Jista' l-Ministru jara li Sqaq San Gejtanu (maġemb il-Knisja ta' San Gejtanu) li jagħti għat-Torri l-Aħmar limiti ta' Lambordi ġewwa Marsascala jingħata wiċċ tal-konkos jew bitmac peress li qed ikun ta' inkonvenjent għal numru kbir ta' bdiewa?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li din it-triq hija kkunsidrata bħala Farm Road, l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk razzett antik fi Triq San Ġużepp (faċċata ta' Triq Sant'Antnin) ġewwa Ħaż-Żabbar huwiex bini skedat u xi pjani hemm fuq dan il-bini?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fl-inħawi ta' Triq San Gużepp u Triq Sant' Antnin tal-Plier, f'Ħaż Żabbar, l-Awtorita' ta' l-Ippjanar ma skedat l-ebda proprjeta'. Din iż-żona qiegħda ukoll barra ż-żona ta' konservazzjoni urbana. L-Environmental Management Unit tkun interessata tiskeda dan ir-razzett jekk huwa ta' interess storiku u kulturali u tkun grata jekk tiġi sottomessa pjanta u l-proprjeta' msemmija tkun immarkata għal-investigazzjonijiet ulterjuri. Dan l-inħawi huwa rik b'eżempju ta' arkittettura vernakulari.
15.12.98 (2pm)
Jista' l-Ministru jgħid kif wara li għall-ħabta ta' Mejju/Lulju saru l-interviews għal Head of Centre ta' l-Adult Training Centre s'issa għadu ma ħareġ ebda riżultat uffiċjali?
Jista' l-Ministru jispjega kif l-interviewers ikunu jafu riżultat min qabel ma jiġi ppubblikat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-interviews għall-postijiet ta' Head of Centre ta' l-Adult Training Centre saru f'April u r-rakkomandazzjonijiet tas-Selection Board intbagħtu lill-Kummissjoni għas-Servizz Pubbliku f'Mejju jiġifieri qabel l-elezzjoni tal-5 ta' Settembru. Għalhekk il-Ministeru tiegħi ma kellu x'jaqsam xejn mal-interviews u mar-rakkomandazzjonijiet tas-Selection Board.
Ma nistax nifhem it-tieni parti tal-Mistoqsija għax l-interviewers huma l-membri tas-Selection Board u jkunu huma stess li jiffirmaw ir-riżultat ta' l-interviews.
15.12.98
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar jekk il-minuti tal-Bord ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar (bħala koporazzjoni pubblika) humiex uffiċjalment pubbliċi? Jekk iva, meta ġew ippubblikati l-aħħar dawn il-minuti? Jekk le, x'aċċess jeżisti għalihom?
Response (BORG, TONIO)
L-Onor. Interpellant huwa infurmat illi dawn il-minuti mhumiex pubbliċi u huma aċċessibbli biss għall-membri tal-bord.
15.12.98 (2pm)
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont iddettaljat ta' kemm mill-impjegati ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar għandhom karozza jew car allowance jew it-tnejn li huma? Jista' jgħid ukoll: (a) kemm hemm impjegati li għandhom karozza jew car allowance jew it-tnejn li huma, fil-kuntratt tagħhom; (b) liema gradi u karigi jokkupaw dawn l-impjegati; (ċ) id-dati ta' meta ngħataw il-karozzi u l-allowances in kwestjoni; u (d) kemm hemm xufiera u karozzi impressed jaħdmu ma' l-awtorita' jew mqabbda fuq bażi kuntrattwali?
Jista' l-Ministru jipprovdi rendikont iddettaljat tal-kondizzjonijiet, benefiċċji u bonuses kuntrattwali li għandhom l-membri individwali tal-management tad-Direttorat ta' l-Ippjanar inkluż ż-żewġ diretturi?
Jista' l-Ministru jipprovdi ukoll rendikont tal-performance bonuses li ngħataw lid-Direttur ta' l-Ippjanar, lill-managers individwali u lill-impjegati?
