Jista' l-Ministru jgħid għal dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, kemm irċieva lmenti l-ministeru jew id-dipartiment dwar l-impjant tar-riċiklaġġ ta' Sant'Antnin jew mir-residenti jew mill-Kunsill lokali ta' Wied il-Għajn?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Id-Dipartiment għall-Ħarsien ta' l-Ambjent għandu numru ta' nies li jżommuh infurmat fuq irwejjaħ li jkunu ġejjin mill-Impjant tal-kompostaġġ f'Sant'Antnin. Din is-sistema ta' monitoraġġ bdiet tiġi adottata f'Settembru ta' l-1994.
Il-persentaġġ ta' ħin li fih inxtammet riħa tinten mill-impjant kien kif jidher hawn taħt:
SENA PERSENTAĠĠ TAL-ĦIN LI FIH INXTAMMET
RIHA TINTEN MILL-IMPJANT TAL-KOMPOSTAĠĠ
F'SANT'ANTNIN
----------------------------------- ----------------------------
1994 (Settembru 6
sa Diċembru)
1995 11
1996 9
1997 8.4
1998 (sa Ottubru) 7.5
Jista' l-Ministru jgħid liema dipartiment għandu r-responsabbilta' li jħejji programmi ta' edukazzjoni preventiva fuq id-drogi? Minn liema etajiet jibdew dawn il-programmi? Kemm-il lezzjoni f'sena jirċievu t-tfal li jkunu qegħdin isegwu programm? Liema huma l-iskejjel fejn qed jiġu segwiti dawn il-programmi preventivi?
Response (GALEA, LOUIS)
1. Informat li l-Programm Babes, imħejji minn Sedqa jsir fil-Year 3 tal-primarja u hu programm ta' edukazzjoni preventiva fuq id-drogi u alkoħol. Fl-iskejjel sekondarji, fil-Forms 1 u 2 jsir fil-P.S.E. u fil-Form 4, isir fil-Programm "Irrid Nagħżel it-Tajjeb". Il-Guidance Teachers u l-Counsellors jagħtu counselling kontinwa lil min ikollu problemi.
2. Dan il-proċess jibdew:-
* Primarji - tmien snin;
* Sekondarji - ħdax-il sena.
3. M'għandix informazzjoni.
4. Dawn il-programmi qed isiru fl-iskejjel kollha mill-primarji - sal-Post Sekondarji.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1113, jista' l-Ministru jgħidilna mingħand liema kumpannija huma mikrija il-karozzi, jista' l-Ministru jelenka għax-xahar ta' Ottubru: (i) in-numru ta' impressed drivers; (ii) in-numru ta' karozzi tal-kiri; (iii) min qiegħed juża dawn il-karozzi mikrija u x'inhu l-grad tagħhom; u (iv) mingħand liema kumpannija jew individwu huma mikrija l-karozzi? Tista' l-informazzjoni tiġi maqsuma dipartiment b'dipartiment li jaqgħu taħt ir-responsabbilta' tal-Ministru?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tiġi miġbura u Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
7.12.98
Billi l-anzjana bl-ID Nru. 169621(M) qed tilmenta li l-pagament tal-pensjoni u l-bonus ta' Ġunju ma waslux għandha u jingħad li l-pagament issarraf xorta waħda fil-fergħa tal-Mid-Med Bank ir-Rabat,Malta jista' l-Ministru jinvestiga l-każ u jara kif jirrimedja bil-pagamenti lura għall-perjodu ta' Ġunju u tal-bonus li jinħareġ fl-istess xhar lill-anzjana msemmija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Wara li d-dipartiment investiga l-każ imsemmi mill-Onor. Interpellant, irriżulta li ċ-ċekk kien ġie imsarraf mill-persuna stess li għamlet l-ilment u din issa rtirat it-talba tagħha.
