Jista' l-Ministru jgħid jekk fl-Isptar Monte Carmeli kienx hemm xi nursing aide li bejn l-aħħar ta' Ottubru, 1996 u l-5 ta' Settembru, 1998 ħa xi promotion? Jekk iva, min kienu, fejn kienu jaħdmu u xi promotion ħadu?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Billi sal-lum m'hemm ħadd li hu maħtur fil-grad ta' Nursing Aide fid-Diviżjoni tas-Saħħa, ir-risposta għal din il-Mistoqsija hija fin-negattiv.
Peress li hemm nuqqas ta' cleaners fl-iskejjel, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jiddaħħlu fulltime caretakers/cleaners mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni fil-futur qarib?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li sabiex tittaffa l-problema tan-nuqqas ta' cleaners fl-iskejjel, id-Diviżjoni għadha kemm ħarġet sejħa għall-cleaners part-time f'numru ta' skejjel. L-applikazzjonijiet għall-mili ta' dawn il-postijiet qed jiġi pproċessat mill-iskejjel konċernati.
Billi l-Ministru riċentement qal li l-gvern kien qed jikkonsidra jinvolvi l-privat għal skop ta' social housing, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet li l-gvern jixtri djar diġa' mibnija li huma vojta mingħand il-privat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Awtorita' tad-Djar qed tipprepara skema ġdida għax-xiri ta' postijiet vojta tal-privat.
7.12.98
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-Maltapost iddaħħal postman fil-futur qarib?
Kemm hu l-complement attwali tal-postmen u kemm suppost hu dan il-complement?
Response (BONNICI, JOSEF)
M'hemmx ħsieb li l-Maltapost timpjega pustiera minn barra qabel jiġi attwat l-eżerċizzju ta' riorganizzazzjoni.
Il-complement attwali ta' pustiera, inklużi Pustiera Anzjani, huwa ta' 488.
Il-"full complement", mingħajr ma jittieħed in konsiderazzjoni l-eżerċizzju ta' riorganizzazzjoni huwa ta' 493.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid meta ħareġ il-permess għal żvilupp numru 2006/97? Min kien il-perit li applika? Meta saret l-applikazzjoni? Kien hemm xi oġġezzjonijiet għal din l-applikazzjoni?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li l-applikazzjoni ġiet sottomessa fil-11 ta' April, 1997, mill-Perit C. Mangion. Din l-applikazzjoni ġiet validata fit-23 ta' Mejju, 1997. L-applikazzjoni ġiet approvata fis-27 ta' Ġunju, 1997 u din id-deċiżjoni ġiet mibgħuta fl-1 ta' Lulju, 1997. L-Awtorita` ma rċiviet ebda oġġezzjoni minn terza persuni.
07.12.98
Universita' — Dipartiment tal-Psychology - Studenti
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'se jiġri wara Frar 1999 mill-istudenti li qed jattendu għal Certificate Course in Education (Classroom support trainee) organizzat mid-Dipartiment tal-Pyschology fl-Universita' ta' Malta flimkien mad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex tinġabar l-informazzjoni, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm flus intnefqu mill-NTOM f'reklamar barra minn Malta biex jinġibdu aktar turisti hawn u fejn dawn intnefqu fis-snin 1996, 1997 u 1998?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-National Tourism Organisation - Malta (NTOM) nefqet l-ammonti li jidhru hawn taħt f'reklamar barra minn Malta:
1996 Lm1,832,835
1997 Lm1,334,896
1998 Lm 751,000
L-Onor Membru japprezza li l-kumplament tal-Mistoqsija hi ta' natura kummerċjali u għalhekk ma jkunx xieraq li din tingħata. Madankollu lest biex nagħtih l-informazzjoni kunfidenzjalment.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk id-Dipartiment tas-Saħħa bgħattx u għamilx spezzjonijiet ġewwa Triq A.M. Valperga kantuniera ma' Triq il-Ġiżi, Fgura għal diversi problemi konnessi ma' l-iġjene?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara spezzjonijiet li saru fl-akkwata ta' Triq A.M. Valperga ma' Triq Giżi, Fgura, ġie identifikat sit ta' art privata fejn jinstab ammont ta' skart. Id-Dipartiment qiegħed fi proċedura sabiex jittieħdu l-passi neċessarji kontra s-sid ta' l-art sabiex din titnaddaf.