Jista' l-Ministru jgħid meta twaqqaf is-Susbtance Abuse Therapeutic Unit?
X'inhu l-irwol tiegħu?
Kemm hemm priġunieri f'dan il-unit?
Hemm il-ħsieb li jiżdiedu l-priġunieri f'dan il-unit?
X'sar minn dan il-unit fis-sena u nofs li għaddew?
Response (BORG, TONIO)
Is-Substance Abuse Therapeutic Unit ġiet imwaqqfa f'Ottubru 1996 f'Diviżjoni VII tal-Ħabs.
L-irwol ta' din il-Unit huwa li tkun ta' għajnuna permezz ta' programm ta' rijabilitazzjoni għal dawk il-priġunieri li għandhom problema tad-droga u alkoħol u li, volontarjament, ikunu jridu jagħmlu dan il-programm.
Fil-preżent hemm 14-il priġunier f'dan il-Unit.
It-tkabbir ta' dan il-Unit qiegħed jiġi kkunsidrat fid-dawl ta' l-esiġenzi tad-diversi priġunieri li jidħlu fil-Ħabs.
Fis-sena u nofs li għaddew, il-Unit kompliet tagħti programm ta' rijabilitazzjoni lill-inmates li ntgħażlu għal dan il-għan u fl-istess waqt kompla għaddej ix-xogħol ta' rranġar fl'istess Unit. F'Marzu ta' l-1997 il-Unit ġiet trasferita għal dik li kienet l-iskola ta' l-Imtaħleb. Il-Unit hi attrezzata biex titħaddem independentiment mill-Ħabs. Matul dan il-perijodu għaddew mill-programm ta' rijabilitazzjoni 100 priġunier. Din il-Unit qed tagħti servizz ta' kommunita` fuq bażi regolari f'Dar il-Kaptan l-Imtarfa.
15.12.98 (2pm)
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 2419 u dan b'riferenza għall-PAB 587/95/E rigward l-iżvilupp fil-Qawra wara deċiżjoni tal-Bord ta' l-Appelli kontra l-istess applikant?
Response (BORG, TONIO)
Jien infurmat li b'referenza għad-domanda parlamentari 2419 segwita b'2688 irid jingħad illi l-każ inbeda bi ħruġ ta' ordni ta' infurzar ECF 451/94 nhar il-31 ta' Awissu, 1994. Appell minn din l-enforcement ġie dikjarat invalidu fis-26 ta' Jannar, 1998. Sussegwentement, applikazzjoni PA 443/98 ġiet sottomessa fis-27 ta' Jannar, 1998 u rifjutata fit-8 ta' April, 1998.
Fiċ-ċirkostanzi l-każ qiegħed jiġi eżaminat sabiex jittieħdu dawk il-passi neċessarji skond il-liġi u possibilment segwiti bit-tneħħija tal-ksur b'azzjoni diretta mill-Awtorita` għas-spejjeż tas-sid.
15.12.98 (2pm)
Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallas overtime direttament mill-Korporazzjoni Enemalta lill-impjegat tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma li ismu qed jintbagħat separatament matul dawn l-aħħar għaxar snin, ċioe' mill-1988 sa 1998?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u se tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jara min ta l-ordni u taħt liema permess skond il-liġi ngħatat din l-ordni biex żona f'Hope Street, Mosta fejn dan l-aħħar saret bus shelter ġie wkoll dikjarat "no parking zone"?
