Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #2072 Sitting 26 1998-12-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sport — Taħriġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema inizjattivi ta' taħriġ se jiġu ffinanzjati mil-line item 12 Training li għalih il-Gvern qed jivvota Lm75,000?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub irid jiġi verifikat, tweġiba jkolli nagħtiha f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #2073 Sitting 26 1998-12-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — General Education Initiatives

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema inizjattivi se jkunu ffinanzjati mil-line item 4351 General Educational Initiatives li għalihom il-Gvern qed jivvota Lm60,000 u kemm se tingħata flus kull inizjattiva?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub qed jinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #2074 Sitting 26 1998-12-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Studenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm studenti tas-Sixth Form u tal-Junior College li matul is-sena akkademika 1998/1999 se jkunu qed jingħataw stipendju? Kemm hi kkalkolata li se tkun in-nefqa totali għall-istudenti tas-Sixth Form u l-Junior College minn Jannar sa Ġunju, 1999 u minn Ottubru sa Diċembru, 1999?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu qed jinġabar.

Kumpannija Meridiana Wine Estate Ltd — Ittra

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet jew x'se tkun ir-reazzjoni tal-Ministeru tal-Biedja u Sajd għall-ittra li l-Kumpannija Meridiana Wine Estate Ltd bagħtet lis-Segretarju Permanenti fis-26 ta' Settembru, 1998 dwar il-bżonn urġenti li s-settur Malti ta' l-inbid jiġi regolat in linja man-normi ta' l-Unjoni Ewropea Internazzjonali?

Response (ZAMMIT, NINU)

Naċċerta lill-Onorevoli Membru li l-Ministeru huwa nteressat ħafma li jaġġorna dejjem r-regolamenti tal-produzzjoni tal-inbid f'Malta. Aħna jidhrilna li dan l-aġġornament għandu iżda jsir mill-qiegħ jiġifieri l-ewwel nett mill-istess produzzjoni tal-għeneb. Huwa għalhekk li jien nistenna li l-Wine Advisory Board, li kif diġa għedt qiegħed jiddiskuti Abozz ta' Liġi, jikkonsidra wkoll bi prijorita' l-vitikultura. Naturalment, l-argumenti u l-proposti tad-ditta Meridiana qegħdin jiġu kkonsidrati bl-istess importanza tal-argumenti u proposti tal-produtturi tal-inbid l-oħra kollha fl-isfond tad-direttivi tal-Unjoni Ewropeja u tan-negozjati li għandhom isiru mal-Kummissjoni tal-Komunitajiet Ewropej.
Leg 9 PQ #2094 Sitting 26 1998-12-09 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għall-Ambjent

Żejtun — Triq Xrob l-Għaġin - Ilma

Question

B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 1603, filwaqt li napprezza li s-soluzzjoni ma tistax tinstab u tiġi attwata f'daqqa, jista' d-dipartiment konċernat jagħti indikazzjoni ta' meta se jiġu ffinalizzati s-surveys u meta se ssir is-sistema ta' ġbir ta' ilma li hemm bżonn? Billi din it-triq hi waħda għal kollox passaġġja tant li tgħaqqad diversi inħawi, jaħseb il-Ministru li din il-problema m'għandhiex tibqa' hekk għal żmemijiet indefiniti?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li is-Survey, l-Estimi, l-bidu tal-proċess ta' l-Easment u xogħol ieħor preparatorju huwa maħsub li jkun lest sal-bidu tas-sena d-dieħla. Minħabba li x-xogħol propost irid isir minn ġo għelieqi li jinħadmu, din is-sistema tkun tista' tinbena fis-sajf. Sabiex tittaffa l-problema sa jinbdew proċeduri biex il-ġibjun li jinsab mat-triq jitnaddaf.

Impjiegi — Ġurnalisti/video editors

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm ġurnalisti u video editors jirreġistraw għax-xogħol?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Fil-preżent, mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ hemm: Tlett (3) persuni jirreġistraw bħala ġurnalisti fuq l-ewwel parti tar-reġistru u persuna waħda (1) tirreġistra fuq it-tielet parti. Hemm ukoll persuna waħda (1) tirreġistra bħala cameraman/video editor fuq it-tieni parti tar-reġistru. 10.12.98
Leg 9 PQ #2138 Sitting 26 1998-12-09 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

PBS — Impjegat

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1651 dwar impjegat tal-PBS, jista' l-Ministru jgħid kemm kienu ilhom jirreġistraw għax-xogħol fuq kull parti tar-reġistru dawk li ġew impjegati mill-ETC mal-PBS fuq kuntratt ta' xogħol definit ta' sitt xhur?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-PBs m'għandux din it-tip ta' informazzjoni.
Leg 9 PQ #2148 Sitting 26 1998-12-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ħaġar Qim — Splużjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk sarux investigazzjonijiet dwar jekk tul ix-xahar ta' Novembru kienx hemm splużjonijiet fil-barriera ta' qrib it-tempji ta' l-Imnajdra u Ħaġar Qim?