4.12.98
Billi r-residenti ta' Triq il-Melissa, Triq il-Vanilja, Triq il-Misq, Triq il-Klin, Triq is-Sebħ, Triq il-Fuħħar l-Aħmar fl-Imġarr, Malta, ilhom is-snin jistennew li jiġu rranġati t-toroq residenzjali tagħhom, jista' l-Ministru jinfurmani meta huwa proġettat li jsiru x-xogħlijiet f'dawn it-toroq fix-xhur li ġejjin?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li Triq il-Melissa, Triq il-Vanilja, Triq il-Misq, Triq il-Klin u Triq Barabara qedgħin jiġu asfaltati biex b`hekk jitlesta ix-xogħol li kien inbeda fis -sajf ta l-1996 u issa baqa wieqaf għal sentejn sħaħ. Riżultat ta` dan id-dewmien parti mix-xogħol li kien lest kellu jerġa jsir. Triq is-Sebħ u Triq il-Fuħħar l-Aħmar għadu qed isir l-iżvilupp fihom u dawn jiġu asfaltati skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment, s`intendi wara li jkun żgurat li s-servizzi jkunu tqegħdu kollha b`mod permanenti.
Jista' l-Ministru jara li jsir stħarriġ sabiex ikun stabbilit jekk huwiex possibbli li jsiru lifts ġodda fil-Housing Estates tal-Gvern fir-Rabat, Mellieħa, Mġarr u San Pawl il-Baħar? Jekk fl-affermattiv, meta? Jekk dan l-istħarriġ diġa' sar, jista' l-Ministru jgħid kemm hi n-nefqa rikjesta f'kull housing estate?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif spjegajt fit-Twebiba għal PQ Nru 409, għandha tiġi mfassla 'policy' dwar kif u fejn għandhom jiġu stallati 'lifts' kemm f'bini tal-Gvern kif ukoll f'dak privat kif imwiegħed fil-programm elettorali tal-Gvern.
4.12.98
Billi sħubija sħiħa ta' pajjiżna fl-Unjoni Ewropea tinvolvi introduzzjoni ta' madwar 300 liġi għas-setturi tal-Biedja u Sajd, liema liġijiet għandhom madwar 30,000 regola li jridu jiġu osservati mill-bdiewa, raħħala u sajjieda tal-gżejjer tagħna, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra qasam qasam kif se jibda jwettaq il-programm leġislattiv sabiex jintroduċi dawn il-liġijiet u regoli ġodda fis-setturi?
Meta se jiltaqa' mal-koperattivi tal-bdiewa, raħħala u sajjieda sabiex jaġġornahom dwar dan il-programm leġislattiv?
Min huma l-uffiċjali tad-Dipartiment tas-Sajd u ta' l-Agrikoltura responsabbli biex iwettqu dan il-programm leġislattiv?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant imissu jaf li numru kbir ta' direttivi u regolamenti fl-oqsma tal-Agrikoltura u Sajd ma japplikawx għal Malta billi huma dwar prodotti u sistemi ta' produzzjoni estraneji għal Malta.
Għaldaqstant l-applikazzjoni tal-'Aquis Communitaire' għall-oqsma tal-Agrikoltura u Sajd hija suġġetta għal negozjati bejn Malta u l-Kummissjoni tal-Kommunitajiet Ewropej. Matul dawn n-negozjati jiġi miftiehem ukoll il-programm leġislattiv.
Kif ġie mwiegħed fil-programm elettorali tal-Partit Nazzjonalista, il-Gvern jassigura tisħib sħiħ tal-bdiewa u s-sajjieda fin-negozjati ma' l-Unjoni Ewropeja u wara jivvotaw fir-Referendum b'tagħrif sħiħ.
L-Ufficjali kollha tal-Ministeru u tad-dipartimenti tal-Agrikoltura u tas-Sajd huma responsabbli mit-twettieq tal-programm leġislattiv li jkun miftiehem.
Il-Gvern għandu fiducja sħieħa li flimkien, ir-rappreżentanti tal-bdiewa, raħħala u sajjieda u l-ufficjali tal-Ministeru jirnexxielhom jinnegozjaw kundizzjonijiet li jkunu ta' ġid, fiduċja u direzzjoni għall-futur ta' dawn is-setturi.
Jikkonferma l-Ministru li ma kien ebda proposta mill-Ministeru u l-Gvern preċedenti sabiex jitneħħew il-levies ta' protezzjoni għas-settur tal-Biedja u Sajd matul it-22 xahar ta' tmexxija?
Fil-fatt x'kienu r-rakkmandazzjonijiet tal-Gvern u l-Ministeru preċedenti dwar is-setturi?
Jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' dawn il-proposti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant imissu jaf li meta l-Partit Laburista fl-Gvern għamel proposta sabiex tinħoloq żona ta' kummerċ ħieles bejn Malta u l-Unjoni Ewropeja s-settur tal-Agrikoltura ma setgħax jitħalla barra minħabba r-regoli tal-World Trade Organization. Għaldaqstant din il-proposta kienet tfisser ukoll it-tneħħija tal-levies ta' protezzjoni għas-settur tal-Agrikoltura.
Fil-fatt l-Unijoni Ewropeja permezz tal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej kienet għamlitha ċara li l-Agrikoltura ma tistgħax titħalla barra mill-ftehim ta' żona ta' kummerċ ħieles.
Dan ifisser li t-tneħħija tal-levies ta' protezzjoni kien ikolla sseħħ bla ma Malta tibbenifika mill-għajnuniet li dan is-settur igawdi minnhom bi sħubija sħieħa.
L-Onor. Interpellant imissu jaf ukoll li ma hemmx levies ta' protezzjoni fuq il-ħut iżda kontrolli fuq l-importazzjoni.
L-Onor. Interpellant huwa konxju ukoll bil fatt li biż-żona ta' kummerċ ħieles li riedet twaqqaf l-amministrazzjoni precedenti il-bdiewa, raħħala u s-sajjieda kien ser ikollhom jiġġieldu ma xita ta' importazzjoni ta' prodotti ta' biedja u sajd bi prezzijiet baxxi, ma liema importazzjoni l-istess bdiewa, sajjieda u raħħala ma kienux ser ikunu f'pożizzjoni li jikkompetu.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra xi tkun il-pożizzjoni dwar il-levies u l-kwota tal-protezzjoni ta' ħalib frisk, laħam tal-majjal eċċ, eċċ fis-setturi tal-Biedja u Sajd bi sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea?
Kemm iridu jitneħħew levies ta' protezzjoni għall-bdiewa, raħħala u sajjieda f'każ ta' sħubija sħiħa fl-Unjoni Ewropea? Liema huma dawn il-levies, qasam qasam?
Response (ZAMMIT, NINU)
L-Onor. Interpellant imissu jaf li din il-materja hija suġġetta għal negozjati mall-Kummissjoni tal-Komunita Ewropeja fid-dettal.
B'riferenza għad-Diskors tal-President fl-okkażjoni tal-ftuħ tad-Disa' Parlament tal-24/10/98, jista' l-Prim Ministru jelabora x'tip ta' onestop shops qiegħed jikkonsidra li jwaqqaf u għal liema oqsma?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-pubbliku għandu d-dritt li jingħata servizzi pubbliċi bl-
aktar mod effiċjenti u effettiv billi titnaqqas il-
burokrazija żejda.
Il-Gvern preżenti jemmen li, biex jintlaħaq dan il-għan,
kull proċedura marbuta ma servizzi offruti mill-Gvern,
għandhom jiġu riveduti bl-iskop li tinħoloq sistema ta'
one-stop shops fejn jinqata l-bżonn li persuna jkollha
tmur għand diversi uffiċjali biex tinqeda. Il-prinċipju
huwa li d-dipartimenti tal-gvern jibdew jikkolaboraw aktar
ma xulxin u per konsegwenza, ikunu f'pożizzjoni aħjar biex
joffru servizz aktar komplut lil min jiġi bżonnu.
F'dan il-proċess, it-teknoloġija tista tħaffef it-tqassim
ta' l-informazzjoni madwar is-Servizz Pubbliku. Kien
għalhekk li l-Gvern immexxi minni sal-1996, introduċa fuq
skala kbira l-Informatika fis-Settur Pubbliku. Illum id-
dipartimenti tal-Gvern ġew kollegati ma xulxin permezz tas-
sistema msejħa MAGNET (Malta Government Network).
