Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #2748 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Tarġa Gap - Lezzjonijiet tal-computer

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex l-istudenti ma jibqgħux jitilfu lezzjonijiet fil-computer fl-iskola post-sekondarja ta' Tarġa Gap? Meta se jiġu upgraded il-computers ta' din l-iskola biex l-istudenti li suppost qed isegwu kors fid-disinn grafiku jkunu jistgħu jagħmlu dan? Kemm kien hemm studenti f'din l-iskola fil-bidu ta' din is-sena skolastika jsegwu korsijiet, kors b'kors? Kemm hemm studenti issa, kors b'kors?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex tinġabar l-informazzjoni, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
Leg 9 PQ #2749 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Budget 1993 — Impjegati fis-settur pubbliku

Question

Peress li fid-diskors tiegħu għall-Budget 1993, il-Ministru kien ħabbar li waħda mill-miżuri fil-ħames snin li kienu ġejjin kienet li l-għadd ta' mpjegati fis-settur pubbliku jkunu ta' bejn 25% u 30% ta' dawk li jaħdmu f'pajjiżna, x'sar mill-1993, sal-lum biex tintlaħaq din il-mira? Meta jaħseb li se tintlaħaq?

Response (DALLI, JOHN)

Mill-1993 `l hawn ittieħdu miżuri biex: 1. l-ingaġġ mal-Gvern ikun limitat kemm jista` jkun għas-setturi fejn hemm bżonn; 2. jiġu privatizzati xi ażjendi li allura jgħaddu mis-settur pubbliku għal dak privat; 3. jitnaqqsu n-numru ta` mpjegati f`ażjendi parastatali permezz ta` skemi apposta, bħalma sar, per eżempju fis-settur tat-Tarznari; 4. ħloqna xogħol alternattiv fis-settur privat li ta` opportunitajiet lill-ħaddiema. Minn mindu erġajna ġejna fdati bil-Gvern qegħdin nagħmlu reassessment tas-sitwazzjoni biex nirrijorjentaw dawn l-oġġettivi. Żgur li m`aħniex se nkeċċu nies minn mal-Gvern biex noħolqu pool ta` li minnhom minn iħaddem jista` jieħu b`irħis.
Leg 9 PQ #2750 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Budget 1994 — Evażjoni tal-VAT

Question

Għaliex waqt li fil-Budget 1994 il-Ministru argumenta li biex ma jkunx hemm evażjoni tal-VAT "mhux qegħdin jiġu kkontemplati limiti ...", u issa f'dak tal-Budget 1999 fassal liġi tal-VAT li jikkontempla limiti?

Response (DALLI, JOHN)

Hu magħruf li l-istaġnar ekonomiku li hawn f`pajjiżna ġie kkawżat primarjament mill-inċertezza li ħoloq il-Gvern ta` qabilna fost il-poplu. Hu għalhekk bżonn li miegħu jaqblu l-operaturi ekonomiċi li malajr kemm jista` jkun għandha titwettaq il-wegħda elettorali tal-Gvern preżenti li jibdel it-taxxa fuq il-konsum. Flimkien ma` dawn l-operaturi ekonomiċi ġie stabbilit li jkun aħjar li l-VAT tkun implementata fl-ewwel ta` Jannar 1999.
Leg 9 PQ #2751 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Budget 1999 — Għoli tal-ħajja

Question

Peress li fid-diskors tiegħu fil-Budget 1999 (f'paġna 78) il-Ministru qal: "Minn studju li għamilna jirriżulta li l-bdil fis-sistema għandu jkollu effett insinifikanti fuq l-għoli tal-ħajja", jista' l-Ministru jqiegħed kopja ta' dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (DALLI, JOHN)

L-istudji qegħdin jiġu ċċekkjati u meta dawn jiġu ffinaliżżati jitqegħdu fuq il-mejda tal-kamra. Ta` min jinnota li qegħdin infittxu l-istudji li saru meta ġiet introdda ċ-CET biex inkunu nistgħu nikkonfermaw il-parametri li qed nużaw imma ma nistgħux insibu ebda studju li jirrifletti kif qegħda taħdem iċ-CET illum.
Leg 9 PQ #2752 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

