Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #2754 Sitting 42 1998-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għall-Ambjent

Ministeru għall-Ambjent — Spezzjoni fuq il-ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se jaħdem il-mekkaniżmu għall-ispezzjonar tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol? Kemm se jkun hemm persuni f'dan il-unit? Meta se jibda jaħdem? X'terms of reference għandu dan il-unit?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-ispezzjonar tal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol se jsir billi minn żmien għal żmien isiru spezzjonijiet għal għarrieda minn membri ta' l-Inspectorate Unit tal-Ministeru biex ikun iċċekkjat li dawk il-ħaddiema li jkunu iffirmaw li daħlu għax-xogħol ikunu fil-fatt fl-uffiċċju jew fuq il-lant tax-xogħol tagħhom. Dan jagħmluh billi flimkien mal-kapijiet u mgħallmin responsabbli mill-ħaddiema fejn tkun qed issir l-ispezzjoni jiċċekkjaw l-attendenza u jmorru jaraw fiżikament li l-ħaddiema qegħdin fuq ix-xogħol tagħhom. Wara kull spezzjoni jsir rapport lill-Inspectorate Unit u fejn ikun il-każ jittieħdu passi dixxiplinari. Nagħmilha ċara li mhux l-impjegat li jonqos biss irid jirrispondi għal għemilu iżda anke' l-kapijiet u l-imgħallmin responsabbli minnu. Irridu naraw li kulħadd jerfa' r-responsabbilta' tal-kariga li jkun qed jokkupa. Il-unit se jkun immexxi mis-Segretarju Permanenti u magħmul mill-ogħla uffiċjali fil-Ministeru. Il-Unit ser jibda jaħdem mix-xahar id-dieħel. Ser tinħareġ Ċirkulari mis-Segretarju Permanenti fil-Ministeru biex titqassam fost il-ħaddiema ħalli dawn ikunu infurmati bit-twaqqif ta' dan il-unit. It-terms of reference tiegħu se jkunu dawn: 1. biex jieħdu inizjattivi li jidhirlu xierqa, inkluż spezzjonijiet għal għarrieda, ħalli jassigura illi l-ħinijiet tax-xogħol qed jiġu osservati; 2. jara li l-ħaddiema li jkunu iffirmaw li daħlu għax-xogħol ikunu fil-fatt fl-uffiċini jew fuq il-lant tax-xogħol tagħhom; 3. jissottometti rapport wara kull spezzjoni li ssir fl-uffiċini jew fuq il-lantijiet tax-xogħol; 4. jagħmel suġġerimenti dwar kif il-kapijiet u l-imgħallmin jistgħu jiġu mgħejjuna fl-infurzar ta' l-osservanza tal-ħinijiet tax-xogħol mill-ħaddiema li jaqgħu taħthom; 5. jagħmel dawk ir-rakkomandazzjonijiet li jidhirlu xierqa.
Leg 9 PQ #2755 Sitting 42 1998-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tat-Turiżmu

ITS/Universita' — Rabtiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'rabtiet hemm mal-ħsieb li jsiru bejn l-Istitut ta' l-Istudji Turistiċi u l-Universita'? Ma' liema fakulta' se jsiru dawn ir-rabtiet? X'rikonoxximent mill-Universita' qed jitlob l-istitut għall-korsijiet tiegħu?

Response (REFALO, MICHAEL)

Kif jaf l-Onor. Membru matul dawn l-aħħar erba' snin diġa' kien hemm rabta bejn l-Istitut ta' l-Istudji Turistiċi u l-Universita'. Dan fis-sens li dawk l-istudenti ta' l-Istitut li jġibu d-'Diploma' fil-'Hotel Administration' setgħu u għadhom jistgħu jkomplu l-istudju tagħhom fl-Universita' billi jidħlu dritt fit-Tielet Sena tal-Kors tal-'B. Comm. (Hons)' fit-Turiżmu. Jirriżulta, madankollu, li minħabba fl-aħħar sentejn l-'academic entry qualifications' għall-kors fil-'Hospitality Studies' fl-Istitut ma stipulawx li student irid ikollu ta' l-inqas żewġ 'A' levels, dawn mhux qed jitħallew jidħlu fl-Universita' għall-'B. Comm. (Hons)' minħabba li l-Universita' tirrikjedi minimu ta' żewġ 'A' level 'passes'. Għaddejjin taħditiet bejn iż-żewġ istituzzjonijiet biex tinstab soluzzjoni.