Irrid ngħid li l-kabinett għadu kemm approva Pjan
Strateġiku għall-operat aħjar ta' l-Informazzjoni, fejn
hemm imfassla pjanijiet kif:
Ma tibqax il-ħtieġa għall-pubbliku li jintalab ċertifikat
tat-twelid, taż-żwieġ jew tal-kondotta u ċertifikati oħra
li huma faċilment aċċessibbli għas-Servizz Pubbliku
elettronikament, permezz tas-sistema hekk msejħa -
Common Database (CDB);
Ċertu nformazzjoni mid-dipartimenti tal-Gvern tkun
tinkiseb b'kompjuter personali mid-dar jew minn xi lokal
qrib iċ-ċittadin. Se jsir studju fuq l-użu ta' Smart
Cards bħala dik it-teknoloġija li twassal biex servizz
pubbliku jiġi mogħti permezz ta' magni awtomatiċi bħalma
nsibu fil-Banek;
Il-ftuħ għall-aċċess b'mod kontrollat għall-MAGNET lil
individwi jew organizzazzjonijiet li jistgħu jibbenifikaw
minn xi servizzi jew informazzjoni li jistgħu jinkisbu
bmod elettroniku. Per eżempju, aċċess lin-nutara għal
ċerti dokumenti mir-Reġistru ta' l-Artijiet, aċċess lil
individwi għall-informazzjoni maħruġa mid-DOI, aċċess
biex wieħed ikun jista iressaq ilmenti lid-dipartimenti
konċernati, u proġetti oħrajn. Il-prospetti ta' żvilupp
f'dan il-qasam huma kbar.
L-introduzzjoni ta' kummerċ u negozju b'mezz elettroniku
sabiex jissaħħu u jitqarrbu r-relazzjonijiet bejn id-
Dipartiment tad-Dwana u n-negozjanti.
Pass ieħor lejn it-twaqqif ta' dan il-kunċett huwa d-delega
ta' funzjonijiet lill-Kunsilli Lokali. Din għandha
gradatament tikber f'oqsma oħrajn bħall-amministrazzjoni
tal-libreriji lokali; ta' ċerti liċenzji tan-negozju, ta'
formoli li jinħtieġu jintlew, ta' tagħrif li jingħata mill-
Gvern, u oħrajn. Fi kliem ieħor dan il-Gvern ser ikompli
jinkoraġġixxi d-devoluzzjoni tal-poteri lill-Kunsilli
Lokali, biex il-pubbliku jkun jista jingħata servizz aħjar
u aktar mill-qrib mingħajr dewmien bla bżonn.
B'hekk il-Gvern ser jiżgura, li l-għan ta' kull inizjattiva
ta' riforma f'kull settur tas-servizz pubbliku, ikun
ibbażat fuq il-prinċipju li l-pubbliku jiġi moqdi dejjem
aħjar, fl-iqsar żmien possibbli u mingħajr ħela ta' ħin
lill-individwu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bħalissa persuni li qegħdin jaħdmu bħala self-employed? Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' dawn il-persuni skond il-professjoni tagħhom, per eżempju, tobba, avukati, eċċ u/jew skond is-sengħa tagħhom, per eżempju, electricians, panel beaters, eċċ?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li n-numru ta' persuni li qegħdin jaħdmu bħala self-employed sa Settembru 1998 kien ta' 15,381. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Gvern tiegħu huwiex jagħti każ tal-prinċipju ta' rappreżentanza: a) żagħżugħa; u b) femminili fuq il-bordijiet tal-Gvern u entitajiet parastatali? Jekk fl-affermattiv, fuq liema kriterji qed jimxi jekk għandu? Jekk fin-negattiv, dan ifisser li kemm iż-żgħażagħ kif ukoll in-nisa m'għandhomx ikollhom rwol akbar u dirett fid-deċiżjonijiet ta' tmexxija f'pajjiżna? Jekk jaqbel ma' dawn il-prinċipji, jista' l-Prim Ministru jsostni l-pożizzjoni tiegħu b'riferenza għall-ħatriet li saru s'issa mill-Gvern tiegħu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jiena nemmen li l-kriterji ewlenin għal ħatriet fuq
bordijiet għandhom ikunu dawk imsemmija fit-tweġiba għall-
Mistoqsija Nru 788. B'dana kollu meta jsiru n-nomini
tingħata attenzjoni li nisa u żagħżagħ li jikkwalifikaw
jiġu wkoll nominati.