Peress li ma kienx hemm indikazzjoni ta' problemi oħra konnessi ma' iġjene, qed nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għal dan is-sit bħala l-problema konnessa ma' l-iġjene.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, hijiex se tibbenefika mill-miżura li kien ħa Gvern Laburista dwar pensjonijiet tas-servizzi?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq ninforma l-Onor. Membru illi l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-fomm dwar ir-rata tal-Pensjoni tas-Sigurta' Soċjali li qed tirċievi u r-reviżjoni tagħha bl-emendi dwar pensjonijiet tas-Servizz.
Jien infurmat ukoll li issa l-istess persuna ser tiġi nfurmata bil-miktub dwar dan.
7.12.98
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba għal akkomodazzjoni tas-sinjura, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-applikazzjoni indikata qed tiġi kkunsidrata flimkien mal-oħrajn kollha li hemm pendenti, u fid-dawl tan-numru limitat ta' postijiet li jkollu d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali.
7.12.98
Jista' l-Ministru, għall-perijodu mill-5 ta' Settembru, 1998 sa l-1 ta' Diċembru, 1998, jagħti lista tal-kuntratti li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt: (a) jindika x'kien il-kuntratt; (b) min għamel l-ispecificatins; (ċ) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (d) lil min intalbu l-quotations; (e) kemm kienet kull quote; (f) min rebaħ il-kuntratt; (g) ingħataw extensions fuq il-kuntratt oriġinali; u (h) kemm kien il-valur totali tagħhomw?
Response (REFALO, MICHAEL)
B'żieda mat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Numri 546 u 2311 fis-Seduti 10 u 23 rispettivament, inżid ngħid li fil-perjodu msemmi fil-Mistoqsija ngħataw tliet kuntratti oħra b'direct order. It-tlieta jirrigwardaw lill-Institute of Tourism Studies (I.T.S.).
L-ewwel wieħed kien jirrigwarda servizz ta' sigurta' bil-lejl fl-Institute f'Pembroke. L-uffiċjali li evalwaw il-quotations kienu s-Sur Lino O. Borg, Direttur (Turiżmu), is-Sur Simon Micallef mill-Management Efficiency Unit u s-Sur Paul Micallef, Head of Administration, I.T.S. L-award sar mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru skond is-setgħa mogħtija lilu mill-Financial Regulations. Intalbu quotations mill-Group 4 Services u mis-Security Services. Il-Group 4 Services ikkwotaw Lm1.90 kull man hour + 5% E.T.S. Il-kumpanija l-oħra kkwotat Lm1.98 kull man hour inkluż it-taxxa. Il-kuntratt intrebaħ mis-Security Services u ngħata għal sena u jista' jiġi mġedded. Il-valur totali fuq medda ta' sena għal żewġ security officers tiġi tiswa Lm9,360.
It-tieni u t-tielet kuntratti kienu jirrigwardaw armar u żarmar ta' scaffolding u xogħol ta' żebgħa fl-Atrium ta' l-I.T.S. L-uffiċjali li evalwaw il-quotations kienu l-istess tliet persuni msemmija aktar 'il fuq. L-award sar mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru skond is-setgħa mogħtija lilu mill-Financial Regulations. Il-quotations intalbu mingħand Bezzina Trading Yard Ltd (B.T.Y. Ltd) u Joseph F. Spiteri & Co Ltd. B.T.Y. Ltd ikkwotaw Lm2,500 għall-iscaffolding inkluż it-taxxa u l-istess ammont għax-xogħol ta' żebgħa. Id-ditta Joseph F. Spiteri & Co Ltd. ikkwotat Lm2,200 għall-armar ta' scaffolding biss. Il-kuntratt intrebaħ minn B.T.Y. Ltd. Il-quotation ta' l-armar u żarmar ta' l-iscaffolding u dik tax-xogħol ta' żebgħa flimkien ġew jiswew Lm5,000.
Jista' l-Ministru jagħti għall-perijodu mill-5.9.98 sal-1.12.98 lista tal-kuntratti li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt: (a) jindika x'kien il-kuntratt: b) min għamel l-ispecifications; c) min kienu l-persuni li għamlu l-award; d) lil min intalbu l-quotations; e) kemm kienet kull quote; f) min rebaħ il-kuntratt; g) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali; u h) kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jiena nfurmat li fil-perijodu mill-5 ta' Settembru 1998 sa l-1 ta' Diċembru 1998 ingħataw seba' kuntratti b' 'direct order'. Dawn kienu:
1. a) Provista ta' arbli tad-dawl ta' barra kompluti bil-globi għax-Xatt ta' Buġibba
b) Il-Perit inkarigat
c) Id-Direttur tal-Kuntratti
d) Wieħed
e) Lm24,078
f) MCE Limited
g) Le
h) Ma tapplikax
2. a) Provista u installar ta' UPS għar-raba' sular ta' Project House, Floriana.
