Legislature:
Category:
Reset
Active:

SWDP

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta mara tiġi msawta u l-każ jidħol fl-SWDP u tiġi riferuta għal shelter, l-SWDP tibqa' ssegwi l-każ? Jekk iva, b'liema mod?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Meta mara tiġi rreferuta għal shelter mit-Taqsima Vjolenza fid-Dar ta' l-SWDP, din tibqa' tiġi segwita mis-Social Workers tat-taqsima. Dan isir billi: Waqt li l-persuna għadha ġo shelter: . Jiġu ffaċlitati kuntatti mal-pulizija fir-rigwared ta' rapporti jew ċertifikati mediċi. . Jingħata support billi jsir counselling mal-mara abbużata. . Tingħata għajnuna billi jiġu analiżżati l-alternattivi kollha u l-konsegwenzi ta' l-alternattivi u tittieħed deċiżjoni fuq l-aħjar alternattiva. . Jiġi aċċertat li t-tfal li hemm mal-mara jissetiljaw fix-shelter u wkoll jekk ikun hemm il-bżonn jiġi ffaċilitat it-tibdil fl-iskola (mill-lokalita' tad-dar tal-persuna għal-eqreb lokalita' tax-shelter). . Jiġi ffaċilitat kuntatt legali jekk ikun hemm bżonn. . Isiru case conferences u case review ma' min imexxi ix-shelter, u min ikun qed jgħin il-mara minn naħa tax-shelter. . Jekk ikun hemm il-bżonn jiġi ffaċilitat li l-mara tibda tieħu assistenza soċjali jekk tikkwalifika għaliha. . Isir xogħol ta' advocacy mad-Dipartiment tas-Social Housing jekk il-mara tiddeċiedi li se tissepara u jkollha bżonn post fejn toqgħod. . Jekk il-persuna tiddeċiedi li se tissepara tiġi akkumpanjata l-Qorti skond il-bżonn. . Jekk il-persuna tkun tixtieq terġa' tirritorna d-dar, is-Social Workers tat-Taqsima jaħdmu sabiex hi u wliedha ma jkunux f'periklu. . Tiġi ffaċilitata għajnuna lil min ikun qed jabbuża. Meta din titlaq mix-shelter, l-għajnuna tibqa' tingħata wkoll. 15.12.98

Ministeru għall-Politika Soċjali — Dipartimenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema dipartimenti li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu żar u f'liema data żar kull dipartiment f'kull każ? Liema kienu d-dipartimenti li ma żarx sal-lum?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant. 15.12.98
Leg 9 PQ #1781 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

San Pawl il-Baħar — Xogħlijiet fit-toroq

Question

Jista' l-Ministru jinkludi fl-estimi tas-sena 1998 ix-xogħlijiet ta' l-għoti ta' tarmac u rranġar ta' bankini ta' Triq Għajn Rasul u Triq Patri Gwann F. Grima, f'San Pawl il-Baħar?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 1758 (Seduta 31).
Leg 9 PQ #1782 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Buġibba — Asfaltar ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jara li jinkludi fil-programm tat-tarmac tat-toroq Triq Sir Luigi Preziosi, Buġibba? Peress li r-residenti ilhom is-snin jilmentaw sabiex din it-triq tiġi rranġata, jista' l-Ministru jara li jsir kordinament mal-kunsilli lokali u d-dipartiment konċernat sabiex ix-xogħlijiet isiru immedjatament?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #1783 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Buġibba — Asafaltar ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jara li jinkludi fil-programm tat-tarmac tat-toroq, Triq it-Tempesta, Buġibba? Billi r-residenti ta' din it-triq ilhom is-snin jilmentaw sabiex tiġi mogħtija t-tarmac, jista' l-Ministru jawtorizza x-xogħlijiet immedjatament? Jekk fl-affermattiv ,meta?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.