Jista' l-Ministru jgħid kif qed jiġi assigurat li ma jkunx hemm kompetizzjoni nġusta fil-konfront ta' sidien ta' self-employed żgħar li jagħmlu xogħol ta' tiswija ta' vetturi u biex dawn ma jiġux imwarrba minn dan it-tip ta' xogħol, peress li jidher li qed isiru taħdidiet bejn l-Insurance Association u importaturi ta' għodod għal tali tiswija bl-involviment ta' sidien ta' garaxxijiet kbar? Jaf il-Ministru li qed jiġi allegat li qed isir tentattiv li jintlaħaq ftehim ta' ħtieġa ta' ċerti għodod kbar għat-tiswija tal-karozzi li mhux neċessarjament bżonnjużi għas-sengħa iżda li jekk tiġi aċċettata jeskludi diversi self-employed żgħar f'dan il-qasam mili jidħlu għal xogħol ta' inċidenti marbutin ma' insurance claims?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-ilment ta' l-Onor. Interpellant qed jiġi mistħarreġ.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 788, fejn il-Prim Ministru stqarr hekk:
"ma jidhirlix li għandi nsemmi r-raġunijiet għaliex ċerti persuni jitneħħew minn fuq bordijiet. Huwa dritt ta' kull gvern li .... jaħtar nies .... li jkollu l-fiduċja fihom.".
Dan ifisser li l-Prim Ministru qed jgħid li dawk kollha li tneħħew jew ma ġewx rikonfermati fuq bordijiet tal-gvern mhumiex persuni ta' fiduċja għall-Gvern tal-ġurnata?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-Onorevoli Membru għoġbu jagħti każ biss ta' parti mit-
tweġiba u għalhekk, jiddispjaċini ngħid, wasal għal
konklużjoni żbaljata.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari numru 608 mogħtija lill-kollega tiegħi, fejn ingħad li ġew impjegati 3 CSA's ġodda mill-Elezzjoni 'il hawn, jista' l-Ministru jgħid meta u jekk ħarġitx call for application u jekk ħarġet, meta dehret fil-Gazzetta tal-Gvern? Jista' l-Ministru jgħid minn liema lokalitajiet huma t-tlett individwi nvoluti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
B'riferenza għat-tlett C.S.A.'s imsemmija fir-risposta għall-Mistoqsija Parlamentari nru. 608, dawn ġew impjegati minn waiting list. Huma joqgħodu l-Imġarr, St. Andrews u l-Kalkara rispettivament.
4.12.98
Jaf il-Ministru li l-playing field li hemm fil-Housing Estate ta' Ta' Giorni tinsab fi stat ta' abbandun totali? Jaf li fl-imsemmija playing field la jeżistu bozoz, la bankijiet, la bins u l-art tinsab fi stat ħażin ħafna? Jista' jgħid huwiex il-ħsieb tiegħu li jagħmel xogħlijiet biex l-imsemmija playing field ma tibqax fl-istat li hi?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsilli Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu direttament lill-Kunsill Lokali interessat
Jista' l-Ministru jgħid jekk it-traffic lights u s-street paintings li saru riċentement ħdejn l-ITS sarux bil-permess meħtieġ tat-Traffic Control Board u b'konsultazzjoni u l-approvazzjoni tal-Kunsill Lokali ta' Pembroke?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm tlaħħaq l-ispiża ta' kull kunsill lokali sena b'sena f'onorarji, salarji u spejjeż oħra relatati ma' l-amministrazzjoni ta' l-uffiċini mill-1993 'il hawn?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni
mitluba toħroġ mir-Rapporti ta' l-Awdituri għal kull sena
finanzjarja li skond id-dispożizzjonijiet ta' l-Artikolu
65(6) ta' l-Att ta' l-1993 dwar Kunsilli Lokali jitpoġġew
fuq il-mejda tal-Kamra mill-Ministru tal-Finanzi.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'testijiet u studji saru f'Kerċem, Għawdex b'konnessjonijiet ma' tfittix għaż-żejt qabel Ottubru ta' l-1996? Jista' l-Prim Ministru jgħid minn min saru dawn it-testijiet jew studji? Jista' jgħid x'inhuma id-dati li fihom saru dawn it-testijiet u jekk saru x'kienu l-pariri jew l-indikazzjonijiet li taw l-esperti? Jista' l-Prim Ministru jgħid ukoll x'kienet l-ispiża biex isiru dawn it-testijiet u studji?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jirreferi
għall-Press Release numru 1752 tal-24 ta' Settembru 1998
maħruġa mid-Dipartiment ta' l-Informazzjoni fejn isib fil-
qosor l-istorja tal-proġett tat-tħaffir tal-bir f'Għawdex.