Legislature:
Category:
Reset
Active:

Skejjel — Skola Junior Lyceum Verdala

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jinforma lill-Kamra bil-pożizzjoni li tinsab fiha l-iskola tal-Junior Lyceum Verdala, xi ħsara jew traskuraġni kien hemm u jekk kien hemm, x'passi qed jittieħdu għal dan in-nuqqas?

Response (GALEA, LOUIS)

Tlabt lis-Segretarju Permanenti jirraporta dwar il-kawżi tad-diffikultajiet li din l-iskola qed taffaċċja. Ta' min jgħid li l-proġett ta' l-iżvilupp u r-riabilitazzjoni ta' din l-iskola fuq skala kbira qed jitkompla. Diġa' sar id-development brief mill-konsulenti tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni wara survey li kienet saret fuq il-bini ta' l-iskola kollha. Kien hemm konsultazzjoni dwar dan il-brief ma' l-istaff ta' l-iskola. Dan il-proġett qed jingħata l-priorita' li tistħoqlu.

Qrati — Ħlas bi credit cards

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba jistax jiġi kkonsidrat li l-ħlasijiet ġewwa r-reġistri superjuri u inferjuri ġewwa l-Qrati ta' Malta jsiru permezz ta' l-użu tal-credit cards li qed jiġu wżati mill-poplu?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-Awtoritajiet tal-Qorti huma lesti li jikkunsidraw l-effiċjenza fil-ġbir tal-multi. Iżda l-użu tal-credit cards għall-pagamenti ta' ħlasijiet allokati lill-Gvern trid l-ewwel tiġi studjata sew mill-Ministru tal- Finanzi qabel tkun tista tiġi applikata.

Naxxar — Triq il-Bjad

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta hemm ippjanat li t-triq li għandha s-servizzi kollha mgħoddija u ċioe' Triq il-Bjad, Naxxar issir?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li din it-triq hija diġa asfaltata u għalhekk xogħol ta` resurfacing irid isir mill-Kunsill Lokali.

Birgu — Auberge d'Angleterre

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 966, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk kemm-il-darba l-wirja tal-kostumi Maltin li ġiet mtella' tant tajjeb mill-Fond Patrimonju Malti hijiex se tiġi kkonsidrata biex tiġi mtella' fuq bażi permanenti ġewwa l-Auberge d'Angleterre fil-Birgu billi jista' jkun li l-ispejjeż involuti għal dan m'humiex impossibbli?

Response (GALEA, LOUIS)

Iva qed nikkondraw fejn nistgħu npoġġu l-wirja permanentement f'xi post.
Leg 9 PQ #2349 Sitting 25 1998-12-09 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru għall-Ambjent

Bormla — Knisja Madonna tas-Sokkors

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 555, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk huwiex previst li fil-futur qarib isir it-tindif tal-partijiet prinċipali interni u esterni tal-Knisja tal-Madonna tas-Sokkors ġewwa Bormla u tal-Mina ta' Santa Liena li kienet ġiet restawrata sew minn Gvern Nazzjonalista preċedenti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Is-suġġeriment ta' l-Onor. Interpellant qed ikun ikkunsidrat.
Leg 9 PQ #2350 Sitting 25 1998-12-09 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tas-Saħħa

Xgħajra — Berġa

Question

Jista' l-Ministru jinforma l-Kamra meta l-aħħar li sar manutenzjoni fuq il-Berġa tax-Xgħajra u jekk kemm-il darba jiġix ikkonsidrat li tiżdied il-frekwenza ta' ftuħ u ta' servizzi billi hemm parti sostanzjali tal-popolazzjoni ta' l-imsemmi raħal li qed tavvanza fl-eta' u ssibha diffiċli biex tmur post ieħor?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-aħħar manutenzjoni li saret fuq il-Berġa tax-Xgħajra kienet fil-bidu tal-1998, meta saret tiswija tal-bieb ta' barra. Manutenzjonijiet isiru skond kif jintalab. Bħalissa skond ir-riżorsi li għandna u l-prijoritajiet tad-Dipartiment, ma hemmx ħsieb li tiżdied il-frekwenza fil-ftuħ u s-servizzi f'din il-Berġa.
Leg 9 PQ #2353 Sitting 25 1998-12-09 Oral · Final From: JOSEPH M. SAMMUT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ħal Safi — Rampi

