Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #1811 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Xemxija — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jinkludi fl-estimi tal-budget ta' l-1999 ix-xogħlijiet tal-bankini, asfaltar jew tarmac ta' Triq il-Preistorja, Triq Imġiebah u Triq il-Maqdes Megalitiku fix-Xemxija? Jekk iva, meta se jsiru x-xogħlijiet u jekk le, għaliex?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Nirreferi l-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari numru 1758 (Seduta 31).

Djar — Mellieħa - Ta' Pennellu

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra l-possibbilta' li jsiru l-lifts fil-Qasam tad-Djar Ta' Pennellu, fil-Mellieħa? Kemm fil-fatt hu n-numru ta' familji residenti f'dan il-Qasam tad-Djar? Billi x-xewqa tar-residenti ilha s-snin li jkollhom ġnien f'dawn l-inħawi, jista' l-Ministru jara li jikkordina mad-dipartimenti konċernati sabiex dan ix-xogħol fuq il-ġnien jinbeda fil-ġejjieni qarib? Jekk fl-affermattiv, meta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġibiet għal PQ Nru. 409 u 639 dwar il-possibilta' ta' stallar ta' lifts f'bini tal-Gvern. Rigward il-possibilta' li jsir il-ġnien f'Ta' Pennellu, ngħarraf lill-Onor. Interpellant li dan l-estate huwa wieħed minn dawk li d-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar għandu ppjanat li jfassal ġnien fih fis-snin li ġejjin. 15.12.98

Toroq — Xogħlijiet

Question

Billi jirriżulta li numru kbir ta' toroq fit-12-il distrett elettorali qatt ma raw wiċċ tarmac, jista' l-Ministru japprova programm ta' xogħlijiet sabiex ir-residenti ta' dawn it-toroq f'Buġibba, San Pawl il-Baħar, l-Imġarr, iż-Żebbiegħ, il-Manikata, il-Baħrija, ir-Rabat u l-Mellieħa jħossuhom ċittadini rikonoxxuti daqs l-oħrajn? Fil-fatt, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma dawk it-toroq li se jingħataw it-tarmac fit-12-il xahar li ġejjin?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li bħalissa qed isir il-pjan li biħ diversi toroq fil-pajjiż, inkluż fit-tnax id-distrett elettorali jkunu miksija bit-tarmac kif meħtieġ.
Leg 9 PQ #1830 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sports — Sportivi tal-muturi trials

Question

Jista' l-Ministru jikkonsidra li jestendi l-għajnuna lill-isportivi tal-kampjonati nazzjonali tal-muturi trials u motorcross sabiex jiġu eżentati milli jħallsu d-dazji u registration fees ta' dawn il-muturi peress li ma jintużawx għas-sewqan fit-toroq, imma jintużaw biss għall-kompetizzjonijiet sportivi? Billi din hija nġustizzja u qed iċċaħħad anke milli jikber dan l-isport f'Malta, jista' l-Ministru jintroduċi skema ġdida għall-Budget li ġej sabiex ma tkomplix issir inġustizzja ma' dawn l-isportivi?

Response (GALEA, LOUIS)

L-eżenzjoni mit-taxxa hija prerogattiva tal-Ministeru tal-Finanzi. Għalhekk kull talba għall-eżenzjoni għandha ssir direttament lil dan il-Ministeru mill-għaqdiet sportivi. Kull talba tiġi kkunsidrata fuq il-meritu tagħha.

