Jista' l-Ministru jgħid meta hu ippjanat li jitlesta x-xogħol ta' toroq li qiegħed isir fis-Swieqi bħalissa u li jinkorpora sistema għall-ilma tax-xita?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li filwaqt li 60% tax-xogħol imsemmi mill-Onor. Interpellant fis-Swieqi tlesta', il-kumplament hu maħsub li jitlesta' sa l-aħħar ta' Novembru ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' djar li nxtraw minn persuni barranin fl-1999 sal-lum sena b'sena?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numri ta' permessi li ngħataw liċ-ċittadini barranin biex jixtru propjeta' mmobbli mill-1999 sal-lum sena b'sena hu kif jidher hawn taħt -
Sena Numru ta' Permessi
1999 219
2000 295
2001 344
2002 (sa l-aħħar t'Awissu) 279
Jista' l-Prim Ministru jgħid xi privileġġi huma intitolati għalihom il-persuni li ingħataw Ġieħ ir-Repubblika?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Apparti mill-jedd ghall-ilbies ta’ l-insinja u ghat-tqeghid ta’ ittri relevanti wara l-isem, l-Att dwar Gieh ir-Repubblika (Kap 251) ma jipprovdi ghall-ebda privileggi ghal min jinghata Unur jew Dekorazzjoni taht l-istess Att.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-konċessjonijiet jew privileġġi mogħtija lill-persuni li għandhom il-karta anzjan?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Persuni li għandhom il-Karta Anzjan igawdu minn dawn il-konċessjonijiet jew privileġġi, li huma magħrufa:
a) tnaqqis fil-fare tal-karozzi tal-linja;
b) tnaqqis fil-fare tal-vapur t'Għawdex'
c) dħul b'xejn fit-Trade Fair Grounds;
d) tnaqqis fl-admission fee għal-logħob tal-football f'Ta'Qali;
d) preferenza li jaqbżu l-kju fl-isptarijiet u l-Health Centres għal dawk li għandhom 'l fuq minn 75 sena.
Barra minn hekk, fis-settur privat hemm diversi stabbilmenti u ħwienet tan-negozju li jagħtu discount lil dawk li għandhom il-Karta Anzjan.
Jista' l-Ministru jgħid x'irriżulta mill-investigazzjoni li saret tal-main tad-drenaġġ fi Triq Indri Grima, Swatar/Imsida, qabel ma din it-triq tingħata t-tarmac?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li mill-investigazjonijiet li kienu saru mid-Direttorat għat-Toroq f'parti min Triq Indri Grima Imsida/Swatar irriżulta li ma hemmx ħsarat fil-mains tad-drenaġġ. Mill-ispezzjonijiet li saru bis-CCTV instab illi kien hemm xi ħsarat f'uħud mill-House connections fil-joint mal-mains li ġew ikkawżati mir-residenti ta' dawn l-abitazzjonijiet meta dawn qabdu l-mains tagħħom. Il-ħsarat għandhom jissewew mill-kuntrattur li qed jieħu ħsieb ix-xogħol ta' l-imsemmija triq f'qasir żmien qabel ma jingħata t-tarmac.
Jista' l-Ministru jgħidilna meta l-awtorita' ta' Malta dwar l-ambjent u l-ippjanar ser toħroġ ir-riżultat ta' l-intervisti għal senior administrative assistant (Skala 6)? Liema intervisti saru kważi xahar ilu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi r-riżultati ta` l-intervisti li rrefera għalihom l-Onor. Interpellant issa ħarġu.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari nru. 34958 u jgħid meta hemm il-ħsieb li jintbagħtu l-arretrati tal-ftehim kollettiv tat-tarzna lill-ħaddiema tat-tarzna u lil dawk li llum ma għadhomx jaħdmu hemm?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali għadu kemm lesta x-xogħol fuq ir-reviżjonijiet tal-pensjoni għal Min Jirtira ta' ex-ħaddiema tat-Tarzna. Infatti dawn il-pensjonanti għadhom kemm irċevew l-arretrati dovuti fil-pensjoni tagħhom ta' Awissu.
Bħalissa t-Taqsima tal-Pensjonijiet għaddejja bix-xogħol tar-reviżjonijiet tal-pensjonijiet ta' romol ta' ex-ħaddiema tat-Tarzna u fuq ir-reviżjonijiet ta' ex-ħaddiema li ħarġu "boarded-out'. Dan ix-xogħol mistenni jitlesta fil-jiem li ġejjin u l-arretrati fejn dovuti jitħallsu minnufih.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-ħanut li l-indirizz tiegħu qed ngħaddi separatament skaditlu l-liċenzja iżda din baqgħet ma ġġedditx?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-fatt is-sid tal-liċenzja li qed issir riferenza għaliha irċieva l-avviż mingħand id-Diviżjoni tal-Kummerċ sabiex ikun jista' jsir it-tiġdid relattiv.