Indja — Traġedja tal-għarqa tal-Yiohan

Question

Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk sarux xi kuntatti mal-ministeru min-naħa ta' persuni mill-Indja dwar it-traġedja ta' l-għarqa tal-Yiohan f'Diċembru 1996? X'għajnuna ntlabet u x'għajnuna ngħatat?

Response (MARCO, GUIDO DE)

Il-qraba tal-vittmi ta' din it-traġedja ħolqu Għaqda bl-isem ta' 'Malta Boat Tragedy Sufferers' Association'. Permezz tal-Gvern Indjan huma talbu li jibagħtu delegazzjoni fl-Italja, il-Greċja u Malta biex tiġbor tagħrif mill-viċin dwar l-istħarriġ li sar f'dan il-każ. Il-Ministeru tiegħi ta l-permess meħtieġ u għamel l-arranġamenti li kien hemm bżonn biex delegazzjoni ta' erba' min-nies żaret Malta x-xahar li għadda u ltaqghet ma' l-awtoritajiet kompetenti li kellhom sehem mill-qrib fl-istħarriġ ta' din il-ġrajja traġika.
Leg 9 PQ #2757 Sitting 42 1998-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Wirja tal-Patrimonju Malti — Mużew tal-Kostumi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li matul l-1999 jiftaħ il-mużew tal-kostumi bl-esebiti li kien hemm fl-wirja tal-Patrimonju Malti? Fejn hemm il-ħsieb li jiftaħ dan il-mużew?

Response (GALEA, LOUIS)

Peress li ma kienx hemm żmien biżżejjed biex tinġabar l-informazzjoni, tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Edukazzjoni — Politika inklussiva

Question

Peress li qed tkompli tinxtered l-politika inklussiva fl-edukazzjoni u tfal b'diżabilita' qed jattendu fi skejjel hekk imsejħa normali, hemm il-ħsieb li jingħata aktar permess biex jidħlu aktar f'pajjiżna mezzi tat-trasport bil-lifter li jkunu jistgħu jġorru studenti b'diżabilita'?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li s-settur tal-vetturi b`lifter biex fihom jivvjaġġaw persuni bi ħtiġijiet speċjali, hu liberaliżżat u permessi jingħataw skond il-kundizzjonijiet stabbiliti mill-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku. Dan is-settur ilu liberaliżżat aktar minn sena u nofs u hu ta` dispjaċir li wieħed jinnota li għalkemm kien hemm numru ta` operaturi li talbu kopja tal-kundizzjonijiet mingħand l-Awtorita` dwar it-Trasport Pubbliku bil-ħsieb li jiksbu minn dawn il-vetturi, kien hemm biss operatur wieħed li ġab xi vetturi.

Ministeru tal-Politika Soċjali — Allowances

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' dawk l-impjegati fid-dekasteru tiegħu li qed jirċievu xi forma ta' allowance mill-5 ta' Settembru 1998? Min huma u xi grad għandhom? F'liema dipartiment jew sezzjoni qegħdin? Għal liema raġuni qed tingħata l-allowance lil kull wieħed jew waħda minnhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

B'riferenza għat-Tweġiba temporanja li kont tajt għal din il-Mistoqsija fis-Seduta Nru. 4, għandi ninforma lill-Onor. Membru li l-informazzjoni mitluba issa nġabret. Jirriżulta li, fid-Dipartimenti u fl-organiżżazzjonijiet l-oħra li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi, waqt li hemm numru sostanzjali ta' mpjegati li abel il-5 ta' Settembru 1998 kienu u fil-fatt għadhom qed jirċievu xi forma ta' allowance (eż: Qualification Allowance, Shift Allowance, On Call at Home Allowance), ma kien hemm l-ebda mpjegat li beda jirċievi xi allowance wara d-data ndikata. 17.12.98

Pensjonijiet — Pensjoni kontributorja

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn nies li bħalissa qed jirċievu xi tip ta' pensjoni b'mod globali? Kemm minn dawn jirċievu pensjoni kontributorja u kemm minnhom jirċievu pensjoni non-kontributorja? F'termini ta' flus, għal kemm jammontaw dawn il-pensjonijiet? X'persentaġġ tal-G.D.P. jikkontribwixxu dawn il-pensjonijiet issa u matul dawn l-aħħar tlett decades?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra żewġ tabelli li jipprovdu l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. B'mod partikolari l-informazzjoni mogħtija fit-tieni tabella tipprovdi numru ta' ndikazzjonijiet interessanti. 17.12.98

