Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #2601 Sitting 33 1998-12-13 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn bħalissa konsulenti jaħdmu mal-gvern?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat illi sakemm ġiet miġbura din l- informazzjoni, kien hemm 3 konsulenti mpjegati mal-Gvern fuq kuntratt - tnejn full-time u wieħed part-time. Hemm ukoll 21 Adviser, 8 full-time u 13 part-time. Minn dawn l-24 konsulenti/advisers wieħed biss ġie mpjegat mill-5 ta Settembru 'l hawn. Dawn il-figuri ma jinkludux konsulenti oħra (per eżempju tobba fil-Ministeru tas-Saħħa) li jiġu mpjegati wara proċess differenti li jgħaddi mill-Kummissjoni tas-Servizz Pubbliku.
Leg 9 PQ #2602 Sitting 33 1998-12-13 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Dipartiment ta' l-Edukazzjoni — Għalliema fuq long sick leave

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm bħalissa għalliema li qegħdin fuq long sick leave fid-Dipartment ta' l-Edukazzjoni?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bħalissa hemm 33 għalliem fuq 'long sick leave'fid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni.

VAT — Protezzjoni tal-konsumatur

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inizjattivi ġodda se joffri l-Gvern fir-rigward tal-protezzjoni tal-konsumatur in vista ta' abbużi li jistgħu jseħħu bl-introduzzjoni tal-VAT?

Response (BONNICI, JOSEF)

Dwar abbużi li jistgħu jsiru mis-sistemi ta' tassazzjoni, kemm jekk sisa kif ukoll jekk VAT, nitlob lill-Onor. Interpellant tirreferi l-mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi. Kif taf, l-Onorevoli Interpellant, id-Dipartiment tal-Konsumatur u d-Dipartiment tal-Kummerċ jinvestigaw kull ilment li jaslilhom u jieħdu l-passi meħtieġa f'dan ir-rigward.

Sigurta' Soċjali — Vot għal promotion ta' health & safety

Question

Peress li l-vot għal Promotion tal-Health and Safety tnaqqas bi Lm17,000, jista' l-Ministru jgħid kif id-dipartiment se jkun jista' jiffinanzja t-twaqqif ta' l-Awtorita' għas-Saħħa u s-Sigurta' tal-Ħaddiema meta din titwaqqaf, kif ġie mwiegħed?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Għal 1998 is-salarji tas-Safety Trainee Inspectors ittieħdu mill-Vot 19 (Item 4339 - Promotion for Health and Safety). Għas-sena 1999 din l-ispiża tas-salarji tas-Safety Trainee Inspectors (Lm17,000) ser jittieħed mill-Vot 19 (Item 12 - Staff Salaries and Wages). Għalhekk, effettivament ma naqsitx l-importanza finanzjarja mogħtija lill-Promotion for Health and Safety. 14.12.98

Sigurta' Soċjali — Vot tal-Fejda Programme

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-vot tal-Fejda Programme ġie mnaqqas bi Lm22,000? X'parti mis-servizz se jonqos?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-ammont ivvutat fl-Estimi ta' l-1999 għall-Programm Fejda jirrifletti l-ammont attwalment meħtieġ għat-tmexxija tal-Programm għal dik is-sena. Dan l-ammont kien ġie propost mill-istess management tal-Programm. 14.12.98

Sigurta' Soċjali — Vot għas-social assistance

Question

Peress li l-vot għas-social assistance tnaqqas b'Lm444,000, jista' l-Ministru jidentifika liema assistenza soċjali se titnaqqas?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Minkejja li jidher li hemm xi tnaqqis fil-vot għall-Assistenza Soċjali, fir-realta' m'hemm tnaqqis xejn. Dan għaliex filwaqt li għas-sena 1998 kien approvat nefqa ta' Lm14,230,000 fuq Assistanza Soċjali, ir-'revised estimates' tad-Dipartiment tas-Sigurta' Soċjali juru li n-nefqa reali ser tkun ta' Lm13,508,000. Minn dan jidher ċar li għas-sena d-dieħla ġew approvati flus aktar milli fil-fatt intefqu din is-sena u nassigura lill-Onor. Interpellant li l-ebda Għajnuna Soċjali ma hi ser tiġi mnaqqsa. 14.12.98