Tajjeb jingħad li kien hemm ftit tad-dewmien biex jinħarġu l-avviżi tat-tiġdid minħabba perjodu ta' transizzjoni minn meta l-liċenzji tan-negozju għaddew mingħand il-Pulizija għal għand id-Diviżjoni tal-Kummerċ.
Jista' l-Ministru jgħid kif u meta ser jingħataw ġieħ iż-żewġ kuntistabbli li isimhom qed jinbagħtu separatament li riċentement wettqu att erojku f'inċident stradali?
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid fejn waslet l-applikazzjoni ta' persuna li d-dettalji qed jintbagħtu separatament għall-akkomodazzjoni soċjali u dan peress li din ilha applikata mill-1975?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-applikazzjoni li rrefera għaliha l-Onor. Interpellant, li fil-fatt saret fl-1995 u mhux fl-1975, qed tiġi kkunsidrata flimkien ma applikazzjonijiet simili li għandu quddiemu d-dipartiment.
Jista' l-Ministru jgħid tistax ix-xbiha tal-qalb ta' Ġesu li hemm kantuniera bejn Triq l-Ifran u Triq St. Lucia Valletta tiġi restawrata fiż-żmien li ġej?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta għandu programm kontinwu ta' restawr ta' statwi tal-kantunieri. Din l-istatwa ilha fil-programm iżda hemm żewġ problemi li għad iridu jiġu riżolti. L-ewwelnett, din l-istatwa tagħmel parti minn propjeta privata u l-Gvern ma jistax jaqbad u jidħol jagħmel xogħol f'din il-gallerija jekk ma jkunx hemm talba speċifika mill-propjetarji. It-tieni problema hi, li din l-istatwa hija post għoli ħafna u għalhekk irid isir proġett għalih u mhux titqies mal-proġett kontinwu ta' manutenzjoni ta' statwi 'normali' tal-kantunieri.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi u miżuri oħrajn ħadu l-pulizija sabiex jaraw li ma jkunx hemm tipjip fl-edifiċju tal-qorti tal-maġistrati wara li t-tipjip m'għadux permess?
Response (BORG, TONIO)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, it-tipjip fil-bini tal-Qrati tal-Maġistrati huwa ipprojbit bir-Regoli tal-Qrati biex jinżamm il-Bon Ordni fil-Qrati tal-Maġistrati taħt il-pieni msemmija fl-Artikolu 990 tal-Kodiċi ta` Organizzazzjoni u Preċedura Ċivili. Dawn ir-Regoli huma infurzati mill-Marixxalli. Madankollu l-Pulizija ingħataw struzzjonijiet kemm sabiex ma jsirx tipjip fil-bini tal-Qorti tal-Maġistrati, kif ukoll sabiex jagħtu l-assistenza kollha meħtieġa sabiex dawn ir-Regoli jkunu osservati.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarx xi impact assessment jew xi analisi fuq il-livell soċjali tal-familji Maltin f' dawn l-aħħar sentejn? Jekk iva, x'kien ir-riżultat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellanti tikkjarifika x'qed tfisser b' "livell soċjali tal-familja".
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi forma ta' impact assessment jew xi analiżi, rigward il-livell tal-finanzi tas-soċjeta' Maltija f'dawn l-aħħar sentejn? Jekk iva, x'kien ir-riżultat?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m'huwiex ċar biżżejjed xi jrid ifisser l-Onorevoli Interpellant bil-livell tal-finanzi tas-Soċjeta Maltija. Wieħed qed jifhem il-likwidita' u l-aċċess għaliha tal-maltin biex ikunu f'qagħda li jitejbu l-livell tal-għixien tagħhom.
F'dan ir-rigward naħseb li l-figuri li se ngħati hawn taħt jitkellmu waħidhom -
1. Il-Prodott Groos Nazzjonali (Nominali) ras imb'ras i.e. il-valur ta' dak kollu li nipproduċu u naqilgħu aħna l-maltin, ras għal ras, inkluż dħul ta' pensjonijiet u mgħaxijiet fuq investimenti barra minn Malta
1990 - Lm2,193
1995 - Lm3,064
2000 - Lm3,867
2. Depożiti Bankarji -
1987 - Lm483.4 miljuni
1990 - Lm768.2 miljuni
1995 - Lm1,589.3 miljuni
2000 - Lm3,281.4 miljuni
3. Paga medja ta' ġimgħa -
F'Settembru 2001 din telgħet għal Lm83.04 i.e. Lm2.86 ogħla minn kif kienet f'Settembru 2000 u ogħla mill-Lm1.50 żieda fil-ġimgħa li tingħata għall-ogħli tal-ħajja.