Xufier — Trapjant tal-kliewi

Question

Jista' l-Ministru jinvestiga l-każ ta' wieħed li ismu u l-ID Card number tiegħu qed jintbagħtu separatament li billi huwa każ ta' trapjant tal-kliewi kien ġie assenjat xogħol ta' driver biex ma jbatix fl-amministrazzjoni preċedenti, u issa reġgħuh lura jaħdem bix-xift D, N, R, u O bi tbatija kbira għal saħħtu?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li l-impjegat tal-Malta International Airport p.l.c. li qed jagħmel riferenza għalih l-Onorevoli Interpellant kien ġie assenjat xogħol ta` Driver taċ-Chairman fuq bażi ta` Day, Day, Off, Off, fuq deċiżjoni taċ-Chairman preċedenti b`effett mis-7 ta` Jannar, 1998 qabel liema data hu kien jaħdem fuq bażi ta` Day, Night, Rest, Off, kif fil-fatt reġa tqabbad jibda jaħdem issa. Fil-perijodu li hu kien jaħdem bis-sistema ta` Day, Night, Rest, Off, qabel is-7 ta` Jannar 1998, hu qatt ma lmenta mal-Management ta` l-MIA li din is-sistema ta` xogħol kienet ta` xi tbattija għal saħħtu, għalkemm kien ilu li diġa għamel l-operazzjoni tat-trapjant tal-kliewi. Meta tkellem maċ-Chairman preżenti dwar il-problema tiegħu, l-impjegat kien infurmat li jekk iġib ċertifikat mediku li s-shift work kien qed jagħmel ħsara lil saħħtu, l-ħinijiet tax-xogħol tiegħu kienu jiġu riveduti.
Leg 9 PQ #2292 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

UE — Sħubija ta' Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta u jekk Malta ssir membru sħiħ fl-Unjoni Ewropea, kif dan jaffetwa l-kondizzjonijiet ta' l-għalliema? Veru li l-kondizzjonijiet ta' l-għalliema Maltin huma l-aħjar fost il-pajjiżi Ewropej? Tista' l-Unjoni Ewropea timponi tibdil f'dan ir-rigward? Jista' l-Ministru jagħti comparative analysis ma' dawk tal-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropea separatament?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li bi sħubija fl-Unjoni Ewropeja l-għalliema Maltin għandhom jibbenefikaw minn parteċipazzjoni fil-programmi edukattivi ta' l-Unjoni Ewropeja. Jekk il-kundizzjonijiet ta' l-għalliema humiex l-aħjar jew le fost il-pajjiżi Ewropej, ma nistax ngħid għax dan il-ġudizzju irid ħafna studju dettaljat. M'iniex f'pożizzjoni li nagħti 'comparative analysis' tal-kundizzjonijiet ta' l-għalliema Maltin vis-a-vis il-pajjiżi ta'l-Unjoni Ewropeja.
Leg 9 PQ #2300 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar San Luqa — Persuna b'arma tan-nar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk jafx min kienet dik il-persuna li skond kif ġie rrapportat fuq il-mezzi tax-Xandir nhar il-ġimgħa 13 ta' Novembru, 1998 kienet qed iġġorr arma tan-nar fl-Isptar San Luqa? Jekk il-Ministru jaf, jista' jgħid x'kienet u kemm tiswa l-ħsara li saret meta din l-arma sparat? Jista' jgħid ukoll jekk humiex se jittieħdu passi kriminali kontra l-persuna nvoluta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-każ li għalih qiegħed jirreferi għalih l-Onorevoli Interpellant hu f'idejn il-pulizija. Sa issa l-persuna għadha ma ġietx identifikata, iżda jekk dan iseħħ, żgur li jittieħdu passi kriminali kontra tagħha. Il-ħsarat li saret meta l-arma sparat ikkaġunat toqba żgħira fis-saqaf tal-kuridur li jinfed mill-Isptar San Luqa għal Karen Grech Theatre. Din il-ħsara hi kkunsidrata minima.
Leg 9 PQ #2301 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Ħabs ġdid