Sigurta' Soċjali — Vot tal-Bord tal-Koperattivi

Question

Peress li l-vot tal-Bord tal-Koperattivi tnaqqas b'Lm10,000, jista' l-Ministru jgħid minn fejn se jsir dan it-tnaqqis?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta hija kif ġejja: It-tnaqqis ta' Lm10,000 qiegħed isir fuq l-istima għall-1999 mressqa mill-Bord tal-Koperattivi stess. It-tnaqqis ewlieni huwa dovut għal dawn il-fatturi: (a) Tnaqqis fl-item 'emoluments of contractual employees' minħabba li kienu jkunu vvutati flus aktar milli hemm bżonn għall-personal ta' l-uffiċċju. (b) Tnaqqis fl-item 'promotion and development' minħabba kisba ta' 'sponsorship' marbut mal-proġett edukattiv Scoops: Esperjenzi Koperattivi. (c) Tnaqqis fl-item 'capital expenditure' la darba ntemm ix-xogħol prinċipali marbut mar-'refurbishment' ta' l-uffiċċju l-ġdid tal-Bord tal-Koperattivi fi Triq Melita, il-Belt. 14.12.98

PTF — Irmiġġi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif ingħataw l-irmiġġi tal-PTF (part-time fisherman) u ta' l-isport fil-Port ta' l-Imsida minn fejn jibda l-mall ħdejn l-iskall (faċċata tal-Lucky Bar) għal mad-dawra ta' quddiem il-Knisja ta' l-Imsida san-naħa l-oħra fejn hemm l-iskall l-ieħor ta' quddiem it-traffic lights? Taħt liema kondizzjonijiet jew b'liema priferenzi jingħataw dawn l-irmiġġi? Jista' s-sid ta' l-irmiġġ jislef l-irmiġġ tiegħu jew jippermetti lil xi ħaddieħor biex jorbot fuq l-irmiġġ tiegħu u jekk iva, għal kemm żmien skond il-liġi jista' jislef l-irmiġġ jew jagħti dan il-permess? Kemm ingħataw permessi għal irmiġġi jew kemm bidlu idejn irmiġġi fl-istess lokalita' (ċioe' Imsida Creek) minn Marzu ta' l-1997 sal-lum?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li meta sar l-iżvillupp tal-Yacht Marina fl-Imsida fl-1989, dawk l-opri kollha li kienu jsorġu fin-nofs tad-Daħla jew mall-molijiet eżistenti, ġew mitluba japplikaw sabiex jingħataw irmiġġ fis-sezzjoni tas-sajjieda, jiġifieri, minn ħdejn l-iskall faċċata tal-Lucky Bar sa ħdejn l-iskall fejn hemm it-Traffic Lights, inkluż il-pontoon it-twil, li ħiereġ minn naħa tal-knisja ta` l-Imsida. L-applikanti li kienu full-time fishermen, part-time fishermen u sports ġew maqsuma f`kategoriji skond il-qies tal-qoxra tagħhom u wara allokati post bil-polza fis-sezzjonijiet rispettivi skond in-numru ta` postijiet li ġew ikkreati fuq il-pontoon u l-mollijiet. B`kollox hemm sitt kategoriji differenti ta` qisien ta` dgħajjes. Ħlas nominali ta` Lm5 fis-sena japplika għal kważi l-opri kollha sorġuti ġewwa l-Imsida taħt din l-iskema. Peress li l-irmiġġi kollha huma okkupati ma tantx hemm possibilita` li jingħataw irmiġġi ġodda, ħlief f`xi każ rari meta xi ħadd ibiegħ l-opra u din tmur tirmiġġja f`bajja oħra. L-Awtorita` Marittima ma ssib l-ebda oġġezzjoni li sid ta` irmiġġ iħalli persuna oħra tokkupa l-post tiegħu fuq bażi temporanja waqt li l-opra tas-sid tkun imtella l-art. Dan ma jfissirx li l-Awtorita` Marittima tippermetti lis-sid li jittrasferixxi l-irmiġġ b`mod permanenti. Ma hemm l-ebda indikazzjoni ta` żmien dwar l-okkupazzjoni temporanja ta` irmiġġ. Min Marzu ta` l-1997 sal-lum ġew trasferiti 37 dgħajsa minn sid għall-ieħor li magħhom ġie trasferit ukoll l-irmiġġ ta` l-istess dgħajsa għal fuq is-sid il-ġdid.
Leg 9 PQ #2635 Sitting 33 1998-12-13 Oral · Final From: CLAUDE MUSCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Sistema ta' tassazzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm esperti ġew ingaġġati mal-Gvern biex jgħinuh ifassal u jdaħħal is-sistema ta' tassazzjoni tad-dazju u sisa fl-1997? Jista' jgħid kemm kien l-infiq għas-servizzi tagħhom?

