Legislature:
Category:
Reset
Active:

Distrett Nru. 10 — Karta Anzjan

Question

Jista' l-Ministru jgħid lokal lokal kemm huma l-anzjani li għandhom il-karta anzjan fil-lokalitajiet ta' Tas-Sliema, San Ġiljan, Swieqi u Pembroke? Jista' l -Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-ismijiet, numri tal-karta ta' l-identita' u indirizzi ta' l-anzjani li dwarhom qed issir il-mistoqsija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' anzjani li għandhom l-Kartanzjan kif mitlub fil-Mistoqsija huwa kif ġej: Sliema 4237 Swieqi 674 Pembroke 72 San Ġiljan 1583 Ma nħossx li huwa etiku li tingħata il-lista bl-ismijiet, in-numru tal-karta ta' l-identita' u l-indirizzi ta' dawn l-anzjani. 4.12.98

Distrett Nru. 10 — Nies b'diżabilita'

Question

Jista' l-Ministru jgħid lokal lokal kemm huwa magħruf li hemm nies b'diżabilita' fil-lokalitajiet ta' Tas-Sliema, San Ġiljan, Swieqi u Pembroke? Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista bl-ismijiet, numri tal-karta ta' l-identita' u indirizzi tal-persuni b'diżabilita' li dwarhom qed issir il-mistoqsija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

1. Skond l-istatistika miġbura fir-Reġistru Nazzjonali ta' Persuni b'Diżabilita' f'dawn il-lokalitajiet: LOKAL TOTAL _____ _____ Sliema 326 San Ġiljan 133 Swieqi 52 Pembroke 12 2. Kull informazzjoni dwar persuni b'diżabilita' li tidher fir-Reġistru Nazzjonali ta' Persuni b'Diżabilita' tinżamm taħt konfidenzjalita' stretta. Il-Kummissjoni bl-ebda mod ma tista' tagħti ismijiet, indirizzi u dettalji oħra personali dwar persuni rreġistrati magħha. Jekk tkun trid tiċċara xi dettal minn dak li jidher hawn fuq, nistiednek iċċempel fuq wieħed minn dawn in-numri diretti: . is-Sur Fred Bezzina 489305, jew . is-Sur Joseph Camilleri 441280 4.12.98
Leg 9 PQ #1722 Sitting 21 1998-12-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Ta' l-Istat - Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hijiex se tkompli tiġi mħaddma l-iskema bi sħab bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-kunsilli lokali għal xogħol ta' manutenzjoni fl-iskejjel statali? Liema skejjel u liema kunsilli lokali se jkunu f'din l-iskema matul l-1999?

Response (GALEA, LOUIS)

Hemm il-ħsieb li tkompli tiġi mħaddma l-iskema bi sħab bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Kunsilli Lokali għal xogħol ta' manutenzjoni fl-iskejjel statali. L-iskejjel kollha li fihom għad hemm il-bżonn ta' aktar manutenzjoni, se jkunu f'din l-iskema. Dan it-tagħrif għadu qed jinġabar. Il-Kunsilli Lokali li juru x-xewqa li jieħdu sehem, huma milqugħa. Dawn ikunu magħrufa aktar tard, lejn il-bidu tas-sena 1999.

MFSC — Laqgħat

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm dipartimenti, aġenziji u korporazzjonijiet li jaqgħu taħtu kellhom laqgħat mal-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija biex ifasslu policy dwar l-enerġija tul ix-xhur ta' Settembru, Ottubru u Novembru, 1998? F'kull każ, kemm saru laqgħat u min ħa sehem fihom? Fiex wasal it-tfassil ta' din il-politika dwar l-enerġija?

Response (BONNICI, JOSEF)

Il-Kunsill Malti għax-Xjenza u Teknoloġija ma jaqax taħt id-dekasteru tiegħi. Il-Korporazzjoni Enemalta, li tifforma parti minn dan il-Kunsill, bħalissa qed taħdem fuq pjan biex titfassal politika dwar mezzi u metodi taż enerġija li permezz tagħhom l-ambjent ikun salvagwardat aħjar fis-snin li ġejjin.

