilets maħmuġin, viti ta' ilma miftuħin, katnazzi ta' l-uffiċċju miksurin, naqsu wkoll diversi oġġetti e.g. siġġijiet, sopraporti etc. etc.
Peress li l-Ministru kellu laqgħa mal-Kunsill Lokali ta' Ħal Luqa, jista' l-Ministru jgħid meta d-dipartiment se jagħmel il-culvert ġo Carmel Street, Luqa?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
M'għandi xejn x'inżid mat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 691 (Seduta Numru 8).
Jista' l-Ministru jindika meta hemm il-ħsieb li ssir Triq New Street off Triq il-Ħelsien, Qormi (qrib "Tal-Ħlas" pharmacy)?
Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu rranġati l-open spaces li hemm qrib u bejn il-Housing Estate fuq Tal-Blat, Qormi u qrib il-Palazz l-Aħmar Street, Qormi/Santa Venera, jiġifieri fil-Housing Estate, li jiġi wara l-fabbrika tal-Canada Dry?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-toroq imsemmija mill-Onor. Interpellant huma kollha asfaltati u x-xogħol ta` titjieb fihom isir mill-Kunsill.
Jista' l-Ministru jgħid jekk mill-5 ta' Settembru 'l hawn, il-gvern daħħalx ħaddiema impressed mad-dipartimenti tal-gvern?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Id-Dipartiment tax-Xogħol ma ġiex infurmat b'kiri ta' vetturi ġodda bis-sistema 'impressed' mil-5 ta' Settembru 1998 sallum. Madankollu kien hemm 3 każijiet fejn id-Dipartiment ġie nfurmat li kien hemm 3 sidien li kienu waqfu temporanjament minħabba f'mard u tħallew ikomplu il-kirja tal-vetturi tagħhom.
4.12.98
Jista' l-Ministru jordna li l-Housing Department ikompli jirranġa l-landscaping qrib il-flats ġodda li tqassmu matul 1997/98 ġo Ħal Farruġ limiti ta' Ħal Luqa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għandu ippjanat proġett komprensiv ta' 'landscaping' fl-'area' indikata mill-Onor. Interpellant. Dal-proġett li ġie mfassal flimkien mal-Kunsill Lokali ta' Ħal-Luqa jeħtieġ il-permess ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Fil-fatt l-applikazzjoni saret aktar kmieni din is-sena u nistennew li l-permess ma jdumx ma joħroġ u għalhekk ix-xogħol imsemmi ikun jista' jibda.
4.12.98
Jista' l-Prim Ministru bħala Ministru responsabbli mill-Kunsilli Lokali u in vista tal-fatt tar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 1595, jgħid x'inhuwa l-pjan maħsub għal ġnien f'Ta' Xlejli, fil-Gudja?
Meta huwa maħsub li dan il-ġnien jitlesta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-Onor Interpellant hu mitlub li jindirizza l-mistoqsija
lill-Ministru responsabbli peress illi l-ġnien imsemmi ma
jaqax taħt ir-responsabbilta` ta` dan il-Ministeru.
In vista tar-risposta għall-mistoqsija parlamentari numru 1491, jista' l-Ministru jgħid fiex fil-prattika u fid-dettall, kienu jikkonsistu l-passi li ħadet l-Awtorita' ta' l-Ipjanar biex twettqu r-rakkmandazzjonijiet ta' l-Ombudsman fil-każ Nru. 1855? Jekk l-Awtorita' ta' l-Ippjanar laqgħet tali rakkmandazzjonijiet, sa meta se jittieħdu l-passi idonei sabiex tiġi rattifikata l-inġustizzja konnessa?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li l-persuna konċernata ngħatat il-ħatra b`effett mill-1 t`Ottubru, 1996. L-arretrati dovuti jitħallsu mas-salarju ta` Diċembru, 1998.
04.12.98
Jista' l-Ministru jara li t-Triq Dun Salv Zarb, Għargħur fejn parti minnha hija għalqa f'nofs it-triq, tiġi minnufih esproprjata u b'hekk tinfetaħ it-triq sew u jkunu jistgħu jsiru x-xogħlijiet neċessarji u t-triq tkun miftuħa bħala waħda regolari peress li din it-triq hija kollha mibnija u fiha numru kbir ta' residenti?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat, u ċioe` lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tat-Toroq, peress li esproprijazzjoni tat-tip imsemmija fid-Domanda, isiru biss fuq talba tad-Dipartiment fuq indikat.
04.12.98
Kummissjoni dwar l-Investigazzjoni kontra l-Korruzzjoni — Kuntratt
Question
Jista' l-Prim MInistru jgħid jekk sarx kuntratt mal-membri u ċ-chairman tal-Kummissjoni dwar l-Investigazzjoni kontra l-Korruzzjoni fejn ġie assigurat terminu ieħor ta' sitt snin?
Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll x'inhu l-ħlas għal kull membru ta' din il-kummissjoni nkluż l-istess chairman?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Kummissjoni Permanenti Kontra l-Korruzzjoni ġiet maħtura
għal perijodu ta' ħames snin b'seħħ mis-16 ta' Novembru
1998. Ic-Chairman huwa l-imħallef Albert Manche LLD u l-
Membri huma s-Sur John Harrison BEM u l-Avukat Raymond
Zammit LLD.
Fil-preżent, l-honoraria huma Lm5,414 fis-sena għaċ-
Chairman u Lm3,660 fis-sena għall-Membri.