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se tkun l-ispiża tal-ħabs il-ġdid li qed jinbena? Meta se jkun lest? Jista' l-Ministru jgħid ukoll jekk huwiex se jkun hemm klinika adegwata tajba biżżejjed bi staff mediku ta' tobba u nurses, biex meta xi priġunier jiġrilu xi ħaġa ma jintbgħatx fl-Isptar Monte Carmeli ta' Ħ'Attard?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li l-ewwel fażi tal-bini tal-proġett tal-Ħabs ta' Kordin li huwa stmat li tiswa madwar Lm883,948 mistennija li titlesta għal Frar tal-1999. It-tieni fażi tal-proġett huwa stmat li se jkun jiswa madwar Lm2,810,000 u huwa maħsub li jitlesta sa l-aħħar tas-sena 2001. Peress li għad irid isiru negozjati mal-kuntrattur dwar l-istima finali tal-proġett, il-figura kkwotata għat-tieni parti tista' tvarja. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li fil-ħabs diġa' teżisti faċilita' ta' tobba u nurses li jkopru erba' u għoxrin siegħa kuljum. Hu maħsub li meta jitlesta l-ħabs il-ġdid ikun hemm faċilita' fejn jiġu rikoverati priġunieri dment li dawn ma jkunx hemm bżonn li jittieħdu l-isptar għal xi operazzjoni jew intervent ieħor (kirurġiku jew mentali) li ma jkunx jista' jsir fil-ħabs stess. 15.12.98 (2pm)
Leg 9 PQ #2302 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli — Ward 10

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħalqu l-Ward 10 ta' l-irġiel u dik tan-nisa fl-Isptar Monte Carmeli? Jista' jgħid x'se jsiru mill-pazjenti li normalment ikollhom bżonnhom jinżammu fis-single rooms għax jistgħu jkunu ta' ħsara għalihom jew għal pazjenti oħra?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Il-problema tal-ward 10 ser tiġi solvuta fis-sena 1999. Qiegħed jiġi studjat proġett li permezz tiegħu l-male ward 10 tintuża biss għal priġunieri; il-female ward 10 tiġi adattata bħala medium term unit tan-nisa b'sezzjoni ta' sigurta' iżjed moderna u limitata; il-male ward 2 ukoll tiġi adattata bħala medium term unit ta' l-irġiel b'sezzjoni ta' sigurta' moderna u limitata; il-female ward 6 issir mixed short stay acute admission ward (bħal ta' St. Luke's u Għawdex) b'mixed day living area u b'sezzjonijiet ta' rqad separati. Din l-aħħar unit tiġi eventwalment trasferita għall-isptar il-ġdid, Tal-Qroqq.
Leg 9 PQ #2303 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar Monte Carmeli — Drug addicts

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex drug addicts qed jiġu riferuti fl-Isptar Monte Carmeli? Jista' jgħid ukoll x'tip ta' kura dawn jingħataw f'dan l-isptar li ma tistax tingħata f'postijiet oħra? Jaħseb il-Ministru li dawn id-drug addicts ma jsofru mill-ebda mard mentali? Jaħseb ukoll li meta jkunu hemm jistgħu jkunu ta' ħsara għalihom jew għal ħaddieħor?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Drug addicts ġieli jkollhom problemi oħra ta' natura psikjatrika, jew bħala marda mentali, inkella bħala difett fil-karattru tagħhom, jew inkella bħala mġieba perikoluża kkawżata mill-istat akut tal-abbuż tad-droga. Ukoll ċerti tipi ta' abbużi jistgħu huma stess jikkawżaw mar mentali li jirrikjedi li l-pazjent jidħol temporanjament ġo sptar mentali. Diversi pazjenti bi problemi differenti jistgħu jkunu ta' ħsara għal ħaddieħor u mhux possibbli li l-kategoriji kollha jiġu mifrudin minn xulxin. Huwa x-xogħol ta' l-isptar illi fejn pazjenti huma mħalltin ma' xulxin, jittieħdu l-miżuri meħtieġa skond ir-riżorsi li jeżistu biex din il-ħsara tiġi minimizzata.

Sigurta' Soċjali — Children's allowance

Question

B'riferenza għad-diskors tal-Budget mill-Ministru John Dalli, jista' l-Ministru jgħid kemm se jibbenefikaw familji għaċ-children's allowance li jkollhom aktar minn ħamest itfal u li d-dħul tagħhom tela' minn Lm10,000 għal Lm13,000?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta għall-Mistoqsija Nru. 2031. 15.12.98
Leg 9 PQ #2557 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Raħal Ġdid - Kindergarten