Response (DALLI, JOHN)

L-esperti li ġew ingaġġati mal-Gvern biex jgħinuh ifassal u jdaħħal is-sistema ta` tassazzjoni tad-dazju u sisa fl-1997 kienu: Muscat Azzopardi, Spiteri & Associates Lm8,050 Prof. Edward Scicluna Lm4,128 Mr David Williams Lm4,706
Leg 9 PQ #2636 Sitting 33 1998-12-13 Oral · Final From: CLAUDE MUSCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Stocks — Refunds

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-estimate rigward ir-refunds fuq l-istocks għas-snin 1995 u 1996?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-estimi tar-refunds fuq il-ħażniet eżistenti fl-aħħar ta` Diċembru 1994 li tħallsu fis-snin 1995 u 1996 kien ta` madwar Lm18-il miljun lira.
Leg 9 PQ #2637 Sitting 33 1998-12-13 Oral · Final From: CLAUDE MUSCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Stocks — Refunds

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien l-Actual rigward ir-refunds fuq 45 stocks għas-snin 1995 u 1996?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-Actual refunds fuq l-istocks għas-snin 1995 u 1996 huwa kifjidher hawn taħt: 1995 - Lm 5,340,975 1996 - Lm10,094,690
Leg 9 PQ #2638 Sitting 33 1998-12-13 Oral · Final From: CLAUDE MUSCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiiment tad-Dazju u Sisa — Reġistrazzjoni ta' kumpanniji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni/kumpanniji ġew reġistrati, xahar b'xahar, mad-Dipartiment tad-Dazju u Sisa bejn l-1 ta' Lulju 1997 u t-30 ta' Novembru 1998?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f`xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #2639 Sitting 33 1998-12-13 Oral · Final From: CLAUDE MUSCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Dipartiment tal-VAT — Reġistrazzjoni ta' kumpanniji

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm persuni/kumpanniji ġew reġistrati, xahar b'xahar, mad-Dipartiment tal-VAT bejn id-9 ta' Awissu, 1994 u t-30 ta' Ġunju, 1997?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f`xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #1615 Sitting 32 1998-12-12 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Festival tal-kanzunetta Maltija — Kategorija żgħażagħ

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li ġie deċiż li titneħħa l-kategorija żgħażagħ waqt il-festival tal-kanzunetta Maltija għall-Ewropa? Jekk fl-affermattiv, għal liema raġuni? Jaqbel il-Ministru li din il-kategorija tat nifs ġdid lil festival u opportunita' wiesgħa lit-talent kulturali fost iż-żgħażagħ kantanti, kompożituri u awturi?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għal din is-sena l-Kumitat Organiżżattiv iddeċieda li ma jkunx hemm kategorija għaż-Żgħażagħ separatament. Il-Kumitat jidhirlu li r-riżultati mixtieqa ma nkisbux tant li ma ntagħżlux l-għaxar kanzunetti kif kien imħabbar fir-regolamenti. Ta' min isemmi li ż-żgħażagħ mhumiex esklużi li jipparteċipaw fil-Konkors li hu miftuħ għal kull min għalaq is-16-il sena.
Leg 9 PQ #1616 Sitting 32 1998-12-12 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Test tal-breathalyser

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna twaqqfet mill-pulizija biex isirilha t-test tal-breathalyser minn Settembru, 1998 sal-lum? Kemm minnhom instabu pożittivi? Kemm minn dawk li twaqqfu kieu rġiel u kemm kienu nisa? Meta se jittellgħu l-Qorti? Il-Gvern beħsiebu jagħmel xi kampanja edukattiva kontra x-xorb waqt is-sewqan?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-breathalyser test huwa maqsum f'żewġ partijiet. L-ewwel parti ssir fit-triq. Jekk dan ikun pożittiv, il-persuna tittieħed id-Depot tal-Pulizija fejn isirulha żewġ testijiet oħra b'apparat ieħor. Skond ma jien infurmat, ma jinżammux records ta' persuni mwaqqfa jekk l-ewwel test ikun fin-negattiv. Ninsab infurmat ukoll li bejn l-1 ta' Settembru u t-18 ta' Novembru, 1998, kien hemm 29 persuna li sarilha dan it-tieni test, li minnhom waħda kienet mara. Minn dawn, 20 irriżultaw posittiv. Hemm uħud li diġa' tressqu l-Qorti u l-oħrajn ser jitressqu mas-seduti tat-traffiku. Infurmat ukoll illi l-Pulizija, bħal ma' sar fil-passat, qed tipprepara għall-kampanja edukattiva dwar xorb u sewqan għal żmien il-Milied. 14.12.98(2pm)
Leg 9 PQ #1617 Sitting 32 1998-12-12 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Bordijiet governattivi — Żgħażagħ