Response (GALEA, LOUIS)

It-tagħrif mitlub għadu ma wasallix u allura jkolli nwieġeb f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #2149 Sitting 26 1998-12-09 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Fiera tal-Ktieb

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm attendew nies għall-Fiera tal-Ktieb li għadha kemm saret fin-Naxxar? X'inizjattivi ttieħdu biex jiġbdu nies lejn din il-fiera? X'attivitajiet speċjali ġew organizzati fiha bħala tmiem għas-Sena tal-Qari li ġiet organizzata din is-sena? X'inizjattivi se jittieħdu biex iħeġġu l-qari fost it-tfal tul l-1999?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għall-Fiera tal-Ktieb li saret bejn is-26 ta' Novembru 1998 attendew madwar 25,000 persuna fosthom kien hemm 3,045 tfal ta' l-iskola. L-inizjattivi li ttieħdu biex jinġibdu aktar nies lejn din il-Fiera jinkludu: (i) ingħata 'coverage' fil-Media qabel il-ftuħ tal-Fiera - permezz ta' Press Releases' mibgħuta lill-ġurnali, radijiet u televiżjoni (ii) intbgħatet stedina lil kull skola kemm ta' l-istat kif ukoll dawk privati biex it-tfal flimkien ma' l-għalliema jattendu l-Fiera. (iii) saru Posters kbar (A3) u intbgħatu lill-iskejjel, banek, ħwienet u Kunsilli Lokali. Attivitajiet li ġew organizzati fil-Fiera bħala tmiem għas-Sena tal-Qari jinkludu: (i) tagħrif dettaljat dwar l-operat tad-Dipartiment tal- Libreriji u Arkivji fejn intweriet l-aċċessibilita' tiegħu għall-pubbliku inġenerali b'mod li dan ġie mħajjar jersaq aktar qrib il-kotba offruti mid-Dipartiment (ii) ġew provduti faċilitajiet biex individwi setgħu jinkitbu bħala membri ġodda fil-Librerija (iii) kien hemm għad-dispożizzjoni tal-pubbliku faċilitajiet Awdjoviżivi (Audio Visual Library Facilities) li kienu jinkludu tapes, videos, CD Roms, etc. Dan sar biex il- pubbliku jkollu għażla kemm ta' kotba u/jew materjal Awdjoviżiv. Biex tul l-1999 jitħeġġeġ il-qari fost it-tfal, id-Dipartiment tal-Libreriji u Arkivji qed jittieħdu dawn l-inizjattivi: (i) titkompla l-'iStory Telling Activity' li ssir kull nhar ta' Ġimgħa mill-4.00 sal-5.00pm għat-tfal ta' bejn il- 4 u 7 snin. (ii) ikomplu jiżdiedu ż-żjarat fil-librerija min-naħa ta' l- istudenti u l-pubbliku inġenerali (iii) se jiġi provdut servizz ta' "tapes" għal dawk li huma illitterati biex inħajru lil dawk li ma jafux jaqraw jiskopru s-sabiħ li joffri l-ktieb.
Leg 9 PQ #2246 Sitting 26 1998-12-09 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Intern

Ċittadinanza — Ċittadinanza doppja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk persuna mwielda l-Awstralja bil-ġenituri tagħha Maltin, liema persuna hi miżżewġa mara Maltija u tgħix hawn Malta, għandhiex dritt għad-dual citizenship? Jekk ir-risposta hi fin-negattiv, hemm xi tibdiliet maħsuba fil-liġi f'dan is-sens?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li fl-eżempju li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, il-persuna konċernata m'għandiex dritt biex ikollha ċittadinanza doppja. Ta' min jgħid, li aktar qabel din is-sena ġiet ippublikata WHITE PAPER dwar tibdil fil-liġijiet taċ-ċittadinanza u ta' l-immigrazzjoni. Iż-żmien mogħti għall-kummenti u suġġerimenti dwar il-proposti ġodda issa skada, u dawk magħmula qed jiġu evalwati. 10.12.98(am)

Avukat Ġenerali — Uffiċċju

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma lil din il-Kamra li l-uffiċċji preżentement okkupati mill-Avukat Ġenerali huma żgħar wisq u hemm bżonn li jinsab post alternattiv fejn ikun hemm l-uffiċċju sħiħ miġbur bil-possibbilta' ta' żieda ta' avukati u mpjegati oħra?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Nikkonferma dak li jgħid l-Onorevoli Interpellant fil- mistoqsija tiegħu. Ninsab infurmat li l-post fejn għandu jsir l-uffiċċju l-ġdid diġa ġie individwat u l-pjanti huma lesti u ħarġu l-permessi neċessarji. Din is-sena ġiet ivvotata somma żgħira biex biha jkompli jsir ix-xogħol preliminari u hu ttamat li x-xogħol propja jinbeda fis-sena 2000.

