Mill-1 ta' Settembru 1998 sal-lum, jista' l-Ministru jgħid kemm-il ċitazzjonijiet għad-dagħa għamlet il-pulizja separatament fil-grounds: (a) stadium nazzjonali ta' Ta' Qali; (b) Victor Tedesco fil-Ħamrun; (ċ) fil-Ħibs ground f'Kordin; (d) f'Pace Grasso f'Raħal Ġdid; u (e) Gozo Stadium?
Response (BORG, TONIO)
Mill-1 ta' Settembru, 1998, sal-lum, ġew akkużati l-Qorti żewġ persuni li nqabdu 'inflagrante' jidgħu fil-ground Victor Tedesco, Ħamrun.
14.12.98 (a.m.)
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pulizija kellhiex xi rapporti fuq serq u vandaliżmu ġo Villa Francia, Ħal Lija?
X'ġie rrapportat li nsteraq u/jew ġie vandalizzat?
Il-passi li ħadet il-pulizija waslu għal xi konklużjoni biex jiddentifikaw il-ħatja?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi minn meta bdiet tiffunzjona l-Police Incident Reporting System, li fid-Distrett li jkopri Ħal Lija kien fl-1 ta' April, 1997, sad-9 ta' Diċembru, 1998, il-Pulizija ma kellhiex rapporti dwar is-suġġett tal-Mistoqsija.
14.12.98(am)
Jista' l-Prim Ministru jgħid xi ħsieb għandu l-gvern għall-użu ta' Villa Francia f'Ħal Lija li kienet tħalliet bħala wirt lill-istat?
Jikkonferma li l-bini sejjer lura ħafna u anki nsterqu ħafna affarijiet minn din il-villa?
Jikkonsidra li l-gvern jgħaddiha biex tiġi wżata minn Edward de Bono bħala ċentru internazzjonali għat-tixrid tal-ħsieb ġdid u l-kreattivita' li de Bono interessat iwaqqaf f'Malta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li, sa fejn hu magħruf, xejn ma nsteraq minn
Villa Francia minn meta l-Gvern ħadha f'idejh. Sar ukoll
xi xogħol ta' manutenzjoni.
Rigward l-ewwel u l-aħħar parti tad-domanda ta' l-Onorevoli
Membru, il-Gvern qiegħed jikkonsidra l-aħjar użu ta' din il-
Villa.
Dipartiment tas-Saħħa — Persuni b'effett ta' ecstasy
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li ddaħħlu l-isptar ibatu minn effett ta' ecstasy, sena b'sena fl-aħħar għaxar snin u xahar b'xahar għal din is-sena?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-Klassifikazzjoni internazzjonali tat-tagħrif li jinġabar mill-isptar San Luqa ma tippermettix li jiġu individwati l-każi partikolari ta' overdose ta' ``ecstasy''.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu housing units mid-Dipartiment tas-Social Housing mill-5 ta' Settembru 'l hawn? F'liema bliet u rħula tqassmu? Kemm kull post? Minn fejn kienu l-persuni li ħadu post f'kull każ u kemm kienu ilhom japplikaw f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi mill-5 ta' Settembru sad-9 ta' Diċembru 1998 ġew allokati 38 post. Dawn ġew allokati lill-applikanti li kienu applikaw mill-1988 sal-lum.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-postijiet kif ġew imqassma.
12.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li attendew id-Detox xahar b'xahar din is-sena? Kemm kellhom eta' f'kull każ? Kemm minnhom kienu ġodda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
14.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li attendew għar-rehabilitation courses kontra d-droga din is-sena? Kemm hemm persuni din is-sena li ma komplewx il-kors sa l-aħħar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Aġenzija sedqa għandha żewġ tipi ta' 'rehabilitation courses'. Wieħed huwa l-Programme ta' Riabilitaxxjoni 'STIMA', li huwa bbażat fil-Komunita'; u l-ieħor huwa residenzjali u huwa programm tal-'Komunita' Santa Marija'.
Matul din is-sena, (sa Ottubru, 1998), in-numru ta' persuni li attendew, kif ukoll dawk li ma komplewx il-kors, kien kif ġej:
PROGRAMM PERSUNI LI ATTENDEW PERSUNI LI MA KOMPLEWX IL-KORS
STIMA 68 27
Sta. Marija 61 34
B'riferenza għall-perjodu mill-5 ta' Settembru, 1998 u l-10 ta' Novembru, 1998 u għad-dekasteru li għalih il-Ministru hu responsabbli, jista' jagħti lista ta' kuntratti li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika; (a) x'kien il-kuntratt; (b) min għamel l-ispecifications; (c) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (d) lil min intalbu quotations; (e) kemm kienet kull quote; (f) min rebaħ il-kuntratt; (g) ingħatawx xi extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv, fiex kienu jikkonsistu u kemm kien il-valur totali tagħhom?