Response (BORG, TONIO)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirrferi din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
15.12.98 (2pm)
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx maħsub xi titjib fis-sistema ta' distribuzzjoni ta' l-ilma li joħroġ mill-impjant tar-riċiklaġġ ta' l-impjant ta' Sant'Antnin?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi tibdil fil-pjanti jew dettalji oħra fit-twettiq tal-proġett ta' bini ta' dining room fir-Residenza ta' San Vinċenz de Paule li kien imbeda taħt l-Amministrazzjoni Laburista?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Rigward ir-'refurbishment' tad-Dining Room fir-Residenza San Vinċenz ma sar l-ebda tibdil fil-pjanti oriġinali. Nista ngħid li sar xi tibdil żgħir f'xi dettalji u żgur li x-xogħol sar aktar bil-ħeffa milli kif kien qed isir qabel. Inżid ngħid li billi rajna li ma kienx fiħ sens li jsir 'refurbishment' tad-Dining Room u tħalli l-bitħa ta' ħdejha u l-kuruturi ta' madwar il-bitħa fl-istat miżeru li kienu, kemm il-bitħa u kemm il-kuruturi ġew miksija b'madum apposta u saret ukoll upgrading ġenerali ta' dawn l-inħawi.
15.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-attendenza fuq bażi ta' daily average f'dawn l-aħħar tmien xhur f'kull day centre ta' l-anzjani taħt it-tmexxija tal-Gvern?
Jista' l-Ministru jgħid kellux xi laqgħat mal-Kunsill Lokali tar-Rabat u ta' l-Imdina dwar il-ftuħ ta' day centre fid-dar ta' l-anzjani fl-Imtarfa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Is-Segretarju Parlamentari f'dan il-Ministeru kellu laqgħat mall-Kunsill Lokali tar-Rabat u ta' l-Imdina. F'dawn il-laqgħat tkellmu wkoll dwar id-Day Centre ta' l-Imtarfa, li suppost kellu jinfetaħ fiż-żmien l-amministrazzjoni preċedenti u baqa' ma nfetaħx.
15.12.98
Jista' l-Ministru jgħid minn min hu magħmul il-kumitat tat-tmexxija ta' l-anzjani fid-day centre ta' Tas-Sliema li kien twaqqaf b'inizjattiva tal-Gvern preċedenti?
X'suġġerimenti qiegħed jagħmel għat-titjib fit-tmexxija tal-post?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Risposta għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2696 qegħda tinġabar u tingħata aktar il-quddiem.
15.12.98
Ministeru għall-Politika Soċjali — Aġġustamenti fil-pjanijiet
Question
Billi dan l-aħħar intqal fil-Parlament mis-Segretarju Parlamentari f'dan il-ministeru li kien hemm xi aġġustamenti fil-pjanijiet ta' titjib li kienu ppjanati mill-Amministrazzjoni Laburista, jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif kienu dawn il-pjanti oriġinali u kif ġew emendati issa?
Min għamel jew kien involut fil-pjanijiet oriġinali u min kien involut fit-tibdil li sar?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Risposta għal din id-domanda ma tistax tiġi kkunsidrata billi m'hemmx spjegat għal x'hiex qiegħed jirreferi l-Onor. Interpellant.
15.12.98
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1741 imwieġba mill-Ministru għall-Politika Soċjali, jista' l-Prim Ministru jagħtini informazzjoni dwar x'passi qiegħed jieħu l-M.P.O. dwar dawn il-ħaddiema?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Kif wiegħed il-Gvern fid-diskors tal-Budget tal-1992, il-
ħaddiema kollha meqjusa bħala rregolari jew temporanji
ġew mogħtija impjieg fiss b'effett mill-1 ta' Jannar, 1992.
Dan l-arranġament kien ikopri dawk il-ħaddiema li kienu jew
riedu jidħlu fl-iskema ta' l-Awżiljari sal-31 ta' Awissu,
1991.
Ġara iżda illi daħlu wara din id-data madwar disgħin
ħaddiem ieħor li allura mhumiex koperti b'dan l-
arranġament u, qabel ma l-impjieg ta' dawn jiġi
regolarizzat, wieħed irid jara sew l-implikazzjonijet ma l-
Awtorita Nazzjonali tax-Xogħol u l-Korporazzjoni ta' l-
Impjiegi u Taħriġ.
Dawn l-implikazzjonijiet qegħdin jiġu mistħarrġa, wkoll fil-
qafas tal-wegħda tal-Gvern fil-Programm Elettorali li
ħaddiema li ilhom snin twal jaħdmu bħala casuals isiru tal-
fiss.