Xgħajra — Fortizza Della Grazzja

Question

Jista' l-Ministru jgħid u jinforma l-Kamra jekk kemm-il darba sarx studju tal-ħsara lill-Fortizza Della Grazzja ġewwa x-Xgħajra għandha u x'hemm bżonn biex tiġi rranġata? Hemm il-ħsieb fil-futur viċin li fil-partijiet li huma tajba jsir fihom espożizzjonijiet ta' l-arti jew oġġetti marbuta ma' l-istorja militari tal-post?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li t-tagħrif mitlub ma laħaqx wasalli, inwieġeb f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #2389 Sitting 26 1998-12-09 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru tal-Finanzi

Ta' l-Għarix — Kumpens lil Perit Mintoff

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħata kumpens fi flus il-Perit Mintoff s'issa dwar il-kwestjoni ta' l-Għarix?

Response (DALLI, JOHN)

S`issa l-Perit Mintoff ingħata Lm128,000 f`kumpens fi flus dwar il-kwistjoni ta` l-Għarix.
Leg 9 PQ #2390 Sitting 26 1998-12-09 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru għall-Ambjent

Ta' l-Għarix — Dar ta' Mintoff

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dar ta' Mintoff magħrufa bħala "Ta' l-Għarix" f'Delimara għaddietx f'idejn il-Gvern Malti? Jekk iva, jista' l-Ministru jgħid jekk din għaddietx bis-saħħa tal-letter of intent tat-22 ta' Mejju, 1998? Jekk le, u jekk il-Gvern fi ħsiebu jeħodha, jista' l-Ministru jispjega jekk din id-dar hux se tgħaddi f'idejn il-Gvern bis-saħħa ta' kuntratt pubbliku?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Gvern bi ħsiebu jkompli jimxi skond il-'letter of intent'.
Leg 9 PQ #2391 Sitting 26 1998-12-09 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru għall-Ambjent

Perit Mintoff — Letter of intent

Question

B'riferenza għal letter of intent tat-22 ta' Mejju, 1998 rilaxxjata lill-Perit Mintoff, jista' l-Ministru jgħid jekk huwa ħax parir legali mill-Uffiċċju ta' l-Avukat Ġenerali dwar l-effetti tal-letter of intent? Jista' l-Ministru jispjega kif Gvern jintrabat bl-letter of intent u aktar kif Gvern jintrabat bl-letter of intent li ma ġġibx il-firma ta' waħda mill-partijiet?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Irrid nassumi li meta inħarġet il-'letter of intent' fi żmien il-Gvern preċedenti, u l-Onorevoli Interpellant kien responsabbli għall-istess 'letter of intent', l-intenzjoni tal-Gvern kienet li jimxi skond l-istess 'letter of intent' u mhux kontra. Għalina 'letter of intent' ma tfissirx 'letter of non intent'.
Leg 9 PQ #2392 Sitting 26 1998-12-09 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru għall-Ambjent

L'Għarix — Residenza privata tal-Perit Mintoff

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dar ta' Mintoff magħrufa bħala "Ta' l-Għarix" tistax tiġi trasferita lill-gvern Malti u ssir effettivament proprjeta' tal-gvern b'letter of intent biss?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-'letter of intent' torbot lill-partijiet bil-mod kif inkitbet mill-Gvern preċedenti.

Patata — Esportazzjoni

Question

Billi issa l-Ministru kellu ċ-ċans kollu li jara l-file ta' l-esportazzjoni tal-patata u billi fl-imgħoddi kemm-il darba allega li kien hemm korruzzjoni fl-aħħar żewġ staġuni ta' l-esportazzjoni tal-patata, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'passi legali qed jieħu kontra dawn l-allegazzjonijiet magħmula minnu meta kien fl-Oppożizzjoni?