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm suppliers/kuntratturi li kienu jagħtu s-servizz tagħhom lill-istess dekasteru/Ministeru qabel il-5 ta' Settembru 1998 u twaqqfu mill-Gvern preżenti? Liema kienu u x'servizz/prodott kienu joffru? Għalfejn twaqqfu? Min tqabbad minflokhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Saret direct order waħda bejn il-5 ta' Settembru 1998 u l-10 ta' Novembru 1998 mid-dipartiment tas-Saħħa.
a) id-direct order kienet għat-tiswija ta' 154 Hearing Aids.
b) ma saru ebda specifications minhabba li x-xogħol kien ta' tiswija.
c) l-award saret wara li ngħatat l-awtorita'mill-Ministeru tal-Finanzi.
d) ma sarux quotations minhabba l-fatt li offerta li kienet saret
f'Novembru 1996 kienet ikkwotata ferm għola bi prezz li jvarja bejn Lm43 u Lm82 kull hearing aid.
e) il-quotation li ġiet accettata kienet tammonta għal STG.6190.80
(Lm3949.18) jew Stg.40.40(Lm25.60) 'wahda.
f) id-ditta Starkey Laboratories Ltd. taż Chesire, Ingilterra, ngħatat l-
ordni.
g) ma ngħataw ebda' extensions.
Ma nstabx li kien hemm xi supplierġkuntratturi li kienu jagħtu s-servizz lid-Dipartiment qabel il-5 ta' Settembru u twaqqfu.
Ingħataw żewg Direct Orders bejn il-5 ta' Settembru u l-10 ta' Novembru mid-Dipatiment tas-Servizzi Farmaċewtiċi.
a) Dawn kienu kif jidher hawn taht u ngħataw bħala `Direct order' wara
sejha għall-offerti taħt ir-regoli tat-`tenders'.
1. Saru l-ispeċifikazzjonijiet relevanti.
2. Ħareġ avviż fuq il-Gażżetta tal-Gvern.
3. Ġew evalwati l-offerti kollha wara d-data ta' l-għeluq.
4. Waħda kienet għax-xiri ta' `Thorascopic Instrumentsż, għall
kwantita' ta' 60 (instrumenti varji), ingħatat lill-`Associated
Equipment Ltd.' għall-prezz totali ta' Lm2395
5. It-tieni każ kien għax-xiri ta' Vitamin B Complex `tabs' u
nghatat lil `GBY Supplies, għall-kwantita ta' 856,000 tablets bil-prezz ta' Stg.4.44/1000 tab.
b) L-ebda offerta ma ssodisfat l-ispeċifikazzjonijiet u l-kundizzjonijiet tat-tender. Fiċ-ċirkostanzi li ma ppermettewx li tiġi proċessata tender oħra, fiż-żewġ każi u fejn dawn l-offerti kienu l-eqreb lejn l-ispeċifikazzjonijiet u l-iżjed vantaġġjużi għad-dipartiment, l-ordni kellha tingħata b'direct order.
M'hiex l-abitudini ta' dan d-dipartiment li wara li jingħata kuntratt, il-
kuntrattur konċernat jitwaqqaf milli jkompli jagħti dak is-servizz jekk mhux għall-ragunijiet assolutament validi, cioe':
a) il-kuntrattur nnifsu jagħmel talba bied jinħall mill-kuntratt peress li ma jkunx fil-posizzjoni li jonora l-kuntratt minħabba raġunijiet varji:
b) id-dipartiment jikkunsidra li jwaqqaf kuntratti biss meta l-kuntrattur
ma jkunx qed jonora l-kuntratt mogħti lilu jew minħabba li l-prodott li jkun qed jissupplixxi jinstab li ma jkunx ta' livell aċċettabli skond
il-kundizzjonijiet tal-kuntratt.
