Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir is-sejħa pubblika għall-comprehensive architectural services biex ikun implimentat id-development brief validu magħmul mill-periti Joseph Falzon u Joseph Spiteri li anke l-amministrazzjoni u l-għalliema ta' l-iskola qablu miegħu fir-rigward tal-Liċeo Ġużeppi Despott fil-Verdala, Kottonera?
Response (GALEA, LOUIS)
Tlabt lid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tikkonsidra l-materja.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq l-iskola primarja ta' l-Imġarr (Malta)? Jista' jgħid x'hemm ippjanat li jitwettaq mill-proġett tul l-1999 bit-Lm80,000 li se jintnefqu fuqu? Meta hu maħsub li jitlesta l-proġett?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s'issa l-kuntrattur ħammel u naddaf l-art in kwestjoni. Tul l-1999 hu ppjanat li titlesta l-play area l-ġdida flimkien mal-blokka tal-klassijiet il-ġodda. Il-proġett hu maħsub li jitlesta fit-tmiem ta' l-2000.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fl-iskola primarja ta' San Pawl il-Baħar? Ix-xogħol waqa' lura skond l-iskeda tax-xogħol kif ippjanat? Meta hu ppjanat li jitlesta x-xogħol kollu? Se jsiru aktar sforzi mad-Dipartiment tad-Drenaġġ biex tissolva l-problema kbira tar-riħa li toħroġ mill-pumping station li hemm eżatt ħdejn l-iskola?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat lil l-estensjoni ta' l-iskola hija fi stadju avanzat filwaqt li t-tiġdid ta' l-ewwel sular ta' l-eżisenti huwa kompletament lest. Ix-xogħol ma waqax lura skond l-iskeda kif ippjanat filwaqt li l-proġett ikun lest kollu sa l-aħħar ta' Awissu 1999.
Rigward il-problema l-kbira tar-riħa li toħroġ mill-pumping station tad-drenaġġ li hemm eżatt ħdejn l-iskola jrid jingħad li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni ilha tikteb kontinwament minn Diċembru ta' l-1996 lid-Direttur Ġenerali tat-Taqsima tax-Xogħlijiet li taħtu jaqa' d-Dipartiment tad-Drenaġġ biex isiru x-xogħlijiet meħtieġa li sfortunatament sal-lum għadhom ma nbdewx. Ser inkomli ninsisti għal soluzzjoni.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li se jiddaħħlu fil-Forzi Armati s-sena d-dieħla in vista ta' risposta parlamentari li diġa' ngħatat?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
F'dan l-istadju huwa ppjanat li jiġu reklutati madwar mitt
suldat fl-1999.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta' barranin li għandhom il-work permit illum? Jista' l-Ministru jgħid kemm ilhom jaħdmu hawn dawn il-persuni u kemm hemm applikazzjonijiet pendenti?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li skond il-lista uffiċjali li ġiet ippubblikata fis-7 ta' Diċembru, 1998, kien hemm 2241 persuna barranija li kellhom permess biex jaħdmu Malta, liema lista ma tinkludix l-ismijiet ta' dawk il-persuni li l-permess tagħhom ikun validu għal anqas minn xahar.
Ninsab infurmat ukoll li ma tinżammx statistika dwar kemm dawn il-persuni ilhom jaħdmu f'Malta.
Madwar 850 applikazzjonijiet pendenti qed jiġu pproċessati.
15.12.98am
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hemm inċidenti tat-traffiku li fihom kienet involuta vejikola tal-pulizija din is-sena? Kemm kienet l-ispiża totali biex dawn ġew irranġati?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm 52 vettura tal-pulizija li ġarrbu ħsarat b'riżultat ta' inċidenti tat-traffiku. L-ispiża totali sabiex jiġu rranġati dawn il-vetturi hija stmata li tammonta għal Lm6,245.
15.12.98am
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' ambulanzi li kienu nvoluti f'xi inċident tat-traffiku din is-sena u kemm kienet l-ispiża biex dawn ġew irranġati?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Kien hemm erba' ambulanzi li kienu nvoluti f'xi inċident tat-traffiku din is-sena. Waħda minnhom ma kellha ebda ħsara. L-istima għat-tiswija tat-tlieta l-oħra hi ta' Lm135, Lm49.50 u Lm10 rispettivament.
Jista' l-Ministru jgħid kemm tiswa kuljum biex tinżamm u titħaddem il-mobile blood donors unit?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Biex topera il-Mobile Unit tad-Dipartiment tat-Trasfużjoni tad-demm hemm bżonn ta' sitta min-nies: Tabib, SRN, SEN, Health Assistant/Nursing Aide, Hospital Auxiliary u x-xufier.
Il-Unit tad-Demm taħdem mit-Tnejn sal-Ħadd u ġurnata minnhom ma toħroġx. Tkun miftuħa bejn it-tmienja ta' filgħodu u s-siegħa u nofs ta' wara' nofsinhar.