Djar — Għajn Qajjed, Rabat

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra l-possibbilta' li jsiru lifts fil-housing estate ta' Għajn Qajjed, fir-Rabat, Malta? Kemm fil-fatt huwa n-numru ta' familji residenti f'dan il-qasam tad-djar? Billi f'dan il-housing estate hemm toroq li jeħtieġu wiċċ tarmac, jista' l-Ministru jara li jsir kordinament meħtieġ ma' l-awtoritajiet konċernati, inkluż il-Kunsill Lokali tar-Rabat sabiex isir dan ix-xogħol? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-Tweġibiet għal Mistoqsijiet Parlamentari Nri. 409 u 639 rigwrd il-kwistjoni ta' stallar ta' lifts. Rigward it-toroq nagħti parir lill-Onor. Interpellant jagħmel dil-Mistoqsija lill-Ministeru għat- Transport. 15.12.98
Leg 9 PQ #1894 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa Racing Club

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 838 dwar in-nuqqas ta' tagħrif mogħti għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 215, jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti tal-mistoqsija? Għaliex tħalla barra l-ammont indikat minni ta' nuqqas ta' ħlas ta' kera? Jista' l-Ministru jgħid f'liema snin kien chairman tal-Marsa Racing Club s-Sur Paul Midolo u peress illi qal li meta ma tħallsitx il-kera dovuta mill-gvern ma kienx chairman is-Sur Midolo, jista' l-Ministru jgħid min kien iċ-chairman?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-ħlas tal-kera dovuta lill-Gvern ilu ma jsir mill-1987. Iċ-Chairman tal-Club bejn l-1987 u l-1990 kien is-Sur Alfred Sant Fournier u s-Sur Paul Midolo kien Chairman bejn l-1990 u l-1996. Ta' min jinnota li l-ħlas tal-kera ma sarx lanqas bejn l-1996 u l-1998 meta kien Chairman is-Sur George Borg Cardona li kien ġie maħtur mill-Onor. Inerpellant.
Leg 9 PQ #1895 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Marsa Racing Club

Question

B'riferenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 837, jista' l-Ministru jgħid x'kien il-ftehim milħuq bejn il-kumitat u l-membri (sidien u ġerrejja) tal-Marsa Racing Club? Dawn ta' l-aħħar intalbu xi kontribut finanzjarju biex isiru x-xogħlijiet indikati?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol ta'l-upgrading tal-korsa sar wara ftehim li ntlaħaq fil-Kumitat Eżekuttiv iżda dejjem kien hemm qbil bejn il-Kumitat u s-sidien li kienu jinżammu infurmati permezz ta' laqgħat li kienu jissejħu apposta. Ma kien hemm ebda kontribut finanzjarju dirett mis-sidien lejn dan il-proġett.
Leg 9 PQ #1980 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Edukazzjoni — Għalliema/instructors

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm għalliema/instructors tal-Gvern li ġew trasferiti biex jaħdmu f'segretarjati tal-ministeri u segretarji parlamentari?

Response (GALEA, LOUIS)

Tweġiba diġa' ingħatat f'Mistoqsija oħra.
Leg 9 PQ #1981 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Dipartiment tal-Konsumatur

Question

B'riferenza għat-tweġiba tiegħi mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 985 dwar il-każijiet li tressqu quddiem id-Dipartiment tal-Konsumatur, jista' l-Ministru jgħid: (a) x'kienu l-116-il każ mit-total ta' 669 li kien hemm fl-1998 li ma joħroġx fil-breakdown mogħti, ladarba ma kenux ġustifikati u lanqas milqugħa; u (b) jista' jwieġeb il-parti tal-mistoqsija: "X'passi ttieħdu kontra dawk li kisru l-liġi?"

