B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2091, jista' l-Ministru jgħid x'diffikulta' qed isib li jinforma lill-Kamra kemm qed jitħallsu l-konsulenti, kemm dawk full-time kif ukoll dawk part-time? F'każ li ma għandu l-ebda diffikulta', jista' jagħti l-figura ta' kemm qed jitħallsu?
Response (GALEA, LOUIS)
S'issa m'hemm ebda konsulent li qed jitħallas.
B'effett mill-1 ta' Ottubru 1998 tlabt lis-Sur Richard Muscat jaġixxi ta' Konsulent fi ħdan il-Ministeru fuq materji li għandhom x'jaqsmu ma' kultura u lil Dr. Simon Busuttil LL.D. biex jagħti pariri fuq kwestjonijiet konnessi mal-programmi tal-U.E. fil-kamp edukattiv. Qed jiġu proposti l-kundizzjonijiet normali fuq bażi ta' kuntratt għal dan ix-xogħol u li jridu jiġu approvati mill-Management and Personnel Office fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Meta dan jiġi definit inkun nista ninforma 'l Kamra. Barra minn hekk nikkonsulta ma' diversi persuni oħra skond il-bżonn.
Jista' l-Ministru jara jekk il-Barriera ta' Birguma, fil-limiti tan-Naxxar hijiex qed topera bil-permessi meħtieġa u jekk hu l-każ, sa liema distanza mill-qtugħ tal-blat għall-ewwel għalqa li tmiss mal-barriera jista' jitqatta' dan il-blat skond il-kondizzjonijiet imposti mill-Minerals Board?
Response (BORG, TONIO)
Jekk l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-barriera li ġġib l-applikazzjoni numru 4762/97/15A, inħareġ il-permess fil-11 ta` Settembru, 1998; il-permess hu marbut b`kondizzjonijiet u pjanti approvati. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta` pjanta immarkata PA4762/97/15A.
11.12.98(pm)
Jista' l-Ministru jara li Triq Dun Salv Zarb, fil-Għargħur fejn parti minnha hija għalqa f'nofs it-triq, tiġi minnufih esproprjata u b'hekk tinfetaħ it-triq sew u jkunu jistgħu jsiru x-xogħlijiet neċessarji u t-triq tkun miftuħa bħala waħda regolari peress li din it-triq hija kollha mibnija u fiha numru kbir ta' residenti?
Response (GALEA, ĊENSU)
Din it-triq partikulari hi waħda min dawk li ġew diskussi mal-Kunsill Lokali tal-Għargħur. Id-Dipartiment tat-Toroq qed ifassal il-mod kif din it-triq tkun tista tingħata wiċċ.
Jista' l-Prim Ministru ġentilment jikkonferma li l-arma li allegatament qatlet lir-Raymond Caruana fil-Ġudja naqset mill-iStrong Room tal-Qorti? Jekk ir-risposta hi fl-affermattiv, meta naqset?
Jikkonferma l-Prim Ministru li r-rapport dwar il-frame ups li fih kien jissemma l-frame up ta' Pietru Pawl Busuttil naqas ukoll mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru fi żmien il-Prim Ministru Dr. Alfred Sant?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Nikkonferma li l-arma li allegatament qatlet lil Raymond
Caruana fil-Gudja kienet waħda mill-oġġetti li naqsu mill-
Istrong Room tal-Qorti fis-serqa li saret fit-18 ta`
Settembru 1993.
Nassumi li l-Onor Interpellant qed jirreferi għar-rapport
ta' Inkjesta li kien għamel l-Imħallef Godwin Muscat
Azzopardi. Dan ir-rapport kien naqas fi żmien l-
amministrazzjoni preċedenti u għadu nieqes.
Jista' l-Ministru jara li l-applikant, li ismu qed jintbagħat separatament, li xi ġimgħat ilu applika għal driving licence u li din għandu bżonnha ħafna minħabba esiġenzi kbar familjari, jibgħatu għalih biex jagħmel l-eżamijiet meħtieġa?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat.
11.12.98(pm)
Jista' l-Ministru jara x'azzjoni ttieħdet f'dik li hija enforcement kontra l-persuna li tilfet l-appell tagħha fil-Planning Appeals Board (Ref. PAB 587/95 E) 5MS u ECF 95/94 u dan in konnessjoni ma' bini ta' taraġ u għeluq ta' viżjoni għad-dannu ta' terzi, meta l-istess terzi nteressati għadhom qegħdin jistennew li l-persuna responsabbli treġġa' lura x-xogħlijiet illegali li wettqet?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li l-informazzjoni li għandu l-Onor. Membru mhix korretta. PAB 587/95/E jirrigwarda żvilupp fil-Qawra diġa' deċiż mill-Bord ta' l-Appelli filwaqt li ECF95/94 jirrigwarda żvilupp permess mill-Awtorita' tal-Ippjanar f'Tal-Balal limiti ta' l-Iklin.
Għaldaqstant l-Onorevoli Interpellant huwa ġentilment mitlub jipprovdi r-referenzi preċiżi sabiex ikunu jistgħu jsiru l-investigazzjonijiet neċessarji.