4. Ħlasijiet totali mgħotija f'benefiċċji soċjali, inkluż il-pensjoni tal-irtirar, taħt l-Att tas-Sigurta' Soċjali 1987.
2000 1995 1990 1987
Pensjoni tal-Irtirar 71,892,924 48,262,536 29,302,468 22,264,427
Pensjoni tar-Romol 16,865,108 13,654,015 10,686,787 7,591,523
Allowance tal-Orfni 9,885 12,101 1,639 3,102
Pensjoni tal-Invalidita' 9,913,445 6,225,423 4,275,696 3,814,417
Survivor's Pensions 8,590,002 4,969,040 880,637 408,674
Total 107,271,364 73,123,115 45,147,227 34,082,143
Ċertament minn dan kollu joħroġ ċar l-affluwenza tas-soċjeta' Maltija u l-mod kif din kienet matul dan l-aħħar snin.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm-il kariga ġie maħtur fihom mill-gvern Malti il-persuna li isimha qiegħed jintbagħat separatament mill-aħħar elezzjoni 'l hawn? Jista' jgħid f'kull każ kemm ħlas irċieva jew qiegħed jirċievi?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant ghat-twegiba li tajt ghall-Mistoqsija Numru 33515 f’Seduta numru 742.
Il-persuna msemmija hija wkoll membru tal-kumitat ghar-Riabilitazzjoni ta’ l-Mdina u tal-kunsill tal-Fondazzjoni tal-Konkatidral ta’ San Gwann. Ta’ dan ix-xoghol fil-kumitati il-persuna msemmija ma ghandha l-ebda rimunerazzjoni.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jsiru public convenience fl-inħawi ta' Qui-Si-Sana f'Tas-Sliema minħabba l-fatt li ħafna nies inkluż turisti jiffrekwentaw din l-akkwata speċjalment fix-xhur tas-sajf u m'hemmx fejn jaqbdu l-bżonnijiet naturali tagħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li għalissa ma jidhirx li hemm xi pjani li jsiru public conveniences fl-inħawi ta' Qui-Si-Sana f'Tas-Sliema, iżda dan ma jeskludix li iżjed 'il quddiem ma tiġix proġettata biex tinbena waħda.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il kuntratt jew xorta oħra ta' xogħol għandha l-kumpannija where's everybody mal-ministeru, MTA u dipartimenti u entitajiet li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jekk fl-affermattiv jista' jgħid x'inhu x-xogħol li qed isir mill-where's everybody u kemm ġew imħallsa għax-xogħol li għamlu s'issa?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-Awtorita’ tat-Turiżmu għandha kuntratt mal-kumpanija Where’s Everybody biex din tipproduċi serje ta’ spots televisivi bħala parti mill-kampanja ta’ għarfien dwar it-turiżmu ta’ l-istess Awtorita’. Dan sar wara għoti ta’ tender f’Diċembru tas-sena 2000.
Ninsab infurmat ukoll li Where’s Everybody pproduċiet video dwar il-Malta Fireworks Festival li ġie mtella’ f’Mejju 2002 mill-Awtorita’.
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja kollha kemm hi ta' l-aħħar rapport tat-TOSS?
Response (REFALO, MICHAEL)
Jien infurmat mill-Awtorita’ Maltija tat-Turiżmu li r-rapporti li saru dwar it-TOSS jikkonsistu f’analiżi ta’ l-infiq li jsir mill-operaturi Ingliżi ma’ stabbilimenti Maltin u, għalhekk, peress li l-kontenut tagħhom fih informazzjoni ta’ natura kummerċjali l-Awtorita’ hi tal-fehma li r-rapporti mgħandhomx jiġu pubblikati.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi 34843 possibli d-drainage department jinnota li l-inkonvenjent imsemmi jinxtamm l-aktar f'nofs Triq San Ġużepp fil-parti ta' triq li hi mħarrbta u li tgħaqqad iż-Żejtun ma' Ħaż-Żabbar? Possibli d-drainage department jagħmel inspection fuq il-post ħalli jikkonferma dan l-inkonvenjent u possibilment jirrimedja s-sitwazzjoni?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li fil-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant hemm discharge point u r-riħa li tinxtamm kull meta jkun qiegħed isir tbattil minn xi bowser. Ta' min isemmi illi din id-discharge point ġiet imressqa reċentement għax kienet aktar lejn l-abitat. Peress illi f'din it-triq għaddejja l-mina li twassal id-drenaġġ lejn Wied Għammieq mhux possibbli illi jinstab post aktar adattat għal din id-discharge point.