Air Malta — Xiri ta' biljetti mil-Libja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'ammont ta' flus għandha tieħu l-Air Malta mil-Libja għal ħlasijiet ta' xiri ta' biljetti ta' l-ajru? X'qed isir biex l-Air Malta tieħu l-ħlas dovut?

Response (BONNICI, JOSEF)

Filwaqt li l-Air Malta, kif ukoll l-awtoritajiet responsabbli, ma jonqsux li japprofittaw minn kull okkażjoni biex jiffinalizzaw il-pendenzi li għalihom qed jirreferi l-Onor. Interpellant, jidhirli li l-pubblikazzjoni ta' aktar dettalji f'dan l-istadju tista' tkun ta' preġudizzju għall-eżitu ta' dawn in-negozjati.

Anzjani — Każ ta' anzjana

Question

Jista' l-Ministru jirrimedja għall-każ ta' anzjana, li isimha qed jintbagħat separatament, li hija dgħajfa ħafna u nieqsa mid-dawl biex tingħatalha aktar għajnuna fid-dar peress li għandha bżonn ta' għajnuna kuljum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għalkemm ma ngħatax l-isem tal-persuna iżda ngħata biss l-indirizz, ġiet identifikata din il-persuna mir-rekords tal-Home Help. Din il-persuna ilha tingħata dan is-servizz mill-1991 meta ngħatat 4 siegħat fil-ġimgħa għajnuna. Fl-1996 ingħatat żieda ta' sagħtejn oħra. Fl-1998 hija talbet għal aktar għajnuna iżda l-Bord wara li ra l-każ tagħha darbtejn, iddeċieda li l-għajnuna ta' 6 siegħat kienet biżżejjed. 4.12.98

Ministru għas-Servizzi Ekonomiċi — Segretarjat Privat

Question

Jikkonferma l-Ministru li persuna li marret mas-Segretarjat Privat tiegħu, li ismu qed jintbagħat separatament, marret lura mnejn ġiet għax qed tiġi nvestigata mill-pulizija dwar każ ta' frodi li jinvolvi lill-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nikkonferma illi l-persuna kknċernata marret lura minn jedda fejn kienet taħdem qabel, sakemm l-allegazzjonijiet odjerni ikunu investigati u konklużi.
Leg 9 PQ #1727 Sitting 21 1998-12-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku — Petizzjoni

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex waslet il-petizzjoni mressqa mill-persuna, li ismu qed jintbagħat separatament, quddiem il-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku għall-konsiderazzjoni tagħha skond il-provvedimenti ta' regolament 23A tar-Regolamenti tad-Dixxiplina?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li skond ma jipprovdi r-Regolament 23A (2), il-petizzjoni li għamel referenza għaliha l-Onorevoli Membru, ntbagħtet lill-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku. Hija l-prassi li l-Prim Ministru ma jagħmel ebda kumment f'dan l-istadju. Din il-petizzjoni għadha qegħda tiġi kkunsidrata mill- Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.
Leg 9 PQ #1877 Sitting 21 1998-12-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Supply Kindergarten Assistants

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk dawk il-kindergarten assistants impjegati bħala Supply Kindergarten Assistants u li għandhom il-course sħiħ ta' sentejn ta' kindergarten assistants hux se jiġu tal-post fil-futur qarib? Jekk ir-risposta hi fin-negattiv, x'inhi l-pożizzjoni tagħhom? X'inhi r-raġuni li min għamel kors part-time ta' facilitator għandu diploma u min għamel kors sħiħ ta' kindergarten assistant għandu biss ċertifikat?

Response (GALEA, LOUIS)

Jekk is-Supply Kindergarten Assistants jiġux impjegati permanentament jew le jiddependi ħafna mill-vakanzi li jkun hemm fil-complement approvat tal-Kindergarten Assistants. Dawn is-Supply Kindergarten Assistants ġew impjegati biex jagħmlu xogħol ma' tfal b'diżabilita' li qegħdin fil-klassijiet mainstream. Informat li dan ma kienx propju t-taħriġ tagħhom u, allura, ma jistgħux jiġu impjegati bħala facilitators. Il-pożizzjoni ta' dawn is-Supply Kindergarten Assistants hi dik kif elenkata fis-sejħa għall-applikazzjonijiet, ie. li dawn għandhom impjieg part-time li jitħallas bis-siegħa. Jekk kors iwassalx għal Diploma jew Ċertifikat jiġi deċiż mill-organizzaturi tal-Kors konċernat i.e. l-Universita' jew id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni. Tlabt li dawn jagħtuni d-dettalji.