b) Id-Direttur tal-Building & Engineering
c) Id-Diretturi Ġenerali tax-Xogħlijiet
d) Wieħed
e) Lm1,070
f) Panta Computer Company Limited
g) Le
h) Ma tapplikax
3. a) Bini ta' lqugħ tal-konkos għall-Wied il-Għajn
b) Id-Direttur tat-Toroq
c) Il-Ministru tal-Finanzi
d) Wieħed
e) Lm1,125
f) Roads Group Limited
g) Le
h) Ma tapplikax
4. a) 'Survey' ta' 'Photogrammetry' fuq l-Affreski Paladini, fil-'Prince of Wales Room' il-Palazz il-Belt Valletta
b) Il-Ko-ordinatur tal-VRP
c) Il-Ministru għall-Ambjent
d) Wieħed
e) Lm805
f) Working Light Limited
g) Le
h) Ma tapplikax
5. a) Xogħlijiet ta' investigazzjoni fuq is-sit ta' barra l-fortifikazzjonijiet ta' l-Imdina biswit il-Palazz Vilhena
b) Id-Direttur tal-Building & Engineering
c) Il-Ministru tal-Finanzi
d) Wieħed
e) Lm6,920
f) Harrison and Company Limited
g) Le
h) Ma tapplikax
6. a) Provista ta' tliet clamps stainless steel għat-tiswija tal-pipeline f'qiegħ il-baħar f'Wied Għammieq
b) L-Inġinier inkarigat
c) Il-Perit Vince Cassar, Direttur Ġenerali
d) Wieħed
e) Lm1174
f) Anton Zarb
g) Le
h) Ma tapplikax
7. a) Tneħħija ta' materjal u bini ta' ħitan fi Triq Lion Well, Rabat
b) L-Uffiċjal inkarigat
c) Il-Ministru għall-Ambjent
d) Wieħed
e) Lm2,400
f) Colin Farrugia
g) Peress li x-xogħol għadu sejjer, il-valur aħħari ma jistax jingħata
h) Ma tapplikax
Jista' l-Ministru jagħti għall-perjodu mill-5.9.98 sal-1.12.98 lista tal-kuntratti li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt: (a) jindika x'kien il-kuntratt; b) min għamel l-ispecifications; c) min kienu l-persuni li għamlu l-award; d) lil min intalbu l-quotations; e) kemm kienet kull quote; f) min rebaħ il-kuntratt; g) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u; h) kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (DALLI, JOHN)
Fil-perjodu msemmi, fid-dikasteru tiegħi ingħata kuntratt wiegħed b`direct order. Dan ingħata mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni lill-Printex Ltd u kien jikkonsisti f`ordini ta` 120,000 kont tat-taxxa fuq id-dħul għall-prezz ta` Lm2,500.
Jista' l-Ministru jagħti għall-perjodu mill-5.9.98 sal-1.12.98 lista tal-kuntratti li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt: (a) jindika x'kien il-kuntratt; b) min għamel l-ispecifications; c) min kienu l-persuni li għamlu l-award; d) lil min intalbu l-quotations; e) kemm kienet kull quote; f) min rebaħ il-kuntratt; g) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u; h) kemm kien il-valur totali tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid mill-5.9.98 sal-1.12.98: a) kemm-il tender ta' valur aktar min Lm1,000 li ġiet approvata mid-dekasteru tiegħek; b) il-valur ta' kull tender; c) lil min ġiet awarded; u d) in-natura (provvista, xogħol, servizz) ta' kull tender?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata
f' xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid mill-5.9.98 sal-1.12.98: a) Kemm-il tender ta' valur aktar min Lm1,000 ġiet approvata mid-dekasteru tiegħek; b) il-valur ta' kull tender; c) lil min ġiet awarded; u d) in-natura (provvista, xogħol, servizz) ta' kull tender?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Ma ġiet approvata ebda sejħa għal offerti mill-Ministeru tiegħi fil-perijodu indikat mill-Onorevoli Membru.
Jista' l-Ministru jgħid kemm attendew pazjenti fiċ-Ċentri tas-Saħħa ta' Raħal Ġdid, Bormla, Rabat, Gżira u Qormi mill-1 ta' Jannar, 1998 sal-lum?
Response (DEGUARA, LOUIS)
In-numru ta' pazjenti li attendew mill-1 ta' Jannar 1998 sa l-aħħar ta' Ottubru fiċ-Ċentri tas-Saħħa huma:
Raħal Ġdid 82,700
Bormla 28,491
Rabat 35,210
Gżira 41,970
Qormi 44,634