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra dwar jekk hemmx l-awtorizazzjoni rikjesta sabiex il-kunsill lokali jew aħjar is-Sindku ta' Ħal Safi, jagħmel ir-rampi fi: (1) Triq San Gwann, Safi (ħdejn Mon Cherie Confectionery); (2) Triq Dun Gużeppe Caruana, Safi (wara d-dar tal-Kappillan)? Jekk dawn saru mingħajr il-permessi neċessarji, jista' l-Prim Ministru jindika x'passi se jittieħdu sabiex tali abbużi jiġu eradikati?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali ta' Safi li l-Kunsill għandu l-permessi meħtieġa kemm għar-rampi kif ukoll għat- tabelli li jindikaw li hemm dawn ir-rampi. Sadanittant infakkar lill-Onorevoli Interpellant li, kif intqal f'tweġibiet għal mistoqsijiet simili, il-Kunsill Lokali huma korpi statutorji ta' Gvern Lokali, u għaldaqstant awtonomi. L-Onorevoli membru huwa mitlub li jigbor kull tagħrif ieħor relatat mall-mistoqsija tiegħu mill-istess Kunsill.

Naxxar — Tal-Birguma

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġi asfaltata l-bypass fl-area tal-Birguma, Naxxar u t-toroq ta' madwar?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment u dan wara li jigi assigurat li s-servizzi kollha jkunu tqiegħdu fil-post.

Birżebbuġa — Xogħol fuq paviment

Question

Jista' l-Ministru jgħid għalfejn ix-xogħol fuq il-bankini u l-paviment fuq il-proġett ta' Birżebbuġa, partikolarment fin-naħa tal-Qajjenza waqaf għal kollox bil-materjal jixxerred u jitkisser?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol fit-toroq li kellu jsir mid-Dipartiment fuq il-proġett, tlesta. Kien baqa` biċċa ta` għaxar metri kwadri li tħalliet mill-kuntrattur u li issa saret. S`intendi baqa` xogħol li jrid jitkompla is-sena d-dieħla wara li jitqiegħdu l-cables u tinbena estensjoni ta` Triq it-Trunċiera.

Anzjani — Każ ta' anzjani

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1982, meta tabib jinforma lil xi uffiċjal għoli ta' l-Isptar ta' San Vinċenz bħalma għamilt jien dwar il-każ ta' tibdil fiċ-ċirkostanzi ta' l-anzjana konċernata, jista' l-Ministru jgħid x'passi mbagħad ittieħdu, u x'passi ttieħdu f'dan il-każ partikolari? Interventi bħal dawn allura isiru għal xejn?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Naħseb li l-Onor. Interpellant japprezza li żgur ma jistgħux jiġu sodisfatti f'daqqa il-każi kollha li d-diversi tobba kemm il-darba jintervjenu mall-uffiċjali għolja ta' San Vinċenz de Paule dwar urġenza ta' ċerti każi biex jiġu ammessi fir-Residenza. 9.12.98
Leg 9 PQ #2358 Sitting 25 1998-12-09 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa

Question

Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni dwar x'se jkun il-futur ta' l-Isptar San Luqa, ġaladarba l-isptar l-ġdida se jkun ukoll sptar akut ġenerali?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-użu ta' l-Isptar San Luqa jiġi determinat meta tiġi finalizzata r-riforma globali tas-saħħa.
Leg 9 PQ #2359 Sitting 25 1998-12-09 Oral · Final From: FRANCIS AGIUS To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Każi ta' avvelenament

Question

Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni ta' kemm kienu rrapportati każi avvelenament fl-ikel minn stabbilimenti ta' l-ikel u x'kienu l-kawżi ta' dawn l-avvelenamenti matul l-aħħar tliet snin?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-Onor. Interpellant huwa mitlub li jagħti aktar informazzjoni għall-liema stabbilimenti ta' l-ikel qiegħed jirreferi. Jekk humiex minn: . ristoranti/lukandi . cafeterija . sptarijiet . avvenimenti privati jew xi sorsi oħra li l-Onor. Interpellant irid jirreferi għalihom.