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hawn żgħażagħ f'bordijiet governattivi li għandhom inqas minn 30 sena? Minn dawn kemm hemm nisa u kemm hemm irġiel? Kemm hemm minnhom li qed jieħdu xi forma ta' onorarja? Il-Gvern għandu l-ħsieb li jkompli jinnomina żgħażagħ f'bordijiet governattivi?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat li fil-preżent, fil-bordijiet li jaqgħu taħt ir-responsabbilta tad-dikasteru tiegħi ma hemm l-ebda persuna li għandha inqas minn 30 sena. Nistieden lill-Onor Membru biex jagħmel mistoqsijiet simili lid-diversi Ministri rigward bordijiet oħrajn. Kif diga għidt meta weġibt il-Mistoqsija Nru 1195, meta jsiru n- nomini għal bordijiet tal-Gvern tingħata attenzjoni li zgħażagħ li jikkwalifikaw jiġu nominati.
Leg 9 PQ #1750 Sitting 32 1998-12-12 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Rave Party

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija rigward ir-Rave Party msejjaħ Independence Day fejn kien allegat li daħlu għal dan il-party madwar 7,000 persuna, meta suppost li l-permess kien għal xi 450? Min kien responsabbli għal dan il-Party u jekk ittieħdux passi kriminali għal min kiser il-liġi, u dan peress li kienu l-istess pulizija li waqqfu l-istess party għax kienet qed tiġi miksura l-liġi?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi ttieħdu l-proċeduri quddiem il-Qorti u l-każ ġie deċiż. 14.12.98(2pm)
Leg 9 PQ #1764 Sitting 32 1998-12-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

Pitkali Crates Limited

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba ħarġet sejħa għall-offerti għal xiri ta' makni tal-ħasil ta' kaxxi dugħ? Meta kienu dawn il-ħarġiet xahar b'xahar u x'kienu r-raġunijiet li dawn it-tenders ħarġu aktar minn darba? Kemm saru laqgħat bejn uffiċjali tal-Ministeru Pitkali Crates Limited matul dawn l-aħħar 24 xahar dwar ix-xiri tal-makna ġdida tal-ħasil tal-kaxxi?

Response (ZAMMIT, NINU)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall mistoqsija parlamentari numbru 305. Fil-fatt ħarġu żewġ sejħiet għall-offerti. L-ewwel sejħa ħarġet bi 'specifications' magħmula mid-Dipartiment tal-Agrikoltura. Għal din is-sejħa ntbagħtu diversi offerti li ġew evalwati. L-orħos fost dawn l-offerti kienet ta' xi Lm32,000. Għal din it-tender kien hemm oġġezzjonijiet mill-Pitkali Crates Ltd., għax qalu li l-'specifications' ma kienux saru sewwa u qalu wkoll li fis-suq kien hemm magni aħjar minn dik offruta u bi prezz orħos, ta' bejn wieħed w ieħor Lm24,000. Dawn l'oġġezzjonijiet kienu fil-perjodu bejn 1 t'Awissu 1997 u l-31 ta' Diċembru 1997. Għalhekk ħarġet it-tieni tender bi 'specifications' magħmula minn Engineer fid-9 ta' Frar 1998. Għal din is-sejħa reġa kien hemm diversi offerti u wara żjara minn membri tal-Pitkali Crates Ltd. barra minn Malta sabiex jaraw il-magna, ġie deċiż li tinxtara magna għas-somma ta' Lm61,190. Jien infurmat li saru diversi laqgħat bejn uffiċjali tal-Ministeru u rappreżentanti tal-Pitkali Crates Ltd., dwar ix-xiri tal-magna iżda n-numru mhux magħruf.
Leg 9 PQ #1765 Sitting 32 1998-12-12 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Agrikoltura u Sajd

San Lucian — Produzzjoni tal-finger links

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet il-produzzjoni tal-finger links fiċ-Ċentru ta' l-Akwakultura f'San Luċian matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Jista' l-Ministru jgħid meta se jiġu stallati ċ-chillers il-ġodda u x'użu għandhom u x'benefiċċji se jkollhom dawn fuq is-sistema tal-hatchery?

Response (ZAMMIT, NINU)

Il-Produzzjoni tal-friegħ miċ-Ċentru Nazzjonali ta' l-Akwakultura matul l-aħħar ħames snin: Sena Numru 1993 231,000 1994 468,250 1995 1,264,314 1996 971,333 1997 836,205 Jien infurmat li c-chiller il-ġdid se jasal ġoċ-Ċentru fil-bidu tax-xahar id-dieħel u għandu jiġi nstallat sa l-aħħar ta' Diċembru. L-użu prinċipali tac-chiller huwa li jwaqqa' t-temperatura ta' l-ilma baħar li jintuża għall-ġenituri ta' l-awrat speċjalment fis-sajf, biex b'hekk il-produzzjoni tal-bajd tkun tista' tibqa' sejra matul is-sena kollha. Jien infurmat ukoll li aktar il-quddiem l-istess chiller jista' jiġi użat ukoll biex inkunu nistgħu nkabbru il-friegħ ta' l-ispnott li jirrikjedi temperatura ta' 16 il grad celsius.