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda l-proġett ta' bini ta' kindergarten ġdid fiż-żona magħrufa bħala ta' Lourdes f'Raħal Ġdid flok dak eżistenti?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni f'dan l-istadju għandha prioritajiet oħra.
Leg 9 PQ #2558 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

Rigward il-ftehim kollettiv għall-impjegati tas-Servizz Pubbliku għas-snin 1999-2001, jista' l-Prim Ministru jgħid x'se jsir konkretament biex iseħħ bil-fatti dak li hemm f'punt 1.1.1. fejn hemm rikonoxxuti l-aspettattivi leġittimi taċ-ċittadini Maltin għall-kwalita' aħjar tas-servizz mill-impjegati tas-Servizz Pubbliku? Xi progress jista' jirrapporta dwar l-effiċjenza tas-Servizz Pubbliku dwar dak li ntqal fil-Budget għall-1994 li ż-żidiet fil-pagi ta' l-impjegati tal-gvern "Dan għandu jittraduċi ruħu f'effiċjenza akbar, produttivita' akbar u servizz aħjar lil pubbliku"? Jaħseb il-Prim Ministru li dak li ntqal fil-Budget għall-1994 seħħ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Biex iseħħu l-inizzjattivi strateġiċi tal-Gvern li hemm elenkati f'paragrafu 1.1. tal-Ftehim Kollettiv, il-Gvern flimkien mal-Unions, sejjer jieħu l-passi kollha neċessarji biex jindirizza b'impenn il-bżonnijiet li jidhru miġbura f'paragrafu 1.3. tal-Ftehim. Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija l-Onor Membru jidher li qiegħed jirreferi għar-Riforma li saret b'seħħ mill-1 ta' Jannar 1991. Permezz ta din il-bidla, is-Servizz Pubbliku ttrasforma ruħu minn fuq s'isfel - kemm għall-kapijiet li jinħatru fuq kuntratt u kemm għall-impjegati aktar l-isfel li, permezz tar-Riforma nġabru fi gruppi aktar omoġenji bil- ħatriet u promozzjonijiet isiru fuq bażi ta' mertu aktar milli anzjanita. Sar ukoll investiment kbir fl- informatika u fit-taħriġ tal-ħaddiema u dan irriżulta f'effiċjenza akbar u f'servizz aħjar. Għalkemm dejjem jibqa lok għal titjib, it-tweġiba għall- aħħar parti tal-mistoqsija hija fl-affermattiv.
Leg 9 PQ #2560 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'se jsir matul is-snin 1999-2001, sena b'sena, b'mod konkret biex isseħħ 1.3.3. li hemm imniżżel fil-ftehim kollettiv tas-Servizz Pubbliku dwar taħriġ għall-impjegati pubbliċi biex ikollhom is-snajja' meħtieġa biex jagħmlu b'mod aktar effiċjenti ix-xogħol preżent u futur tagħhom? Kemm se jintnefaq fuq dan it-taħriġ? F'liema qafas se jsir dan it-taħriġ? Min se jmexxih?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Il-programm li qiegħed ifassal il-Gvern għat-taħriġ tal- impjegati pubblici huwa wieħed estensiv u li huwa mifrux fuq is-setturi kollha fis-Servizz Pubbliku. Minbarra s-somma ta' Lm87,000 ivvutata għall-iStaff Development Organisation fl-Uffiċċju tiegħi biex jitwettaq dan it-taħriġ fuq bażi wiesgħa, ġew ivvutati wkoll Lm825,000 għal taħriġ settorali li jitmexxa mill-Ministeri konċernati. It-taħriġ fuq bażi service-wide li jitmexxa mill-iStaff Development Organisation ikopri korsijiet speċjalizzati għall-Kapijiet tad-Dipartimenti, korsijiet ta' proċedura, finanzi, riżorsi umani u information technology fost oħrajn. Parti minn dan it-taħriġ isir f'istituzzjonijiet barra minn Malta. Kif weġibt għall-mistoqsija numru 2342 sejjer ukoll jitkompla l-eżerċiżżju li jiffoka fuq il-kapaċitajiet tal- ħaddiema ndustrijali u kif dawn il-kapaċitajiet jistgħu jiġu żviluppati u wżati b'mod aktar effiċjenti u effettiv. Għal dan l-iskop biss ġew ivvutati Lm5,000.