Pensjonijiet — Pensjoni kontributorja

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'persentaġġ tal-GDP ikkontribwixxew is-social budgets, sena b'sena, għal dawn l-aħħar 20 sena? Kemm minn dawn il-persentaġġi kienu għall-pensjoni kontributorja u kemm ma kienux, ċioe' pensjonijiet non-kontributorji u skemi oħra bħal SKA's? X'persentaġġ minn dawn is-social budgets, sena b'sena, kien allokat għall-unemployment benefits?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru. Għalkemm il-preparazzjoni ta' din it-Tweġiba kienet tinvolvi eżerċizzju estensiv, ħassejt li dan kellu jsir anke għax din it-tip ta' riċerka u evalwazzjoni s'issa ma kinetx qed tingħata l-attenzjoni meħtieġa. Irrid niċċara li, għall-iskop ta' din it-Tweġiba: (i) taħt id-definizzjoni ta' 'social budgets' qed tiġi nkluza biss in-nefqa fuq il-benefiċċji tas-Sigurta' Soċjali; (ii) taħt id-definizzjoni ta' 'pensjoni kontributorja' qed jiġu nklużi t-tipi kollha ta' pensjonijiet kontributorji u mhux ir-'Retirement Pension' biss; (iii) taħt id-definizzjoni 'pensjonijiet non-kontributorji u skemi oħra' qed jiġu nklużi l-benefiċċji non-kontributorji kollha tas-Siġurta' Soċjali, nkluż, per eżempju, l-assistenza soċjali. Ta' min jinnota, b'mod partikolari, li: (i) l-ammont minfuq f'pajjiżna matul dawn l-aħħar għoxrin sena fuq benefiċċji soċjali bħala persentaġġ tal-'Gross Domestic Product at market prices' kien wieħed kostanti (bejn l-10 u t-12%) ħlief fl-1979 (meta naqas) u fl-1983 - 1985 (meta żdied); (ii) l-ammont imħallas għal benefiċċji tal-qgħad bħala persentaġġ tal-'Gross Domestic Product at market prices' naqas sostanzjalment fl-1987 meta tela' fil-Gvern il-Partit Nazzjonalista u baqa' kostanti b'żieda relattivament żgħira fl-1997. 17.12.98

Anzjani — Assistenti soċjali każwali

Question

Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni, sena b'sena, dwar in-numru ta' casual social assistants li ħadmu u li qed jaħdmu mad-Dipartiment ta' l-Anzjani (minn meta ġew ingaġġati)? Kemm hu n-numru ta' anzjani li għamlu u qed jagħmlu użu minn dan is-servizz sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' Assistenti Soċjali Każwali li kienu jaħdmu mad-Dipartiment ta' l-Anzjani mill-1988 sal-lum huwa hekk: 1988 - 27 1989 - 76 1990 - 143 1991 - 221 1992 - 293 1993 - 312 1994 - 316 1995 - 366 1996 - 417 1997 - 434 1998 - 440 In-numru ta' anzjani li għamlu użu minn dan is-servizz mill-1990 sal-lum huwa hekk: 1990 - 554 1991 - 1,331 1992 - 2,500 1993 - 2,798 1994 - 2,286* 1995 - 2,444 1996 - 2,569 1997 - 2,600 1998 - 2,811 * Sal-1993, il-figura murija tinkludi anzjani Maltin u Għawdxin. Mill-1994 'il quddiem, il-figura murija tinkludi biss anzjani Maltin. Fil-fatt fl-1994, kien hemm 773 Għawdxin li kienu qed jirċievu s-servizz. 17.12.98

Anzjani — Assistenti soċjali każwali

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx talbiet pendenti minn anzjani, eċċ għas-servizz tal-casual social assistants? Jista' l-Ministru jagħti l-informazzjoni skond jekk it-talba hijiex ġdida jew inkella żieda, sigħat, eċċ? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani li ġie mnaqqas lilhom il-ħin ta' servizz li kienu jieħdu mingħand is-CSA's u x'inhuma r-raġunijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Bħalissa hemm 83 persuna jistennew is-servizz tal-'Home Care Help'. Dawn it-talbiet għas-servizz huma mqassma hekk. 63 każi ġodda u 20 żieda ta' sigħat Bejn Ottubru 1996 u Settembru 1998 kien hemm 50 każ li tnaqqsilhom il-ħin tas-servizz tal-'Home Care Help'. Dan sar wara eżerċizzju ta' 're-assessment' ta' kull każ fejn instab li kellhom allokat siegħat aktar milli kellhom bżonn. Għaldaqstant is-sigħat li ġew iffrankati ġew allokati lill-każi ġodda li kienu fuq il-'waiting list'. 17.12.98