UE — Konsulent

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti x-xogħol tal-persuna li isimha qed jintbagħat separatament bħala konsulent dwar programmi eduattivi ta' l-Unjoni Ewropea? Kemm ilu maħtur f'din il-konsulenza? X'xogħol għamel s'issa kemm ilu f'din il-ħatra? X'xogħol se jagħmel tul l-1999?

Response (GALEA, LOUIS)

Ix-xogħol tal-persuna imsemmija li s-servizzi tagħha ġew ingaġġati mingħand l-Europa Research & Consultancy Services Ltd, huwa li tagħti pariri fuq kwalunkwe materja fil-Ministeru li hi konnessa ma' l-Unjoni Ewropea b'riferenza speċjali għall-programmi li jolqtu oqsma tal-Ministeru tiegħi. Il-persuna imsemmija ilha tagħti dan is-servizz ta' konsulenza mill-1 ta' Ottubru 1998. Ix-xogħol li għamlet s'issa u li ser tagħmel matul l-1999 huwa fil-kwadru ta' dan il-'brief'.
Leg 9 PQ #2761 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: CARMELO BORG To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ħwienet/stabbilimenti — Bejgħ ta' tessuti/żraben

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk il-ħwienet u stabbililemti, kemm f'Malta kif ukoll f'Għawdex, li jbiegħu tessuti u żraben?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li permezz ta` l-Att ta` l-Istatistika mhux permess li tingħata din l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant minħabba raġunijiet ta` kunfidenzjalita` li hi mħarsa mill-istess att.
Leg 9 PQ #2763 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: JOSEPH CUSCHIERI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Skejjel — Statali - Tuchshops

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2452, jista' l-Ministru jgħid jekk it-talba li saret fl-1 ta' Ottubru, 1998 mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni lid-Dipartiment tas-Saħħa biex isiru spezzjonijiet tat-tuckshops ġietx attwata? Jekk ġiet attwata, x'irriżulta minnha? Jekk għadha ma ġietx attwata, għaliex?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li d-Dipartiment tas-Saħħa għadu ma rraporta ebda spezzjoni mill-Uffiċjali tiegħu fit-Tuck Shops. Id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni reġgħet talbet biex isiru l-ispezzjonijiet meħtieġa permezz ta' ittra datata l-10 ta' Diċembru 1998.
Leg 9 PQ #2778 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Proġetti — Flus ivvutati fl-estimi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi żviluppi rigward il-proġetti: (i) tat-teatru Rjal fil-Belt; (ii) Sea passenger terminal Xatt Pinto, Floriana; (iii) Connections? Kemm ġew ivvotati flus fl-Estimi għal kull proġett?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Proġett tat-Teatru Rjal huwa maqsum f'żewġ fażijiet, l-ewwel fażi hija dik ta' xogħol fuq St. James Cavalier liema xogħol huwa mistenni li jitlesta sa l-aħħar ta' l-1999. Il-flus ivvutati għal dan ix-xogħol għas-sena d-dieħla ilaħħqu s-somma ta' Lm680,000. F'dan il-perjodu ikunu qed isiru t-taħdidiet u l-pjanti dwar il-bini tat-Teatru Rjal. M'hemmx flus ivvutati għal proġett 'Connections' u 'Sea Passenger Terminal' għax huwa maħsub li dawn il-proġetti jitwettqu mill-privat u bħalissa qegħdin jiġu evalwati l-offerti li ntefgħu biex jagħmlu dawn ix-xogħlijiet.