Impjiegi — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li bdew jirreġistraw għax-xogħol matul ix-xahar ta' Novembru u kemm kien in-numru ta' persuni li kienu qegħda u sabu x-xogħol fl-istess xahar?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F'Settembru 1998 in-numru ta' persuni li bdew jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ kien ta' 1,234. Filwaqt li numru ta' persuni li kienu qegħda u sabu xogħol fl-istess xahar kien ta' 365. 15.12.98

Impjiegi — Tfal taħt is-16-il sena

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal taħt is-16-il sena li kellhom jew għandhom il-permess li jaħdmu wara li ngħataw permess jitilqu mill-iskola din is-sena? Kemm inqabdu tfal jaħdmu bla permess din is-sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' tfal taħt is-16-il sena li nqabdu jaħdmu bla permess minn Jannar sa Novembru 1998 hu ta' 34. 15.12.98
Leg 9 PQ #2592 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Sportivi — Testing ta' doping

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' sportivi li kienu ttestjati pożittivi wara doping test li jsir waqt id-diversi kampjonati f'pajjiżna?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li mhix il-proċedura li l-għaqdiet sportivi jgħaddu r-riżultati tad-doping tests lid-Dipartiment ta' l-Isport.
Leg 9 PQ #2596 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja — Każ ta' persuna

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid fiex wasal il-każ imqajjem mill-persuna li isimha qed jintbagħat separatament quddiem il-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja? Kien hemm xi żviluppi wara l-ittra li ntbagħtet lill-Kummissjoni mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru nhar l-4 ta' Novembru, 1998 (Ref. No. OPM/J/33/98)? Għaliex id-deċiżjoni li kellha tingħata mill-Kummissjoni dwar il-każ nhar it-3 ta' Diċembru, 1998 baqgħet ma ngħatatx? Meta se ssir is-subbasta ta' l-immobbli ta' l-avukat (Ref. 91/98) li hu nvolut f'dan il-każ?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-Onorevoli Interpellant jifhem illi skond l-Art 7 ta' l- Att XI tal-1994, il-proċeduri quddiem il-Kummissjoni għall- Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u tal-Kumitat għall-Avukati, fi ħdanha, huma koperti bis-sigriet. Il-Kummissjoni tirċievi lmenti u mbgħad tikkomunika r- riżultati ta' indaġni tagħha sija lil min ikun għamel l- ilment kif ukoll lil min ikun sar l-ilment dwar l-aġir tiegħu. Tiġi mgħarrfa wkoll il-Kamra ta' l-Avukati. F'ċerti każijiet id-deċizjoni ssir pubblika. Dwar proċeduri ġudizzjarji - b'mod partikolari, il- proċeduri tas-subbasta - la hi kompetenti l-Kummissjoni u lanqas ma jindaħal l-eżekuttiv.

Sta. Venera — Triq il-Palazz l-Aħmar

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'se jagħmel il-Gvern dwar il-problema kbira ta' l-ilma tax-xita li jżomm fi Triq il-Palazz l-Aħmar, f'Sta. Venera?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li qed jittieħdu passi biex isir kumnikazzjoni mill-maqgħad indikat mill-Onor. Interpellant biex l-ilma jkun jista` joħroġ lejn il-Bypass ta` l-Imrieħel.
Leg 9 PQ #2624 Sitting 35 1998-12-14 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Intern

Sta. Venera — Triq il-Batterija - Plots

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex żewġ plots ta' garaxxijiet fi Triq il-Batterija, f'Sta. Venera ma ħarġux għal bejgħ bħalma sar fil-każ ta' plots oħra biswit?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li qegħdin jittieħdu l-passi neċessarji sabiex titwaqqa' kamra li nbniet illegalment f'parti mis-sit fejn jistgħu jinbnew iż-żewġ garaxxijiet imsemmija. Malli dan isir, joħorġu l-offerti għal bini tal-garages. 15.12.98 (2pm)