Bejn il-5 ta' Settembru u l-10 ta' Novembru, kien hemm tlett każi fejn id-Dipartiment tal-Kuntratti `ibblacklistja' lil tlett uppliersż, hawn taħt imsemmija, fuq parir tal-GPS;
1) PARADRUCO LTD., U.K. Minħabba li ma baqgħax jonora d-diversi
kuntratti li kellu ma' dan id-dipartiment;
2) ALDO UNION, SPANJA: Minħabba irregolarita' teknika dwar ċertifikat
fuq prodott ta' mediċina;
3) M.S. MEDICORD, MALTA: li minkejja diversi attentati sabiex isir
kuntratt miegħu, sew bil-posta reġistrata kif ukoll bil-kurrier, id-dipartiment baqa` ma rċieva l-ebda tweġiba għaliex naqas li jissupplixxi l-kunsinni rikjesti.
F'każijiet simili, id-dipartiment ma jqabbad l-ebda kuntrattur ieħor floku, iżda l-prattika tkun li terġa` toħroġ sejħa pubblika oħra ġdida għall-offerti.
Jista' l-Ministru jagħti statistika ta' kemm pazjenti ġew imsiefra barra minn Malta għall-kura medika matul dawn l-aħħar erba' snin, sena b'sena? Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-etajiet tal-pazjenti u kemm kienet l-ispiża, sena b'sena, l-ispiża relatata?
Response (DEGUARA, LOUIS)
1. Matul dawn l-aħħar erba' snin intbagħtu:
1994 - 546 pazjent
1995 - 318 pazjent
1996 - 326 pazjent
1997 - 291 pazjent
2. L-ispiża relatata kienet:
1994 - Lm1,366,185
1995 - Lm1,407,804
1996 - Lm631,727
1997 - Lm533,696
3. L-etajiet kienu:
Bejn 0 - 14-il sena - 39%
Bejn 15 - 40 sena - 34%
Bejn 41 - 60 sena - 22%
61-il fuq - 5%
Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew irrapporati nies neqsin mid-dar, sena b'sena, mill-1994 'il hawn? Kemm minn dawn il-każijiet ġew solvuti? Kemm baqgħu mitlufin? Xi proċedura taddotta l-pulizija f'dawn it-tip ta' rapporti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi mill-1994 sat-18 ta` Novembru, 1998, it-tagħrif mitlub dwar persuni irrapurtati nieqsa hu kif ġej:-
Sena Persuni rrapurtati nieqsa Baqgħu nieqsa
---- ------------------------- -------------
1994 201 6
1995 179 xejn
1996 151 1
1997 159 xejn
1998 144 2
Fejn il-persuna tibqa` ma tinstabx, il-pulizija testendi l-investigazzjoni tagħha anke barra minn Malta, permezz ta` l-Interpol.
14.12.98(am)
Jista' l-Ministru jgħid kemm qed jipparteċipaw persuni fi żjarat kulturali organizzati mid-Dipartiment tal-Kultura? Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-gwidi li ġew imqabbda biex jikkordinaw dawn iż-żjarat? Min ġie mogħti t-tender għat-trasport għal dawn iż-żjarat? Kemm qed jitħallas ta' dan ix-xogħol? Kemm qed iħallsu l-persuni li qed jattendu għaż-żjarat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li n-numru ta' persuni li qed jipparteċipaw fi żjarat kulturali organizzat mid-Dipartiment tal-Kultura huwa 1600.
Il-gwidi li s'issa, wara sitt ħarġiet ġew imqabbda biex jagħtu servizz huma: M. Galea, S. Spiteri, T. Grech, B. Baldacchino, M. Schranz, R. Bowman, B. Azzopardi, A. Spiteri, S. Mousu', J. Ellul, J. Grima, M. Morana, V. Zammit.
It-tender għat-trasport għal dawn iż-żjarat ingħata lill-Garden of Eden Garage bir-rata ta' Lm20.40c għal kull "53 seater Coach".
Dawk li qed jattendu għal dawn iż-żjarat ħallsu Lm5, filwaqt li t-tfal ħallsu nofs prezz.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk il-Ministeru għandux il-ħsieb li jieħu l-uffiċini tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport li hemm ġewwa Casa Gaspe u l-impjegati jiġu trasferiti f'uffiċini ġewwa l-Ministeru fil-Furjana? Jekk fl-affermattiv, min se jokkupa l-uffiċini ta' dawn l-impjegati? Id-Dipartiment tal-Kultura se jibqa' ġewwa Casa Gaspe?
Response (GALEA, LOUIS)
Huwa l-ħsieb tal-Ministeru li l-uffiċini tad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport ikunu trasferiti għal uffiċini ħdejn is-Segretarjat fil-Furjana. Id-Dipartiment tal-Kultura ser jibqa' ġewwa Casa Gaspe.