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-breakdown mogħti għall-mistoqsija parlamentari numru 985, fil-fatt ma joħroġx l-ammont ta' 216-il każ. Jiena nfurmat li 110 każi għadhom qed jiġu ttrattati mit-Tribunal għall-Affarijiet tal-Konsumatur u l-106 każi l-oħra għadhom qed jiġu investigati mid-Dipartiment. Id-Dipartiment għall-Affarijiet tal-Konsumatur għandu l-funzjoni ta' medjazzjoni u għalhekk hija l-policy ta' l-istess dipartiment bħalma hija l-prattika fl-Ewropa, li jeduka kemm lill-kummerċjant kif ukoll lill-konsumatur. Jittieħdu passi legali kontra l-kummerċjant kemm il-darba dan ma jirregolax ruħu wara li d-dipartiment ikun ġibidlu l-attenzjoni għall-irregolarita'. Din hija l-policy imħaddma fl-Ewropa. Fil-fatt l-Ombudsman tal-Konsumatur ta' l-Isvezja, waqt żjara f'Ġunju ta' l-1997 fuq stedina tal-Ministeru tal-Finanzi, ikkonferma li huwa jopera fuq il-linji adottati f'pajjiżna.

Portijiet — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx ħsieb li fir-rigward tal-ħaddiema tal-port, magħrufin bħala "tal-guy", hux se jkun permess illi l-ulied subien jieħdu l-post tax-xogħol li wirtu mingħand il-parentela tagħhom, minkejja li meta seħħ il-wirt kienu għadhom taħt l-eta' iżda llum il-ġurnata laħqu l-eta' maġġorenni? Jista' l-Ministru jispjega l-policy tal-gvern għal dawn il-ħaddiema tax-xatt? Is-sistema tal-wirt tal-post tax-xogħol se tibqa'? Jekk fl-affermattiv, kif?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li skond ir-Regolamenti ta` l-1993 dwar il-Ħaddiema tal-Port, waħda mill-kundizzjonijiet mitluba sabiex iben ta`ħaddiem tal-port ikun eliġibli biex jimla il-vakanza ta` meta jirtira l-missier hi li fid-data ta` l-irtirar tal-missier irid ikollu `l fuq minn 18 il- sena. Minkejja dan, ir-Regolamenti jipprovdu wkoll li iben ta` ħaddiem tal-port li jkun taħt it-18 il-sena iżda akbar minn 16 il-sena fiż-żmien li fiħ il-missier imut jew jirtira jista` jirreġistra bħala Ħaddiem prospettiv fi żmien xahar mill-mewt jew irtirar mix-xogħol tal-missier. L-iben minuri jikkwalifika għar-reġistrazzjoni ta` ħaddiem tal-Port meta jagħlaq 18-il sena u jkun jissodisfa l-kundizjonijiet għall-mili ta` vakanza ta` ħaddiem tal-port. Ir-Regolamenti ta` l-1993 jistabbilixxu li d-dritt tal-wirt ma jibqax jiġi applikat għal dawk il-ħaddiema li ġew reġistrati bħala ħaddiema tal-port wara t-23 ta` Ottubru 1992.
Leg 9 PQ #2291 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Prodotti — Żieda fil-prezzijiet

Question

B'riferenza għall-aħħar diskors tal-Budget moqri mill-Onor. John Dalli, jista' l-Ministru jiggarantixxi li matul is-sena li ġejja ma joħorġux legal notices li bihom jgħolew xi oġġetti u b'hekk tgħola l-ħajja?

Response (BONNICI, JOSEF)

Naħseb li la jiena u lanqas l-ebda Ministru ieħor ma' jista' jiggarantixxi dak li qed jitlob l-Onorevoli Interpellant. Jiena ċert li lanqas fl-amministrazzjoni preċedenti ma setgħet tingħata tali garanzija.
Leg 9 PQ #2536 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kerċem — Tħaffir għaż-żejt

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema stadju wasal it-tħaffir għaż-żejt f'Kerċem u x'inhuma l-indikazzjonijiet mogħtija mill-esperti kemm tal-gvern u kemm tal-Kumpannija Saipem?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li t-tħaffir tal-bir f'Kerċem wasal fond ta' madwar 7000m. L-indikazzjonijiet mogħtija mill-esperti kienu u għadhom inkoraġġanti u għaldaqstant, jekk ma jinqalgħux diffikultajiet jew ċirkustanzi mhux mistennija, il-bir ser jiġi ttestjat fil-ġimgħat li ġejjin. Wara li jitlestew dawn it-testijiet, inkunu nafu aħjar jekk il-bir għandux potenzjal kummerċjali jew le.