Response (ZAMMIT, NINU)

Infakkar lil-Onor. Interpellant li huwa stess kien ammetta pubblikament li fl-esportazzjoni tal-patata fi żmienu ma kienx hemm effiċjenza u trasparenza biżżejjed fl-operat kollu tal-istess esportazzjoni. Mill-files indikati jidher ċar li l-istess Onor. Membru, biex jgħatti il-fjask diżastruż fl-esportazzjoni tal-ħxejjex lejn l-Ingilterra li tant kien iddandan biha fuq il-meżżi tax-xandir, ġew miċħuda madwar Lm13,500 mill-fond tal-esportazzjoni tal-patata tas-sajf, liema flus ittieħdu minn ħluq il-bdiewa. Ittieħdu madwar Lm8,000 oħra mill-fond li suppost kellu jiġi wżat f'għajnuniet ukoll minħabba ħsarat ambjentali kkaġunati mill-maltemp.
Leg 9 PQ #880 Sitting 25 1998-12-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pjanta Karella — Żviluppi

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 27 (Seduta Nru. 5), jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra meta bdew l-investigazzjonijiet xjentifiċi? X'sar s'issa u meta huwa pprogrammat li jiġu finalizzati? Saru konsultazzjonijiet ma' universitajiet oħra barranin, partikolarment mediterranji li qed jagħmlu riċerka fuq din il-pjanta jew oħrajn simili?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-investigazzjonijiet xjentifiċi bdew sitt xhur ilu, u tlesta literature survey fuq is-suġġett. Huwa ppjanat li jsiru investigazzjonijiet fuq l-alkaloid 'momordicine' li jinsab fil-pjanta Karela għax dan l-alkaloid jista' jniżżel il-livell taz-zokkor fid-demm; dawn l-investigazzjonijiet ser jibdew issa u jieħdu sentejn. Ma sarux konsultazzjonijiet ma' universitajiet oħra barranin fuq din il-materja.

Esportazzjoni ta' ħaxix

Question

Jikkonferma l-Ministru li bħalma l-maltemp laqat ħażin il-produzzjoni lokali fix-xitwa li għaddiet laqat ħażin ukoll l-uċuh lokali mkabbra għall-esportazzjoni lejn l-Ingilterra fl-istess perjodu? Jista' għalhekk il-Ministru jinforma lill-Kamra kif il-bdiewa li esportaw 40 tunnellata biss ta' ħaxix setgħu ilaħħqu l-uċuh tagħhom f'din il-klima sabiex jesportaw il-kwantitajiet miftiehma lejn is-suq Ingliż f'dak il-perjodu? Jekk il-Ministru jew id-Dipartiment ta' l-Agrikoltura ma għandhomx soluzzjoni, jaqbel il-Ministru li l-istqarrijiet tiegħu dwar dan is-suq kienu żbaljati u għas-serjeta' tal-politka f'pajjiżna għandu jirtira l-kritika li għamel dwar dan is-suq ġdid u jibni mill-ġdid il-kuntatti ma' madwar 40 bidwi li kienu nvoluti f'din l-esportazzjoni flok ikompli jġelliedhom kif qed jagħmel bl-istqarrijiet tiegħu ma' bdiewa oħra?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-fatt hu li din hekk imsejjħa esportazzjoni kienet fjask mill-bidu sa l-aħħar. Ma kienx biss il-maltemp li laqat ħażin din l-avventura. Kollox sar ħażin per eżempju: - Ma kienx hemm kuntratt bil-miktub - Iż-żrieragħ waslu tard - L-organiżżazzjoni kienet fjakka - Il-għażla ma kienitx tajba - Il-kaxxi ma kienux adattati, u fil-fatt il-prodott esportat kien esibit f'kaxxi bil-logo tal-Air Malta - Ma saritx spezzjoni serja qabel ġew mibgħuta l-prodotti Fuq kollox minkejja l-pariri kuntrarji u meta deher ċar li l-affarijiet ma kienux mexjin tajjeb, l-Onor. Interpellant, li dak iż-żmien kien il-Ministru, webbes rasu u nsista li l-esportazzjoni tkompli sabiex ma jidhirx li l-istqarrijiet tiegħu kienu biss ħolm. Dan il-ħolm, li spiċċa fi fjask ekonomiku, wassal biex kellhom jittieħdu Lm13,500 minn flus dovuti lill-bdiewa mill-esportazzjoni tal-patata tar-rebbiegħa kif ukoll għal tnaqqir ta' Lm8,000 oħra li suppost intużaw biex jagħmlu tajjeb għall-ħsarat ikkagunati mill-maltemp fl-oqsma tal-biedja u sajd.
Leg 9 PQ #951 Sitting 25 1998-12-09 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Tal-Virtu — Golf Course

Question

Meta l-Ministru għamel żjara lil bdiewa fl-inħawi ta' l-Area tal-Virtu fejn qed jiġi propost li ssir Golf Course fil-limiti tar-Rabat, x'kienu r-raġunijiet ta' din iż-żjara u x'kienu l-ilmenti u proposti li resqulu l-bdiewa ta' l-inħawi? Fil-fatt x'inhija l-pożizzjoni tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura dwar il-proposta tal-proġett tal-Golf Course fl-inħawi?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ma għamilt ebda żjara tat-tip li qed isemmi l-Onorevoli Interpellant.