Jista' l-Ministru jara li jsir programm ta' xogħol ta' manutenzjonijiet fil-Manikata sabiex jiġu rranġati t-toroq prinċipali tal-Manikata, bankijiet imkissra u ħitan tas-sejjiegħ imġarfa eċċ ikkawżati mill-maltemp li għamel fil-gżejjer tagħna f'dawn l-aħħar jiem ta' Novembru? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Peress li l-funzjoni li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hi waħda minn dawk mgħoddija lill-Kunsill Lokali, nissuġġerilu li jindirizza l-mistoqsija tiegħu direttament lill-Kunsill Lokali interessat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' familji residenti f'Malta u f'Għawdex li matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena, xtraw id-djar/appartamenti tagħhom li kienu ta' l-Awtorita' tad-Djar jew tal-gvern? Kemm huwa n-numru ta' dawk pendenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' familji li xtraw ir-residenzi tagħhom li hi proprjeta' tal-Gvern jew ta' l-Awtorita' tad-Djar taħt l-iskema biex inkwilini isiru sid ta' darhom huwa dan:-
1994 - 73
1995 - 22
1996 - 51
1997 - 281
1998 - 275
Bħalissa qegħdin jiġu proċessati 286 l-applikazzjoni.
14.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu dawk il-familji f'Malta u f'Għawdex li fdew iċ-ċnus fuq proprjeta' mibnija, art agrikola, art xagħri, plots tal-gvern eċċ. matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Kemm huwa n-numru ta' talbiet pendenti li għandu d-Dipartiment ta' l-Artijiet għal talbiet simili?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li f`dawn l-aħħar ħames snin, in-numru ta` ċnus li nfdew fuq proprjeta` mibnija, art agrikola, art xagħri, plots tal-gvern, ecc., f`Malta u Għawdex, kien kif jidher hawn taħt:-
Proprjeta` Art Art Plots Art għal
Mibnija Agrikola Xagħri tal-Gvern Ċimiterji
1994 4 -- -- -- --
1995 2 5 -- 11 2
1996 - 2 1 3 --
1997 3 -- 1 3 --
1998 3 -- -- 3 --
Il-fidi ta` ċnus fuq plots tal-Housing Schemes ma jaqax taħt ir-responsabbilta` ta` dan il-Ministeru.
Ninsab infurmat ukoll li ma tinżammx statistika dwar l-informazzjoni mitluba fl-aħħar parti tal-Mistoqsija.
14.12.98(a.m.)
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bit-tariffi l-ġodda tad-dawl u l-ilma tar-raħħala, bdiewa u ta' l-agro industrija? Kemm fil-fatt ġie l-metru kubu li qabel kien 4c5mils sa 2270 m/k ta' ilma u wara dan l-ammont il-prezz kien jitla' għal 12c il-m/k ta' ilma u jerġa' jibda jiġi applikat wara kull erba' ġimgħat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Billi d-dawl li sar għall-festa ta' nhar id-29 ta' Awissu fil-Manikata sabiex tinxtel il-knisja tal-lokal għadu jinxtel kuljum lejl u nhar, jista' l-Ministru jara li jsir timer sabiex dan id-dawl jinxtgħel biss f'ħinijiet partikolari u mhux filgħodu sabiex ma ssirx aktar ħela ta' enerġija?
Jista' l-Ministru jara li japprova t-talbiet tar-residenti tal-Manikata għal street lighting u għal bozoz mal-farmhouse li għadhom pendenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni ħadet il-miżuri meħtieġa biex tissewwa l-ħsara li kien hemm.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, l-Korporazzjoni ma għandhiex talbiet pendenti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet il-produzzjoni lokali tal-fish farms lokali matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Kemm kien in-numru ta' ħaddiema fulltime u part-time matul l-istess perijodu?
Response (ZAMMIT, NINU)
Il-Produzzjoni tal-Fish Farms matul dawn l-aħħar ħames snin:
Sena Spnott Awrat
1993 200mT 400mT
1994 350mT 550mT
1995 500mT 800mT
1996 596mT 1,156mT
1997 720mT 1,080mT
In-numru ta' ħaddiema full-time u part-time matul l-istess perjodu
Sena Full-time Part-time
1993 20 15
1994 40 20
1995 80 30
1996 100 30
1997 110 40