Djar — Allokazzjoni ta' postijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġew allokati postijiet mid-29 ta' Ottubru, 1998 sad-9 ta' Diċembru, 1998? Jista' l-Ministru jgħid mil-liema lokalitajiet ġew allokati dawn il-postijiet? Jista' l-Ministru jgħid f'numri, mil-liema lokalitajiet huma dawk li gawdew mill-allokazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi mid-29 ta' Ottubru sad-9 ta' Diċembru 1998 ġew allokati 33 post. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-postijiet kif ġew imqassma. 15.12.98
Leg 9 PQ #2538 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru tal-Finanzi

Exchange Bureaux

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn reġistrati f'Malta u f'Għawdex Exchange Bureaux? Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma r-rekwiżiti neċessarji biex tinfetaħ Exchange Bureaux? Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom huma konformi fil-ħlas tal-liċenzji meħtieġa? Jekk jirriżulta li numru minnhom mhux konformi, x'inhu jagħmel il-gvern biex dawn jikkonformaw? Kemm hija l-miżata ta' liċenzja biex tinfetaħ Exchange Bureaux?

Response (DALLI, JOHN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f`xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #2551 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Pembroke — Science Centre - Titjib

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu l-pjanijiet għat-titjib tas-Science Centre f'Pembroke li kienu nbdew fi żmien l-Amministrazzjoni Laburista?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li minn naħħa tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni tħejjew: 1. pjanti ta' rehabilitazzjoni ta' bżonn immedjat 2. pjanti ta' rehabilitazzjoni ta' xejra "long term" 3. lista ta' prioritajiet Dawn ġew mgħoddija lill-awtoritajiet konċernati. Inżammu diversi laqgħat bħala tħejjija għal pjan strutturat.
Leg 9 PQ #2552 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Mtarfa - Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkomplew ix-xogħlijiet ta' manutenzjoni fl-iskola primarja ta' l-Imtarfa biex din tkun tista' tilqa' in-numru dejjem jikber ta' tfal f'din il-lokalita'?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-Iskola Primarja ta' l-Imtarfa hija waħda mill-iskejjel li jipparteċipaw fl-iskema ta' koperazzjoni bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni u l-Kunsilli Lokali. Għalhekk il-manutenzjoni meħtieġa f'din l-iskola ser jitkomplew matul is-sena 1999.
Leg 9 PQ #2553 Sitting 34 1998-12-13 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Kordin — Kumpless vokazzjonali

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'xogħlijiet hemm maħsuba għall-kumpless vokazzjonali ta' Korradino barra minn dawk tas-servizzi infrastrutturali bl-ispiża ta' Lm149,995 li sejħa għall-offerti għalihom kienet ħarġet fi żmien l-Amministrazzjoni Laburista li permezz tagħhom qed jitwasslu s-servizzi adegwati wara l-bieb ta' kull blokk?

Response (GALEA, LOUIS)

Kif diġa tħabbar, waqqafna Steering Committee li ser jieħu ħsieb jiggwida programm sħiħ ta' ħidma li għandu jwassal għall-ftuħ ta' Istitut għall-Arti, Xjenzi Applikati u Teknoloġija. Wieħed mit-termini ta' riferenza huwa propju li jara x'inhuma l-faċilitajiet meħtieġa. Il-kumitat għadu kif beda x-xogħol tiegħu, u qiegħed isir studju biex jistabbilixxi l-prioritajiet tax-xogħlijiet li hemm bżonn.