Koperattivi — Support unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu dawk li ġew impjegati fis-Support Unit għall-koperattivi bejn l-1992 u l-1996? Jista' l-Ministru jgħid jekk f'dawn l-impjiegi kienx hemm sejħa pubblika u fil-każ li, iva meta u kif saret din is-sejħa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li r-risposta hija kif ġejja: IMPJEGAT/A SEJĦA GRAD Alphonse Żammit Lulju 1994 Project Leader Emanuel Zahra Ġunju 1995 Project Leader Marcelle Azzopardi Ġunju 1996 Clerk Michael Fenech Marzu 1996 Project Leader F'dawn il-każijiet kollha, saru sejħiet pubbliċi fil-gażżetti ta' kuljum u nżammu ntervisti ma' l-applikanti kollha. 17.12.98

Ministeru tal-Politika Soċjali — Kuntratti

Question

Riferibbilment għall-perjodu 1 ta' Novembru, 1998 sat-30 ta' Novembru, 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: 1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; 2) lil min intalbu quotations; 3) kemm kienet kull quota; 4) min rebaħ il-kuntratt; 5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv: 6) fiex kienu jikkonsistu; u 7) kemm kien il-valur totali tagħhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dwar il-partijiet numru l-4 ta' din il-Mistoqsija nirreferi lill-Onor. Membru għat.Tweġiba li kont tajt għall-Mistoqsija Nru. 1269. Is-sitwazzjoni ndikata f'dik it-Tweġiba baqgħet l-istess bejn l-10 u t-30 ta' Novembru 1998. Dwar il-partijiet l-oħra ta' din il-Mistoqsija jien infurmat li l-Bord tal-Koperattivi għamel estensjoni waħda fuq kuntratt oriġinali. Din kienet tinvolvi x-xiri ta' żewġ desks, żewġ side desks, żewġ unit drawers u żewġ swivel chairs b' valur ta' Lm856.17. 17.12.98

Bormla — Dar ta' l-anzjani

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il tender saret din is-sena dwar xogħol fid-dar ta' l-anzjani ta' Bormla? Fiex kienu jikkonsistu dawn it-tenders? Kemm kien il-valur antiċipat f'dawn it-tenders? Kemm u liema minnhom ġew deċiżi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Din is-sena inħarġu dawn it-tenders għad-Dar ta' l-Anzjani ta' Bormla: VALUR STMAT Lm (i) Mechanical and Electrical Services 712,000 (ii) New Water Mains and Sewage System 55,000 (iii) Internal and External Plastering Works 113,000 (iv) Roofing Works 33,000 (v) Aluminium Apertures 78,000 (vi) Shaft Plastering Works 5,000 (vii) Tiling Works and Sanitary Fittings 295,000 (viii) Vertical Transportation Systems 61,000 It-tenders min-numru (i) sa (vi) kollha ingħataw u x-xogħol inbeda. It-tenders (vii) sa (ix) qegħdin fl-istadju ta' 'adjudication' u dalwaqt jingħataw mid-Direttur tal-Kuntratti. 17.12.98
Leg 9 PQ #2517 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru ta' l-Intern

Pulizija — Każ ta' qtil

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 36, Seduta Nru. 6?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li n-numru ta' każi ta' qtil u ta' attentat ta' qtil li fil-preżent qed jiġu proċessati mill-Pulizija hu ta' 91. Dwar in-numru ta' każijiet ta' din in-natura mressqa u finalizzati tul dawn l-aħħar 10 snin, sena b'sena, ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba hi kif ġej : - Sena 1989 1990 1991 1992 1993 1994 1995 1996 1997 1998 Mressqa 21 26 23 27 33 18 18 14 26 19 Finalizzati 20 24 18 17 21 9 13 7 8 xejn 17.12.98 (6pm)
Leg 9 PQ #2525 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

FOI/Poultry Processing Association — Miżuri ġodda

Question

B'riferenza għan-nuqqas reġistrat bejn l-FOI u l-Poultry Processing Association dwar il-miżuri l-ġodda li ntroduċa l-gvern fuq il-levy ta' beef burgers importati, jista' l-Ministru jgħid kemm saru laqgħat bejn il-partijiet konċernati u x'kienu l-iżviluppi reġistrati?