11.12.98(pm)
Billi l-Gvern Malti f'Diċembru ta' l-1995 kien għamel ftehim mal-European Investment Bank biex jissellef ECU 15miljun, jista' l-Ministru jgħid kemm kien għamel użu minn dan is-self? Fiex wasal dan il-proġett li għalih sar il-ftehim?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li sa issa ma ġiet utilizzata l-ebda somma minn dan is-self u li għalhekk il-Gvern qiegħed jikkonsidra li jerġa' jiġi nnegozjat dan il-ftehim.
Il-proġett huwa fil-fażi ta' formulazzjoni ta' proposti fit-Tramuntana ta' Malta u f'Għawdex biex l-istess proposti jkunu sottomessi għal studju ta' impatt ambjentali liema studju diġa' tlesta l-ewwel fażi biex jiġi sottomess lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm trains b'kollox fl-impjant tar-reverse osmosis ta' Tigne'? Kemm minn dawn qegħdin jaħdmu? X'se jsir minn dan l-impjant? Kemm kien ġie jiswa? Kemm hemm nies jaħdmu fih bħalissa u x'qed jagħmlu?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-impjant ta' Tigne kien jikkonsisti f'ħames trains u ilu wieqaf minn April 1996. Jiena nfurmat li dan l-impjant ser jitneħħa biex jagħmel wisa' għall-proġett ta' Tigne.
Dan l-impjant kien ġie jiswa Lm3.2 miljuni u bħalissa hemm biss uffiċjali tas-sigurta' jagħmlu għassa miegħu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni ta' l-ilma, kemm kien l-ammont imħallas (billed) u kemm kien il-persentaġġ ta' unaccounted for water, sena b'sena, mit-twaqqif tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma fl-1992?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Billi Artiklu 6.09 tal-ftehim bejn id-Drainage Department fid-Dipartiment ta' l-Ambjent u l-European Investment Bank December 1995 jaħseb għal tariffi fuq id-drenaġġ, jista' l-Ministru jgħid kemm u kif mit-tariffi fuq l-ilma kif preżentati dan l-aħħar se jmorru għal dan l-iskop?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-Artikolu 6.09 tal-ftehim ma jispeċifikax li jkun hemm tariffi fuq id-drenaġġ iżda li jkopru dan l-element.
Infakkar li meta l-amminstrazzjoni preżenti introduċiet it-tariffi l-ġodda, li kien fihom roħs sustanzjali fuq dawk imposti mill-Gvern Laburista, l-għan ewlieni f'din ir-roħs kien l-aspett soċjali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Water Services Corporation tħallasx lill-Enemalta fuq il-bażi ta' dual tariff system skond kemm tuża enerġija matul il-ġurnata jew matul il-lejl?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma tħallas lill-Korproazzjoni Enemalta fuq bażi ta' dual system tassumi li l-impjanti jaħdmu l-istess bil-lejl u bin-nhar.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-persuna li isimha qed jintbgħat separatament inħatarx konsulent fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li ngħata?
Response (DALLI, JOHN)
Il-kuntratt ta` konsulenza mal-persuna msemmija għadu mhux finalizzat.
Jista' l-Ministru jirrispondi għall-mistoqsija parlamentari numru 2191 li diġa' saret darbtejn qabel, jiġifieri mistoqsijiet parlamentari numru 1819 u 1379?
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawk li applikaw qabel il-Budget biex idaħħlu jew daħlu s-servizz ta' l-ilma mill-Water Service Corporation humiex se jiġu iċċarġjati? Jekk iva, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-policy l-ġdida?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif kien tħabbar fil-konferenza dwar it-tariffi l-ġodda tad-dawl u ta' l-ilma, il-ħlas dovut għal installazzjoni għandu jsir kemm minn dawk li applikaw qabel kif ukoll minn dawk li applikaw wara l-Budget.
Rigward il-policy l-ġdid ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-futur ser jiġi ppubblikat avviż legali fejn ikun hemm aktar tagħrif.
Jista' l-Ministru jgħid kemm jattendu pazjenti id-Detox Centre, St Luke's kuljum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-istatistika eżatta li tinġabar dwar in-numru ta' pazjenti li jattendu ċ-Ċentru tad-Detox f'St. Luke's tinġabar fuq bażi ta' kull xahar. Għaldaqstant skond l-aħħar statistika huwa kkalkulat li bħalissa fid-Detox qed jattendu media ta' madwar 450 persuna kuljum.
11.12.98
Dipartiment tad-Dwana — Reġistrazzjoni ta' televisions
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati televisions tal-kulur mad-Dipartiment tad-Dwana matul is-snin 1995, 1996, 1997 u 1998 u l-qisien tagħhom?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-reġistrazzjoni tat-television isir mill-PBS, għalhekk nissuġġerixxilu li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew reġistrati televisions tal-kulur mal-Public Broadcasting Services matul is-snin 1995,1996,1997 u 1998 u l-qisien tagħhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-reġistrazzjoni ta' televisions tal-kulur kienet hekk:
1995 19,654
1996 22,161
1997 14,709
1998 (Jan-Nov) 12,231
Il-Public Broadcasting Services ma jkolliex l-informazzjoni mitluba dwar il-qisien tagħhom.