Enemalta — Direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il direct order saret mill-Korporazzjoni Enemalta mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn? Kemm kien il-valur ta' kull tender f'kull każ? X'kienet ir-raġuni li saret direct order f'kull każ?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.

WSC — Fittings/pajpijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-kuntratturi li pprovdew fittings u pajpijiet lill-Water Services Corporation f'dawn l-aħħar erba' snin, ċioe' mill-1994 'il hawn? Kemm kien il-valur ta' kull kuntratt f'kull każ?

Response (BONNICI, JOSEF)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #1883 Sitting 21 1998-12-04 Oral · Final From: LOUIS BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Għawdex — Sistema ta' drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid, sena b'sena, kemm kienu vvotati flus u kemm minnhom intnefqu fuq ix-xogħol tas-sistema ġdida tad-drenaġġ f'Wied il-Ħobż, f'Għawdex?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-flus ivvutati għall-proġett imsemmi, fis-sena 1994, kienu jammontaw għat-total ta' Lm287,650.92. It-tender għax-xogħlijiet konċernati ttieħdet għall-prezz ta' Lm167,000.00. Minħabba diskrepanzi sostanzjali bejn il-profil ta' qiegħ il-baħar stabbilit mill-Awtorita' Marittima, li fuqu ġie bbażat id-disinn, u l-profil attwali li sab il-kuntrattur meta nbdew ix-xogħlijiet 'offshore' l-istima totali għall-profil il-ġdid, laħqet iċ-ċifra ta' Lm323,494.40. Din l-istima ġiet approvata mid-Dipartiment tal-Kuntratti fil-bidu tas-sena 1997. Minn din is-somma s'issa ntefqu Lm30,762.50 fis-sena 1996 u Lm71,145.45 fis-sena 1997. Il-valur totali tax-xogħlijiet kompletati ġie ċċertifikat għal Lm316,719.82. Il-bilanċ finali mistenni jiġi mħallas kollu din is-sena.

Enemalta — Impjanti

Question

Jaf il-Ministru li f'ittra li bagħat liċ-chairman tal-Korporazzjoni Enemalta wrejtu li xtaqt inżur x'impjanti tal-korporzzjoni? Jista' l-Ministru jgħid jekk intbagħatx lura xi forma ta' acknowledgement? Hemm xi oġġezzjoni li din iż-żjara ssir? Saret xi żjara simili fl-amministrazzjoni preċedenti?

Response (BONNICI, JOSEF)

Iva jien ġejt infurmat bl-ittra datata 28 ta' Ottubru 1998 mibgħuta mill-Onor. Interpellant li fiha wera x-xewqa li jżur l-impjant tal-Korporazzjoni Enemalta. Jien ma kelli ebda oġġezzjoni u fil-fatt infurmajt verbalment liċ-Chairman tal-Korporazzjoni dwar dan, u għedtlu biex jagħmel appuntament ma' l-Onor. Interpellant. Jiena nfurmat li l-appuntament sar u li kienet saret żjara simili.
Leg 9 PQ #1911 Sitting 21 1998-12-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Ilma — Second class water

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hi l-ispiża ta' fergħa li saret ta' madwar 1000 pied minn fuq il-main li tiela' għal Bulebel u li jissupplixxi 2nd class water minn ta' Sant'Antnin? Min awtorizzaha u kemm bdiewa se jinqdew minn din il-fergħa?

Response (ZAMMIT, NINU)

Dan ix-xogħol fuq il-main sar mill-korporazzjoni tas-Servizzi tal-Ilma fuq rikkomandazzjoni tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura wara talba ta' bidwi fl-inħawi iktar kmieni din is-sena. Din il-fergħa tista' tintuża għal bdiewa oħra fl-istess inħawi jekk isiru talbiet bil-miktub. Sa issa ix-xogħol għadu mhux komplut. L-istima ta l-ispiża tal-fergħa mistennija li tilħaq iċ-ċifra ta madwar Lm3,000.