Belt Valletta — Bus terminus

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi pjanijiet għall-proġett tal-Bus terminus fil-Belt, Valletta matul l-1999? Kemm ġew ivvotati flus fl-estimi?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li għas-sena d-dieħla qed tkun ivvotata nefqa kapitali ta` Lm100,000 biex f`każ li tittieħed xi deciżjoni finali għal din l-area, li trid tkun inkluża mat-tfassil tad-daħla għall-bieb il-Belt, ikun hemm il-flus disponibbli biex jinbeda x-xogħol.
Leg 9 PQ #2780 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: JEAN PIERRE FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

VRP — Proġetti

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proġetti huma ppjanati mill-VRP fil-Belt u l-Furjana matul l-1999?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-Uffiċċju tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta se jiffinalizza proġetti mibdija iżda mhux kompluti bħal ma huma dawk ta' Triq ir-Repubblika, restawr fil-Main Guard, restawr fil-Knisja tal-Ġiżwiti, ir-restawr ta' l-afresk tal-Paladini, restawr fil-Palazz, restawr fil-faċċata ta' Palazzo Castellania u tkomplija ta' xogħol fil-ġnien tal-Barrakka ta' Isfel. Il-V.R.P. qed jippjana wkoll li jibda l-proġett ta' pavimentar fil-ġnien tal-Barrakka ta' Fuq, li jagħmel security fencing fil-mafkar tat-Tieni Gwerra Dinjija, li jsir paviment fi Triq Teżorerija, li jkompli jdawwal bini importanti u jagħmel sistema ta' identifikazzjoni ta' bini importanti. Għar-rigward tal-Floriana, il-V.R.P. beħsiebu jkompli bil-proġett tal-ġnien KGV, jagħmel xogħol ta' tibjid taħt l-arkati ta' Triq Sant'Anna, issir kompetizzjoni għal disinn għall-upgrading ta' l-inħawi ta' Triq Sant'Anna u jiġi ppjanat Floriana Heritage Trail.

Ċimiterju Santa Marija Addolorata — Toroq ta' madwar

Question

Jista' l-Ministru jara li tingħata attenzjoni lit-toroq ta' madwar iċ-Ċimiterju ta' Santa Marija Addolorata?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li t-toroq arterjali madwar iċ-ċimiterju jinstabu fi stat tajjeb ħlief parti minn Triq il-Kunsill ta` l-Ewropa li fiha ser isir patching. It-toroq l-oħra fil-lokal jista` jkun għandhom bżonn xi manutenzjoni u għalhekk id-Dipartiment tat-toroq irrefera is-suġġeriment ta` l-Onor. Interpellant lil Kunsill biex tkun tista` titieħed azzjoni.
Leg 9 PQ #2782 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

VAT — Konsulenza

Question

Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' x'nefaq il-gvern fuq konsulenza għad-dħul mill-ġdid tal-VAT?

Response (DALLI, JOHN)

S`issa ma ntnefaq xejn mil-gvern fuq konsulenza għad-dħul mill-ġdid tal-VAT.
Leg 9 PQ #2783 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Bordijiet tal-ħwienet

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bordijiet tal-ħwienet ġewx imwaqqfa? Min huma l-persuni li ġew magħżula?

Response (BORG, TONIO)

Jekk l-Onor. Interpellanti qed tirreferi għal Police Licenses Advisory Board nirreferiha għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 1665 f'Seduta 18. 17.12.98 (6pm)
Leg 9 PQ #2247 Sitting 39 1998-12-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

OPM — Għamara ġdida

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk inkrietx xi għamara ġdida għall-uffiċċju tiegħu f'Kastilja u għall-uffiċċju tas-Segretarju Parlamentari tiegħu u jekk il-Ministri u s-Segretarji Parlamentari oħrajn krewx għamara ġdida? Jekk iva, mingħand min inkriet din l-għamara antika? Kemm qed iħallas kull ministeru għal din l-għamara?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li ma nkriet l-ebda għamara ġdida jew antika għall-Uffiċċju tiegħi jew għall-uffiċċju tas- Segretarju Parlamentari fl-Uffiċċju tiegħi. Rigward il-kumplament tal-mistoqsija nitlob lill- Interpellant jitlob l-informazzjoni mitluba direttament mill-Ministri l-oħra.
Leg 9 PQ #2340 Sitting 39 1998-12-16 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Rabat — Triq il-Kulleġġ - Sqaq Nru. 2

