Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-programm li bih se jsiru l-pjani lokali?
X'se jkun mitlub mill-kunsilli lokali?
Response (BORG, TONIO)
Il-programm għal Pjani Lokali li qegħdin isiru issa u dawk li għadhom ma nbdewx qed jiġu riveduti bil-ħsieb li jitlestew mill-aktar fis possibli fl-isfond tar-riżorsi umani u r-riżorsi oħrajn li għandha l-Awtorita`.
Huwa l-ħsieb li l-Kunsilli Lokali jiġu nvoluti fil-proċess tal-Pjani Lokali u hu mistenni li jkun hemm kollaborazzjoni sħiħa bejn l-Awtorita` u l-Kunsilli Lokali. Hu maħsub ukoll li jsiru lagħqat ta` konsultazzjoni mal-pubbliku ta` l-inħawi konċernati mal-Pjan Lokali rispettiv.
14.12.98(a.m.)
Malta Personal Injuries (Civilians) Scheme ta' l-1941
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-benefiċċji ta' dawk li jaqgħu taħt il-Malta Personal Injuries (Civilians) Scheme ta' l-1941 ilhom ma jieħdu żieda mill-1991 sal-lum? Meta mistenni li jkun hemm żieda taħt din l-iskema?
Response (DALLI, JOHN)
Nifhem li l-Onor Interpellant qed jirreferi għall-Personal Injuries (Emergency Provisions) Ord. Chap 111. Ngħarraf lill-Onor Interpellant li l-benefiċċji taħt din l-iskema għal dawk li korrew fil-gwerra, jew kaġun tal-gwerra, se jkunu assimilati definitivament mad-Disablement Pension tas-Sigurta` Soċjali b`effett mill-1 ta` Jannar 1999.
Jista' l-Ministru jgħid huwiex il-ħsieb tal-gvern li joħroġ plots għal bini?
Jista' l-Ministru jgħid f'liema lokalitajiet u kemm jammontaw f'numri dawn il-plots?
Jista' l-Ministru jgħid jekk dawn il-plots hux se jkunu indirizzati lejn l-għarajjes, żgħażagħ miżżewġin jew koppji kwalunkwe?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Plots ser jiġu żviluppati mill-Awtorita' tad-Djar bħala maisonettes biex b'hekk jinqdew aktar nies.
Dawn il-maisonettes ser jinħarġu għall-allokazzjoni taħt l-iskemi ta' l-Awtorita' tad-Djar.
Normalment dawn l-applikazzjonijiet għall-maisonettes ikunu miftuħa fost oħrajn għall-koppji miżżewġin, koppji għarajjes u familji b'ġenitur wieħed.
14.12.98
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2337 minħabba li l-Ministru qal li l-każ qed jiġi kkonsidrat ma' każijiet oħra bħalu, jista' l-Ministru jgħid kemm hemm applikanti għall-Housing jorqdu fuq bank fi ġnien pubbliku bħal każ in kwestjoni?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi d-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali m'għandu l-ebda applikant li jindika li qed jorqod fuq bank fi ġnien pubbliku. Fil-fatt, il-Karta' ta' l-Identita' ta' l-applikant in kwistjoni turi indirizz fil-Fgura.
14.12.98
Billi jidher li hemm nuqqas ta' kopisti fil-Mużew ta' l-Arti, jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li toħroġ call for application biex jimtela' dan in-nuqqas?
Kemm fil-fatt hu n-numru attwali ta' koppisti u kemm suppost ikun il-complement?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li preżentament, fil-Mużew ta' l-Arti hemm impjegati model-maker wieħed li qiegħed jagħmel ix-xogħol ta' kopista. Dan il-Mużew m'għandux kompliment għall-kopisti, imma għal restawraturi.
Ser isir studju dwar ir-riżorsi umani u l-bżonnijiet tad-Dipartiment tal-Mużewijiet li ser jieħu in konsiderazzjoni l-bżonn ta' kopisti skond il-ħtieġa.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' djar/appartamenti li l-gvern għandu ppjanat li jibni matul is-sentejn li ġejjin? Kemm minnhom huma ppjanat li jinbnew mid-dipartiment? Kemm minnhom huwa ppjanat li jinbnew mill-Awtorita' tad-Djar? Kemm minnhom huwa ippjanat li jinbnew bi sħab mas-settur privat?
