Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' l-impjegati barranin, full timers, part-timers, dawk impjegai fuq xogħol ta' konsulenza eċċ, fi ħdan is-Servizz Pubbliku? Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema dipartiment qed iservu l-imsemmija persuni? Jista' l-Prim Ministru jgħid minn liema pajjiż ġejjin dawn il-persuni? Kemm hu s-salarju bażiku ta' dawn l-impjegati? X'benefiċċji oħra għandhom inklużi l-allowances? Meta jispiċċa l-kuntratt tagħhom? X'qed jagħmel il-Gvern biex jittrenja persuni Maltin biex eventwalment jieħdu post dawn il-barranin?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tingħata tweġiba
f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li d-Dipartiment taż-Żgħażagħ jiġi konvertit jew immexxi minn azjenda? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid jekk l-azjenda hijiex se tkun governattiva jew privata?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma hemm ebda ħsieb li d-Dipartiment taż-Żgħażagħ ikun immexxi minn ażjenda. Qiegħed ikun studjat liema hi l-aħjar struttura li tista' tmexxi u tikkordina politika u attivitajiet taż-żgħażagħ.
Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet ta' konsulenti u advisers li huma ngaġġati mis-Segretarjat Parlamentari fi ħdan il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni? Kemm qed jitħallsu fis-sena? Meta jiskadilhom il-kuntratt eżistenti? X'tip ta' xogħol huwa assenjat lilhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma hemm ebda konsulenti jew advisors ingaġġati mas-Segretarjat Parlamentari fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni.
Jista' l-Ministru jikkonferma li s-servizzi tad-dawl, ilma, telephone, eċċ ġew imqegħda mill-Korporazzjonijiet Enemalta, Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma, Maltacom u oħrajn, jekk huwa l-każ, fi Triq Pawlu Schembri, Triq Dar il-Kejka, Triq Spiru Spiteri, Triq il-Vittmi tal-Gwerra, Triq Joseph Burlo u Triq Ċikku Saliba (toroq kollha f'Ħal Tarxien)? Jekk jonqos xi servizzi x'jgħaddu fit-toroq imsemmija, jista'l-Ministru jgħid x'jonqos isir, triq triq, u minn liema korporazzjoni għandu jsir?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f`xi seduta oħra,
Jista' l-Ministru jgħid min għamel jew qed jagħmel xogħol ta' konsulenza mal-Water Services Corporation minn Marzu 1997 sa Ottubru 1998 u kemm tħallas kull konsulent u min awtorizza dawn il-konsulenzi?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed tinġabar u risposta tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta twaqqfet l-Internal Audit fil-Water Services Corporation u kemm tħallas overtime f'din is-section s'issa u minn kemm hi magħmula nies u lil min tirrapporta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba qed tinġabar u risposta tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk li għandhom il-mobile phone fil-WSC u fl-MDS Ltd u kemm kienet l-ispiża minn Marzu 1997 sa Ottubru 1998 għal kull mobile phone separatament u jekk kenitx assolutament bżonnjuża din l-ispiża?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f`xi seduta oħra.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1389 jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra c-CV tal-part-time finance officer li ġie impjegat mal-SWDP?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra id-dokument (Curriculum Vitae) mitlub mill-Onor. Membru. Il-persuna kkonċernata hija mpjegata ma' l-SWDP fuq bażi part-time għal ħmistax-il siegħa fil-ġimgħa.
16.12.98
Billi l-maltemp li għamel f'dawn l-aħħar ġimgħat ikkawża ħafna fawran tad-drenaġġ fl-inħawi tal-Qortin, il-Mellieħa u anke faru fosos tar-residenti, jista' l-Ministru jinvestiga s-sitwazzjoni u jara jekk huwiex possibbli li sakemm isiru x-xogħlijiet fuq l-estensjoni tad-drenaġġ, kif għarrafni diġa' fil-mistoqsija parlamentari numru 23, Seduta Nru. 4, jitħammlu l-fosos imsemmija mid-dipartiment konċernat? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li l-fosos imsemmijin jiġu mbattla regolarment minn kuntrattur imqabbad mid-Dipartiment konċernat. Ta' min jgħid illi l-ilma tax-xita m'għandux ikun imqabbad għal ġol-fosos u jekk dawn faru minħabba f'hekk, dan ifisser illi l-individwu għandu s-sistema rregolari.
Id-Dipartiment ma jħammilx il-fosos privati iżda jbattalhom biss fejn m'hemmx is-servizz tad-drenaġġ provdut.
Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-kumpanniji li applikaw/ittenderjaw għax-xogħol ta' manteniment tal-ġonna tal-MIA? Xi prezzijiet offrew u min ħa t-tender? Kemm kienet it-tender preċedenti?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-kumpaniji li applikaw għat-tender li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant huma dawn:
1. J.S. Zammit & Co Ltd
2. The Garden Shop Nursery Ltd
3. Piscopo Gardens Ltd
4. Flower Power (Sales) Ltd
5. Louis R. Naudi trading as Airport Gardening Services
6. Charles Camilleri on behalf of Grenlands
It-tender għall-manteniment ta` ġonna ta` 40,000 metri kwadri, li ngħatat mill-Bord preċedenti , intrebħet minn The Garden Shop Nursery Ltd.