Question

Jista' l-Ministru jara li jawtorizza u jikkordina x-xogħlijiet fi Sqaq Nru. 2, fi Triq il-Kulleġġ, ir-Rabat ċioe' sabiex il-bozza li hemm f'nofs l-isqaq titressaq ftit metri 'l ġewwa ħalli d-dawl jkun estiż aħjar għall-aċċess tar-residenti kollha ta' dan l-isqaq?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li t-talba biex titjieb id-dawl fl-isqaq imsemmi qiegħda tiġi kkunsidrati flimkien ma` talbiet oħra.

Mtarfa — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-programm tax-xogħlijiet li se jissoktaw fl-Imtarfa matul l-1999? Kemm huwa kkalkolat li se jintnefqu flus għal dawn ix-xogħlijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-Awtorita' tad-Djar għas-sena d-dieħla ser tkompli bil-proġett ta' bini ta' appartamenti fl-Imtarfa u għandha ivvutat Lm1,033,000. Dawn l-ispejjez ikopru t-tkomplija tat-toroq, u t-tlestija tal-maisonettes diġa mibdija. Ser jingħata bidu għal-bini ta' 30 Maisonettes, għal-Blokk ta' appartamenti, kif ukoll għat-tiswija tat-torri tal-arloġġ. 16.12.98

Djar — Mtarfa

Question

Billi numru ta' familji residenti fl-Imtarfa qed jiffaċċjaw periklu serju fi djarhom, liema ċirkostanza tista' twassal għal xi inċidenti fatali, konsegwenza li soqfa tad-djar ta' l-imsemmija residenti huma qodma ħafna u filwaqt li ġew ċertifikati li huma kkundannati minn diversi periti kompetenti, baqgħu ma ġewx mibdula minkejja l-ħafna talbiet li għamlu tul is-snin lil diversi awtoritajiet konċernati mir-residenti in kwestjoni u minn rappreżentanti tagħhom, jista' l-Ministru jikkonsidra li jsib rimedju għal din is-sitwazzjoni u ċioe' jgħin mill-aħjar li jista' lil dawn il-familji li żgur mhux tort tagħhom qed jgħixu f'dan il-periklu kollu? Jista' l-Ministru jinvestiga mill-ġdid l-istat perikoluż ta' dawn is-soqfa sabiex il-periklu li qed jgħixu fih dawn il-familji ma jkomplix jiggrava?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Xi tmien snin ilu l-Awtorita' tad-djar kienet investigat il-każ tas-soqfa tal-Barrack Blocks fl-Imtarfa flimkien ma' perit privat imqabbad mir-residenti. Dawn il-postijiet kienu mixtrija mingħand l-Awtorita' tad-Djar u għalhekk ir-residenti huma propjetarji. Saru tliet proposti mill-Awtorita' Tad-Djar li kienu hekk: 1. Frar 1990 L-Awtorita' tad-Djar toħroġ l-ispejjeż kollha biex jitranġa s-saqaf tal-partijiet komuni u 50% tal-ispejjeż li jintefqu fis-saqaf tal-post sa massimu ta' Lm800. 2. Awissu 1990 L-Awtorita' tad-Djar toħroġ 50% tal-ispejjeż biex jitranġaw is-soqfa tal-appartamenti u l-partijiet komuni sa massimu ta' Lm1,200 għal kull appartament. 3. Novembru 1991 L-Awtorita' tad-Djar toħroġ l-ispejjeż kollha biex jitranġa s-saqaf tal-partijiet komuni u Lm6.50 għal kull metru kwadru ta' saqaf li jinbidel fl-appartament. Il-ħlas kellu jsir wara li jitlesta x-xogħol kollu u jiġu ppreżentati rċevuti tax-xogħol. Ir-residenti ma qablu ma' l-ebda waħda mill-proposti u għalhekk l-Awtorita' tad-Djar iddeċidiet li toffri għall-bejgħ il-partijet komuni kollha bi prezz nominali u s-soqfa jkunu responsabbli għalihom ir-residenti stess. Kien hemm numru ta' residenti li xtraw il-partijiet komuni. Fil-każ tal-Blokki G u H is-soqfa kienu msewwija mill-Works Department meta l-appartamenti ġew allokati u għalhekk l-Awtorita' tad-Djar mhix responsabbli għal tiswijiet fis-soqfa f'dawn il-blokki. 16.12.98