Benfiċċji soċjali — Children's allowance

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huma dawk il-familji li se jibbenefikaw mill-iskema taċ-children's allowance li talludi għal allowance għal dawk li għandhom ħamest itfal taħt is-16-il sena u d-dħul tagħhom huwa mhux aktar minn Lm13,000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Nru. 2031. 9.12.98
Leg 9 PQ #2361 Sitting 25 1998-12-09 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tal-Finanzi — Ħaddiema tal-gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-cash payment li se jingħata lill-ħaddiema tal-Gvern f'Diċembru li jammonta għal Lm234 hux se jkun intaxxat taħt is-sistema tal-FSS inkluż mal-paga ta' Diċembru jew hux se titħallas taxxa fuqu addizzjonali għal kull sena li hu mogħti (eżempju 1996- 1999)?

Response (DALLI, JOHN)

L-ammont ta` Lm234 hu suġġett għal tnaqqis ta` taxxa taħt is-sistema tal-FSS kemm-il darba l-impjegat involut jaqbeż it-thresholds li jagħmluh taxxabbli.
Leg 9 PQ #2362 Sitting 25 1998-12-09 Oral · Final From: CHARLES BUHAGIAR To: Ministeru għall-Ambjent

Opera House — Kuntratt

Question

Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ngħata l-perit li ismu qed jintbagħat separatament għax-xogħol ta' konsulenza fir-rigward tas-sit ta' l-Opera House? Jista' l-Ministru jpoġġi wkoll kopja tal-korrispondenza/kuntratt li jindika kif dan il-kuntratt ġie estiż għal konsulenza għal masterplan għal Bieb il-Belt?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-kuntratt ifformulat kif qiegħed jindika l-Onor. Interpellant għadu qiegħed jiġi diskuss biex ikun hemm qbil bejn il-partijiet ikkonċernati. Irrid ngħid li ma nistax nifhem l-ispirtu li bih l-Onor. Interpellant qiegħed jagħmel din il-mistoqsija meta f'ħin minnhom joqgħod attent li ma jsemmix l-isem tal-perit involut u jgħaddi dan l-isem separatament mill-mistoqsija meta jaf li kuntratt isir bejn żewġ partijiet jew iżjed li isimhom ikun irid jidher fuq l-istess kuntratt. Dan iżjed u iżjed ma jagħmilx sens meta l-Onor. Interpellant diġa' għamel diversi mistoqsijiet fuq l-istess suġġett u liberament semma l-persuna involuta.

WSC — Impjegati ġodda

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx impjegati skrivani ġodda mill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Jekk fl-affermattiv, kemm ġew impjegati skrivani?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma ma impjegatx skrivani ġodda mill-5 ta' Settembru 1998 sa llum.

Marsa — Tneħħija ta' zebra crossing

Question

Jista' l-Ministru jara li mill-aktar fis titneħħa ż-zebra crossing li hemm fejn il-Monument tar-Repubblika fi Triq Diċembru 13, fil-Marsa peress li hi ta' l-akbar periklu kemm għas-sewwieqa kif ukoll għan-nies li jaqsmu minn fuqha? Jista' l-Ministru jara li jiġi ntrodott xi metodu alternattiv għal min irid jaqsam din it-triq traffikuża?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Bord għall-Kontrol tat-Traffiku ser jirrikmanda li jsiru pelican lights biex din iz-zebra crossing issir aktar safe kemm għas-sewwieqa kif ukoll għan-nies li jridu jaqsmu minn fuqha. Il-Bord ser jitlob ukoll lid-Dipartiment tat-Toroq biex jagħmel studju biex jara jekk hux possibli li jiġi ntrodott metodu alternattiv għal min irid jaqsam din it-triq.

Triqat arterjali — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex ix-xogħol kollu ta' patching (anke xogħol żgħir) kif ukoll ta' twaħħil u rranġar ta' traffic (crash barriers) fit-toroq arterjali qiegħed isir mill-kuntrattur meta dan ix-xogħol faċilment jista' jsir mill-ħaddiema tal-gvern li huma armati għal dan it-tip ta' xogħol?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol ta` li qiegħed isir mill-kuntrattur huwa bil-hot asphalt li d-dipartiment tal-Gvern m`humiex attrezzati biex jużaw u jqiegħdu. Kellu jsir xogħol urgenti ta` twaħħil ta` crash barriers u l-pedament tagħhom mill-kuntrattur meta nstab li l-ħaddiema tad-Dipartiment tax-Xogħolijiet ma setgħux jagħmlu x-xogħol fil-pront. F`każ ieħor ix-xogħol sar parti mill-kuntrattur biex setgħa jitlesta` malajr u l- periklu li nħoloq jiġi eliminat.