Kemm-il gvern beħsiebu jonfoq flus f'dan is-sens fis-sentejn li ġejjin? Kemm hemm min dan kollu jinsab quddiem l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għal ħruġ tal-permessi?
Jista' l-Ministru jgħid f'liema lokalitajiet il-Gvern beħsiebu jibni dawn id-djar/appartamenti u jagħti statistika x'numri f'dan is-sens?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul l-1999 u 2000 l-Awtorita' tad-Djar ser tkompli bil-programm ta' bini ta' maisonettes u appartamenti. Parti minn dan il-programm ser issir permezz ta' proġett imfassal u imwettqa mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar u parti oħra mill-Awtorita' tad-Djar. In-numru ta' units li ser jinbnew:
(i) mid-Dipartiment huwa ta' 1021. Minn dawn 460 huma koperti bil-permess ta' l-Awtorita' tal-ppjanar waqt li 561 għadhom qed jistennew il-permess u
(ii) l-Awtorita' tad-Djar huma ta' 58 li minnhom 21 huma koperti bil-permess ta' l-Awtorita' tal-Ippjanar waqt li 37 qed jistennew il-permess.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tan-numru ta' units li ser jinbnew.
L-Awtorita' tad-Djar qiegħda tevalwa pjan għax-xiri ta' postijiet mingħand il-privat. Għal dan il-għan qed tiġi finalizzata skema.
In-nefqa kapitali għas-sena 1998/1999 hija ta' Lm4,730,000 waqt li dik għas-sena ta' wara tiddipendi mill-ħruġ tal-permessi tal-bini u fatturi oħra.
14.12.98
Minħabba fl-Estimi ta' l-1999 (paġna 6) hemm riferenza għall-"faħam" taħt "utilities", jista' l-Ministru jikkonferma jekk dan it-tip ta' fuel għandux jinxtara mill-gvern u jekk le għandhiex issir korrezzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ir-referenza li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija misprint għax ix-xiri tal-faħam ilhu li twaqqaf meta saret il-conversion tal-Power Station tal-Marsa għall-użu taż-żejt imħabba l-ħsara li l-faħam kien qed jagħmel lill-ambjent.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2339 lill-Ministru ta' l-Artijiet, fejn ġejt informata li l-art in kwestjoni (biċċa art li tinkludi barumbara) ġiet iddikjarata ta' bżonn għall-użu pubbliku fl-1974, jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol fuq it-twessigħ ta' Triq ir-Redentur, f'Ħaż Żabbar li qed tiġi mbarrata permezz ta' l-art u barumbara hawn fuq imsemmija?
Response (GALEA, ĊENSU)
Tajt struzzjonijiet lid-Dipartiment tat-Toroq biex jikkunsidra jekk hemmx ħtieġa tax-xogħol indikat. Ix-xogħol sintendi jsir skond il-prijoritajiet tad-Dipartiment meta jkun żgurat li s-servizzi meħtieġa jkunu tqiegħdu fil-post.
Jista' l-Ministru jgħid għalfejn il-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, ilha tirreġistra għax-xogħol għal circa tliet snin meta ħaddieħor li beda jirreġistra għax-xogħol fl-istess perjodu ilu żmien li ngħata mpjieg?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Skond ir-'records' ta' l-ETC, il-persuna msemmija ilha tirreġistra mill-21 t'April 1997, jiġifieri sena u tmien xhur. Jirriżulta wkoll illi dan għall-ewwel kien beda jirreġistra bħala 'deliveryman' u wara żied ukoll il-preferenza ta' 'crane operator'. Fil-fatt dan kien sottomess għax-xogħol darba biss u dan fuq xogħol ta' 'crane operator'. Is-sottomissjonijiet jiddependu dejjem minn kemm jinqalgħu vakanzi u x'ikunu jirrikjedu dawn il-vakanzi, bħal per eżempju, esperjenza, liċenzji speċjali, eċċ.