Persuni b'diżabilita' — Applikazzjoni Nru. 2961

Question

Jista' l-Ministru jara li jestendi l-għajnuna tiegħu għall-applikazzjoni Nru 2961 sabiex din it-talba pendenti ta' persuni b'diżabilita' tiġi rimedjata?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor. Membru jipprovdi aktar dettalji, partikolarment dwar liema servizz applikat għalih il-persuna konċernata. B'hekk inkun nista' nagħti Tweġiba aktar sodisfaċenti. 16.12.98
Leg 9 PQ #2704 Sitting 38 1998-12-15 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Tarxien — Triq Spiru Spiteri - Bozoz

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li saret talba mill-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien biex jitwaħħlu bozoz fi Triq Spiru Spiteri, Tarxien? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni Enemalta mexxitx it-talba msemmija lill-Ministru responsabbli minnu? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid jekk approvax it-twaħħil tal-bozoz imsemmija? Jekk fin-negattiv, jista' l-Ministru jagħti l-approvazzjoni tiegħu biex jitwaħħlu dawn il-bozoz wara li l-kunsill lokali għamel diversi talbiet u t-triq imsemmija hija mudlama ħafna?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li saret talba biex jitwaħħlu żewġ bozoz fit-triq imsemmija. Il-Korporazzjoni Enemalta bħalissa qed taħdem fuq l-istima ta` din it-talba.
Leg 9 PQ #2705 Sitting 38 1998-12-15 Oral · Final From: JOE CILIA To: Ministeru ta' l-Intern

Civil Registration Department — Persuni li għandhom passaport Malti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ċittadini f'pajjiżna li għandhom passaport Malti? Kemm minnhom huma taħt it-30 sena? Jista' l-Ministru jgħid jekk id-dipartiment konċernat joħroġx passaport Malti lil dawk il-persuni barranin li jiżżewġu Malti jew Maltija? Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid kemm-il passaport ġie maħruġ lil dawn il-persuni? Jista' l-Ministru jgħid kemm-il Malti li jgħix permanentement barra minn Malta għandu passaport Malti?

Response (BORG, TONIO)

Dwar l-ewwel u t-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li l-istatistika li tinżamm mid-Dipartiment konċernat hi dwar in-numru ta' passaporti maħruġa u mhux kemm hawn passaporti validi fl-idejn f'data partikolari. Rigward it-tielet u r-raba' parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat li persuni barranin li jiżżewġu Maltin ikollhom dritt għall-passaport Malti kemm il-darba dawn jingħataw iċ-ċittadinanza Maltija. Ninsab infurmat ukoll li fil-każ ta' persuni barranin li jingħataw ċittadinanza Maltija, tkun xi tkun ir-raġuni, ma ssirx distinzjoni bejn din il-kategorija ta' ċittadini Maltin u oħrajn, għal dak li jikkonċerna l-ħruġ ta' passaport Malti. Rigward l-aħħar parti tal-Mistoqsija rrid ngħid li l-ebda ċittadin Malti li hu msiefer ma jista' jitqis li 'jgħix permanentement barra' għas-sempliċi raġuni li dan jista' jirritorna Malta meta jrid. Għaldaqstant l-istatistika mitluba ma teżistix. 16.12.98 (2pm)