Response (BONNICI, JOSEF)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li s`issa kelli laqgħa oħra mal-Poultry Processing Association. Dwar l-iżvilupp reġistrati f`dan l-istadju ma jkunx prudenti li wieħed jagħti dettalji.

Djar — Postijiet rekwiżizzjonati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond 2/Flat 2 Pjazza Mattia Preti, Valletta, huwiex rekwiżizzjonat? Jista' l-Ministru jgħid jekk il-fond imsemmi huwiex okkupat jew battal? Jekk huwa okkupat, jista' l-Ministru jgħid meta ġie allokat? Jekk huwa battal, jista' l-Ministru jgħid meta dan il-fond fil-fatt ġie battal?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi l-fond indikat la hu rekwiżizzjonat u lanqas hu propjeta tal-Gvern. Għalhekk id-Dipartiment Għall-Akkomodazzjoni Soċjali m'għandux l-informazzjoni mitluba. 17.12.98

Attard — Arbli tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 1958 tat-30 ta' Novmebru, 1998?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li x-xogħol fl-għelieqi biswit Triq Haż-Żebbuġ, H`Attard sar sabiex jingħata servizz ta` elettriku lil żewġ applikanti. Skond ir-regolamenti, l-ispiża li tammonta għal total ta` cirka Lm1685, tħallsu mill-Korporazzjoni Enemalta peress li x-xogħol jaqa` fil-limitu ta` 150 metru. L-applikazzjoni għal dan ix-xogħol saret waħda fl-24 ta` Gunju 1998 u l-oħra fid-9 ta` Novembru 1998.
Leg 9 PQ #2745 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: MICHAEL ASCIAK To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Propjeta' b'Ref. No. 253/97

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2201, tas-Seduta Nru. 22 tas-7 ta' Diċembru, 1998, jista' l-Ministru jindaga l-pożizzjoni tal-Kunsill Lokali tal-Gudja fuq il-każ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li, meta kien ikkonsultat dwar l-applikazzjoni PA 4417/96 dwar it-twessigħ tat-triq in kwestjoni, il-Kunsill Lokali tal-Gudja (fid-9 ta' Settembru, 1997), kien esprima opinjoni li t-triq titwessa' u d-dar nru. 12 fl-istess triq titwaqqa'. Meta l-Awtorita' skedat id-dar in kwestjoni, wara li l-Heritage Advisory Committee kien spezzjona d-dar minn ġewwa, il-Kunsill ma esprima ebda opinjoni. Ta' min jgħid ukoll li qabel ma ġiet skedata, din id-dar kienet awtomatikament protetta bil-liġi ta' l-antikitajiet, li għadha in vigore. 17.12.98 (6pm)
Leg 9 PQ #2746 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Interim From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Infermiera li ngħataw transfer

Question

Mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum, jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-infermiera li ngħataw transfer? Kemm minnhom kienu staff nurses u kemm kienu enrolled nurses? Jista' l-Ministru jagħti wkoll id-dati ta' meta kienu ħarġu dawn it-tranfsers u kemm kienu l-infermiera trasferiti kull darba? Jista' l-Ministru jgħid minn fejn u għal-liema post ġew trasferiti?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed tinġabar. Tweġiba tingħata f'seduta oħra.
Leg 9 PQ #2747 Sitting 41 1998-12-17 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Belt Valletta

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'ħidma qiegħed jagħmel il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta biex iżżomm il-belt nadifa peress li qed ikun hemm ħafna lmenti fuq il-ħmieġ fil-belt kapitali tagħna?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għandu tliet kuntratti biex jiġi mnaddaf il-lokal. Għandu kuntratt biex jinġabar l-iskart domestiku u biex jitbattlu l-iskips ta' kuljum. Għandu kuntratt ieħor biex jinkinsu t-toroq residenzjali darba kuljum, u ieħor biex isir it-tindif u jinġabar l-iskart miċ-ċentru kummerċjali kif ukoll biex titnaddaf ir-rotta mnejn jgħaddu l- karozzini. L-Onorevoli Membru seta jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill- Kunsill tal-lokalita konċernata billi l-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta' gvern lokali.