Prezzijiet ta` tenders huma kunsidrati bħala informazzjoni kummerċjali u għalhekk ma jkunx fl-interess ta` l-istess kumpanija li nippubblikom.
Tajjeb wieħed jgħid li t-tender preċedenti, li kienet tkopri area globali inqas minn dik imsemmija fuq, kienet tammonta għal-somma akbar minn dik preżenti.
Billi numru sostanzjali ta' bdiewa u raħħala jixtiequ li jsiru sidien tar-raba' u/jew l-irziezet tagħhom sabiex ikunu f'pożizzjoni li jinvestu aktar fil-mistier tagħhom, jista' l-Ministru jikkonsidra li jintroduċi skema speċjali biex jintlaħaq dan il-għan tal-bdiewa u raħħala Maltin u Għawdxin?
Response (BORG, TONIO)
Il-proposta ta' l-Onorevoli Interpellant tinvolvi l-bejgħ ta' proprjeta' tal-Gvern u ser tiġi studjata fid-dawl ta' 'policy' li qegħda titfassal f'dan ir-rigward.
16.12.98 (am)
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru tal-familji Maltin u Għawdxin residenti fil-plots li ngħataw fid-diversi skemi tal-gvernijiet preċedenti li għadhom fuq bażi ta' konvenju u mhux kuntratt uffiċjali? Billi r-residenti ta' Qasam tad-Djar ta' Għar Barka, Rabat, Malta ilhom ukoll is-snin jistennew li jsir il-kuntratt uffiċjali tal-post/djar tagħhom, peress li dawn għadhom ukoll fuq bażi ta' konvenju, jista' l-Ministru jintervjeni, ċioe' jinvestiga kif tista' tiġi rimedjata din il-pendenza? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' familji Maltin u Għawdxin residenti fil-plots tal-Home Ownership Schemes li għadhom fuq bażi ta' konvenju u mhux kuntratt huwa 1474.
L-art f'Għar Barka, Rabat, li qegħda tiġi espoprijata hija ta' circa 32,000 metri kwadri. Ir-riċerki tas-sidien ta' madwar nofs din l-art qegħdin fi stadju avvanzat u wieħed jispera li l-kuntratti għandhom isiru fi żmien sitt xhur oħra. Filwaqt li r-riċerki tas-sidien tan-nofs l-ieħor m'humiex fi stadju daqshekk avvanzat u għaldaqstant għad mhux possibli li wieħed jiffissa definit meta ser jiġu konlużi.
Nixtieq ngħid li d-Dipartiment ta' l-Artijiet qiegħed jagħmel ħiltu kollha biex l-esproprijazzjoni ta' l-artijiet, speċjalment dawk li jinsabu fil-Housing Estates, kif ukoll artijiet li qegħdin jiġu esproprijati għal skopijiet oħra jiġu konklużi aktar malajr. F'dan ir-rigward, kif forsi diġa' jaf l-Onor. Membru, id-Dipartiment diġa' mpjega numru ta' avukati part-time, ħalli jħaffef ir-riċerki.
16.12.98 (am)
B'riferenza għall-applikazzjoni u d-depożitu tal-fidi taċ-ċens Nru. 7 (M 136007), jista' l-Ministru jara li t-talba tiġi rimedjata fl-affermattiv?
Response (BORG, TONIO)
Mhux possibli mill-informazzjoni mogħtija mill-Onor. Interpellant li jiġi nvestigat l-ilment mqiegħed minnu. Għaldaqstant, hemm bżonn li jintbagħtu aktar dettalji rigward il-każ in kwistjoni miċ-ċedola tal-fidi li hemm referenza għalija fil-Mistoqsija.
16.12.98 (am)
B'riferenza għall-applikazzjoni Ack. No. 15377 lid-Dipartiment ta' l-Artijiet, jista' l-Ministru jirrimedja t-talba msemmija?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li peress li l-art li għaliha qed jirreferi l-Onor. Interpellant tikkonsisti fi tlett għelieqi żgħar, imbegħdin minn xulxin, id-Dipartiment konċernat għaddej b'eżerċizzju biex jiġi stabbilit x'qed isir u minn min fuq medda ta' art akbar li tinkorpora fiha dawn il-tlett għelieqi.