Il-paga medja taż kull persuna fuq il-Mobile Unit kull jum hija kif ġej:-
- Tabib Lm17.85 (din tinkludi Ħdud u day allowance)
- SRN Lm19.00 (din tinkludi allowances u premiums)
- SEN Lm15.50 (din tinkludi allowances u premiums)
- H/Asst Lm11.96 (din tinkludi allowances)
- Hosp. Aux. Lm11.09 (din tinkludi overtime tal-Ħadd)
- *Driver Lm20.60 (din tinkludi overtime matul
il-ġimgħa u l-Ħadd)
- Boroż ta' demm
u l-iproċessar Lm17.00
_____________________________________________
Total Lm113
Ma' dawn iridu jiżdiedu spejjeż ta' insurance, liċenzja, petrol u
maintenance.
* Billi hemm xufier wieħed biss, isir ammont konsiderevoli ta'
overtime. Il-possibilta' li jiżdiedu iżjed xufiera diġa' ġiet
aċċettata bħala prinċipju u qiegħed isir dak kollu possibbli biex
dan jitwettaq.
B'riferenza għad-domanda parlamentari numru 1031 u t-tweġiba li ta l-Ministru, jista' l-Viċi Prim Ministru jirrispondi d-domanda skond ma jippermettu l-proċeduri u r-regoli tal-Kamra?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Peress li l-proċedura u r-regoli tal-Kamra, ma jippermettux l-interpellanza kif magħmula, fid-domanda parlamentari 1031, ma għandi xejn x'inżid mar-risposta gja magħmula.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fejn hemm vakanzi ta' kunsilliera fil-kunsilli lokali f'Malta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li sal-Ġimgħa, 11 ta' Diċembru 1998 f'Malta
kien hawn vakanza waħda ta' kunsillier, fil-Kunsill Lokali
ta' Lija.
F'Għawdex kien hemm oħra, fil-Kunsill Lokali ta' Sannat.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija li għamiltlu waqt id-diskussjoni dwar il-voti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu, jiġifieri x'jiġri minn persuni separati li jkollhom digriet mill-Qorti għal manteniment, iżda l-ex raġel ma jagħtihomx dan il-manteniment, dawn se jkunu ntitolati għaż-żieda fl-entitlement fuq it-taxxa tad-dħul?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Mistoqsija ta' l-Onor. Interpellant ġiet imwieġba fid-diskors ta' l-għeluq waqt id-diskuzzjoni tal-vot ta' dan il-Ministeru. Jekk l-Onor. Interpellant trid aktar informazzjoni allura hi ġentilment mitluba tirreferi d-domanda lill-Ministru responsabbli mid-Dipartiment tax-Taxxi Interni.
15.12.98
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li biex speċjalista dentali tara pazjent biex jagħmel il-braces ġie mogħti appuntament minn Ottubru, 1998 sa Settembru, 1999?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ir-raġunijiet għaliex l-ispeċjalista inkarigat mill-Orthodontics idum kważi sena biex jara l-pazjenti riferuti lilu huma:
(1) Dan l-ispeċjalista qiegħed fuq parental leave; iżda joffri
s-servizzi tiegħu darba fil-ġimgħa. F'ġimgħa waħda jara
każijiet ġodda, waqt li l-ġimgħa ta' wara jagħmel
operazzjonijiet u reviews.
(2) Il-konkorrenza għal din il-klinika hija kbira (45 pazjent
kull darba).
(3) Id-Dipartiment tas-Saħħa ilu li ħa ħsieb din is-sitwazzjoni.
Fil-fatt, waqt li l-post-Senior Registrar fl-ispeċjalita'
għadu vojt - hemm dentista li qiegħed jistudja barra biex
jispeċjalizza fl-Orthodontics (megħjun) bi study leave
mingħajr paga mid-Diviżjoni tas-Saħħa. Dan mistenni li
jiggradwa fi żmien sentejn.
Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel il-Gvern dwar il-bżonn ta' aktar tobba fil-Health Centres waqt il-ħin taċ-ċertifikati tal-mard u r-riċetti tal-mediċini b'xejn?
Response (DEGUARA, LOUIS)
It-tqassim tat-tobba fiċ-Ċentri tas-Saħħa jsir skond ir-riżorsi umani disponibbli.
Il-problema ta' nuqqas ta' tobba fiċ-Ċentri tas-Saħħa hija waħda li ilha għaddejja għal żmien twil u d-Dipartiment tas-Saħħa qed jagħmel minn kollox biex jingaġġa tobba ġodda kemm fuq bażi full-time kif ukoll part-time.
Jista' l-Ministru jgħid meta se ssir Triq il-Ġdida fi Triq il-Ħelsien, f'Ħal Qormi li hija ta' periklu kemm għal min joqgħod fiha kif ukoll għal min jgħaddi minnha?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-parti ġa miftuħa ta` Triq il-Ġdida fi triq il-Ħelsien hija diġa asfaltata u għalhekk ix-xogħol fiha irid isir mill-Kunsill Lokali. Il-parti tat-triq li għadha mhix miftuħa għax fiha għad m`hemmx żvilupp tinfetaħ aktar il quddiem meta jitlesta l-bini fiha, flimkien mas-servizzi neċessarji.