14.12.98
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 783, jista' l-Ministru jgħid jekk il-Bord ta' l-Amministrazzjoni tal-Pixxina Nazzjoanli huwiex jiġi kkonsultat dwar dawn id-deċiżjonijiet? Min huwa nvolut aktar f'dawn il-konsultazzjonijiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex it-tagħrif mitlub jinkiseb, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-konsultazzjonijiet dwar it-twaqqif mill-ġdid tas-Swimming Promotion Unit fil-Pixxina Nazzjonali kif kien imwieġeb għall-mistoqsija parlamentari numru 782? Ma' min qed isiru dawn il-konsultazzjonijiet? Jista' l-Ministru jgħid jekk din il-unit hijiex se tibda topera f'din is-sena skolastika peress li diġa' għadda kważi l-ewwel term?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex it-tagħrif mitlub jinkiseb, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 784, jista' l-Ministru jgħid kemm ġew u kemm qed jiswew lid-dipartimenti tagħhom it-tliet watchmen u d-disa' mpjegati tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet inkluż pagi, allowances, overtime, eċċ? X'inhu x-xogħol ta' dawk li jiffurmaw parti mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi?
Response (GALEA, LOUIS)
Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex it-tagħrif mitlub jinkiseb, tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-flat li l-partikolaritajiet tiegħu jidhru separatament ma' din il-mistoqsija, huwiex battal?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi l-fond indikat jinsab allokat lill-persuna li għandha l-kera mħallas sa Awissu li għadda. Id-Dipartiment qed jinvestiga jekk din il-persuna hiex fil-fatt qed tokkupa l-post.
14.12.98
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 1774?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel ta' l-istat hemm:
78 fl-iskejjel Sekondarji u Trade Schools
5 fl-iskejjel Post Sekondarji
18 fl-iskejjel Primarji (peripatetic)
Għalliem wieħed hu ta' nazzjonalita' barranija.
L-għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel tal-Knisja huma 37. Minn dawn 2 huma barranin.
L-għalliema ta' l-Edukazzjoni Fiżika fl-iskejjel privati huma 18. Minn dawn 3 huma barranin.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' tajr u/jew annimal protett ieħor ġie maqbud mill-forzi tas-sigurta u/jew Dwana din is-sena? X'sar mit-tajr ħaj/mejjet u mill-annimali maqbuda?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li l-pulizija jmorru jissorveljaw it-traffiku waqt id-dħul u l-ħruġ tat-tfal mill-iskola primarja "A" u "B" tal-Mosta peress li hemm periklu kbir għat-tfal mill-karozzi li jgħaddu mill-inħawi?
Jista' l-Ministru jara li l-pulizija jmorru hemm kuljum meta jkun hemm l-iskola biex nevitaw traġedja li tista' tiġri?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija diġa` qed tagħmel is-sorveljanza meħtieġa kemm ma` l-iskola primarja kif ukoll ma` dik sekondarja fil-Mosta. Fil-fatt, fil-ġranet ta` l-iskola, fejn l-iskola primarja ta` Triq Grognet ikun hemm żewġ Pulizija bejn it-8.00a.m. u it-8.45a.m. u bejn is-2.00p.m. u s-2.45p.m., filwaqt fejn l-iskola Lily of the Valley ikun hemm Pulizija wieħed bejn is-7.45a.m. u d-9.00a.m. u bejn is-1.45p.m. u s-2.30p.m.
14.12.98 (a.m.)
Seduta 31
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-raġunijiet li lejn nofs Ottubru 1998 il-ġenituri li wliedhom jmorru fl-iskola primarja "A" tal-Mosta qalulhom biex jixtru track suit blu u issa qed jgħidulhom biex jixtru track suit ħadra?
Għaliex qed idaħħlu lill-ġenituri f'dawn l-ispejjeż biex jixtru track suits differenti meta l-flus jistgħu jintnefqu għal skopijiet aktar edukattivi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għażla ta' uniformi jew ħwejjeġ oħra f'kull skola huwa mħolli f'idejn il-Kunsill Skolastiku.Informat ukoll li ma kien hemm ebda tibdil fil-kulur tat-Tracksuit li ġiet introdotta s-sena l-oħra għat-tfal tal-Kindergarten u din is-sena estiża għat-tfal ta' l-Ewwel Sena Primarja.
Fl-ewwel tliet xhur ta' din is-sena skolastika, jista' l-Ministru jgħid jekk il-mid-week project tkomplix bl-istess impenn?
Jista' l-Ministru jara jekk jirriżultax li dan il-proġett hemm fejn qed jinqatel għax fl-iskejjel mhux qed ikun hemm il-materjal neċessarju biex isir ix-xogħol kreattiv mat-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Safejn naf jien il-proġett kompla. Pero' beħsiebni inkellem li-Direttur Ġenerali u lid-Direttur għall-Iżvilupp tal-Kurrikulu biex nara li qed isir ix-xogħol skond l-iskopijiet tal-proġett.