16.12.98 (am)
Jista' l-Prim Ministru jieħu passi sabiex jiġi aċċertat li jkun hemm cleaners fl-uffiċini ta' l-Avukat Ġenerali tal-Main Guard faċċata tal-Palazz, peress li f'dan il-bini ilu ma jkun hemm tindif minn cleaners sa minn Ottubru 1996 u tali tindif huwa ormai impellenti u noċiv għas-saħħa ta' l-impjegati?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li skond l-Avukat Ġenerali dan ma kellux
ilmenti mill-istaff tiegħu dwar l-istat ta' ndafa fl-
uffiċċju tal-Main Guard. Ma dan kollu hu ser jistħarreġ il-
kwistjoni u jara x'hemm bżonn isir, għalkemm għandu jingħad
illi mhux minnu li ilu ma jsir tindif kif imsemmi mill-
Onorevoli interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi jittieħdu meta ssir theddida ta' bomba f'xi skola? Veru li dan l-aħħar saret theddida ta' bomba fi skola ta' l-Istat u l-post ma ġiex evakwat? Veru li waqt li kienet qed issir "bomb scan" l-istudenti ma nħarġux mill-iskola? Veru li uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Edukazzjoni, flimkien ma' uffiċjal ta' l-Armata (Bomb disposal unit), ma riedux li jinħarġu t-tfal mill-iskola? Veru li teżisti ċirkolari li tgħid li f'każ bħal dan it-tfal ma jinħarġux mill-iskola? Ma jaħsibx il-Ministru li din iċ-ċirkolari għandha tinbidel?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proċeduri f'każ ta' theddida ta' bomba huma dawk stabbiliti mill-PULIZIJA u l-AFM EOD (Explosives Ordinance Disposal)
Għall-mistoqsijiet tnejn sa erbgħa, it-tweġiba hija fl-affermattiv. L-uffiċċjali edukattivi mxew fuq id-direttivi taċ-ċirkulari Nru OPS/59/98 maħruġ mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni fit-18 ta' Settembru 1998.
Dawn id-direttivi fl-imsemmija ċirkulari nħarġu wara konsultazzjonijiet bejn id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni, il-Pulizija u l-AFM EOD. Minn Settembru 1998 kien hemm każi ta' theddida ta' bomba f'żewġ skejjel fejn din il-proċedura ntużat b'suċċess. Għalhekk mhinix mogħti parir li nibdel l-imsemmija ċirkulari.
Jista' l-Ministru jgħid minn min huwa kompost il-kumitat imwaqqaf dwar il-public debt servicing? Kemm ilu li twaqqaf u kemm-il seduta żamm dan il-kumitat sa llum? Għamel xi rakkomandazzjonijiet s'issa? Jekk fl-affermattiv, x'inhuma?
Response (DALLI, JOHN)
Il-Kumitat dwar il-Public Debt Servicing li kien twaqqaf taħt l-Amministrazzjoni l-oħra kien ltaqa` darba waħda biss u kien magħmul minn rappreżentanti mill-Ministeru tal-Finanzi, Banek Kummerċjali, il-Borża ta` Malta u minn stockbroker. Il-Kumitat kien presidut mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru tal-Finanzi.
Hi l-intenzjoni tal-Gvern li jirrevedi l-kompożizzjoni ta` dan il-Kumitat u t-termini ta` referenza tiegħu.
B'riferenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari tiegħi numru 1180 dwar il-welfare services peress li l-Ministru qed jgħid li t-tagħrif mitlub jitlob wisq xogħol biex jinġabar, jista' l-Ministru jwieġeb it-tieni parti ta' l-istess mistoqsija mis-snin 1995 sa llum u in kwantu għall-ispiża nvoluta jagħti s-somma totali ta' kull tip ta' servizz ta' welfare offrut mid-dipartimenti/entitajiet li jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nerġa ntenni dak li kont għidt fl-aħħar paragrafu tat-Tweġiba għall-Mistoqsija Nr. 1180, jiġifieri li x-xogħol meħtieġ sabiex tinġabar l-informazzjoni mitluba dwar l-ispiża għal kull servizz ta' welfare m'huwiex ġustifikat f'dan il-kuntest.
Waqt li m'għandux ikun hemm diffikulta' sabiex tingħata nformazzjoni dwar in-nefqa tad-Dipartiment u l-Aġenziji konċernati, anke mill-1995 'l-hawn, a bażi ta' l-Estimi Finanzjarji, s'issa ma kienetx il-prattika ġenerali li jinżammu kontijiet separati għal kull servizz li jipprovdu dawn id-Dipartimenti u Aġenziji u, għalhekk, il-ġbir ta' din l-informazzjoni tinvolvi ħafna ħin ta' riċerka minn uffiċċjali li għandhom dmirijiet oħra.
16.12.98
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm liċenzji ta' negozju bħalissa? Jista' l-Ministru jagħti breakdown tat-tip ta' negozju li jirrappreżentaw dawn il-liċenzji?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra. Ta' min iżid illi din it-Tabella ma tinkludix permessi ta' hawkers u pedlars, billi jien infurmat li din l-informazzjoni ma hix kompjuterizzata.
16.12.98 (am)