Zabbar — Triq Biċċieni, Sqaq Nru 3

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 151, jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk inbediex dan il-pjan ta' azzjoni u fiex wasal? Billi din il-problema li qed tikkaġuna problemi kbar u riskji kull meta tagħmel xi maltempata, possibbli li jittieħdu passi fl-iqsar żmien possibbli?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li qed isiru arranġamenti biex jittieħdu il-livelli neċessarji fi Triq Lia li hija waħda mit-toroq li djar fiha qed jegħerqu wara x-xita biex l-ilma jkun jista` jgħaddi bla diffikulta. B`hekk ikun jista` jingħata wkoll bidu għax-xogħol tat-triq propja.
Leg 9 PQ #1913 Sitting 21 1998-12-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tas-Saħħa — Sptarijiet

Question

Billi fl-Isptar San Luqa kif ukoll fl-isptarijiet l-oħra hemm nuqqas ta' plumbers, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li fil-futur qarib jiġu mpjegati plumbers li kienu segwew kors fl-iskema ESTS fil-plumbing u kienu sponsored mid-Dipartiment tas-Saħħa u allura jafu sew dan ix-xogħol fl-isptarijiet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li m'hemmx nuqqas ta' plumbers fl-isptarijiet tad-Diviżjoni tas-Saħħa u għalhekk m'hemmx ħsieb li jiġu mpjegati xi plumbers.
Leg 9 PQ #1914 Sitting 21 1998-12-04 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili — Impjegati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiġu ngaġġati nies minn barra biex jaħdmu fuq opri tal-baħar li għandu jew se jkollu fil-futur qarib id-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li qed isiru diskussjonijiet dwar is-suġġett tal-Mistoqsija ma` l-Armata u aġenziji oħra biex jiġi stabbilit jekk il-Gvern jistax jinqeda bir-riżorsi eżistenti. Skond l-eżitu ta` dawn id-diskussjonijiet jiġi deċiż jekk jinfetaħx l-ingaġġ għal nies minn mal-Gvern kif ukoll minn barra. 04.12.98

Enemalta — Reversible meters

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni Enemalta għandhiex samples ta' reversible meters tad-dawl elettriku?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nassumi li l-Onor. Interpellant ried jgħid 'non-reversible' u mhux 'reversible' meters. Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni Enemalta ilha twaħħal non-reversible meters sa mill-1988. Kell meter li ġie rrapurtat minn dakinhar 'l hawn, kien dejjem non-reversible, kemm jekk kien single-phase u kemm jekk kien three -phase.

Anzjani — Każ ta' anzjana

Question

Peress li l-anzjana, li isimha qed jintbagħat separatament, li għandha 81 sena, tinsab tgħix waħedha u xi kultant titħawwad tant li toħroġ barra u tkun ta' inkonvenjent kbir u piż fuq il-ġirien, u peress li diġa' informajt lill-awtoritajiet ta' San Vinċenz de Paule u ma sar xejn, jista' l-Ministru jara li tinsab soluzzjoni u din tiddaħħal f'din ir-residenza qabel ma jsir xi inċident li jista' jiswielha ħajjitha?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-persuna li d-dettalji tagħha ntbagħtu separatament applikat biex tidhol fir-Residenza San Vinċenz f'Awissu 1998. Fl-applikazzjoni li għadha kemm saret reċentement, m'hemm xejn x'jindika dwar l-urġenza tal-każ. Naturalment issa dan il-każ ser jiġi kkunsidrat fl-isfond tal-Informazzjoni ġdida mogħtija mill-Onor. Interpellant. 4.12.98

Fgura — Triq l-Għarnuq - Servizzi

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta hemm ippjanat li l-parti tat-triq li jonqos li ssir ġewwa Triq l-Għarnuq, Fgura issir issa li s-servizzi għaddew kollha?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment, naturalment wara li jiġi assigurat li s-servizzi kollha meħtieġa jkunu tqegħdu fil-post.