Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li Triq Qormi, fil-Marsa ssir bit-tarmak il-parti li ma kenitx saret?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li ħarġet sejħa għall-offerti għall-resurfacing ta` din il-parti tat-triq li se tagħlaq fit-22 ta` Diċembru 1998. Fuq l-offerti li jintefgħu jista` jintgħażel il-kuntrattur sabiex ix-xogħol ikun jista` jsir.
Dipartiment ta' l-Isport — Off-road auto motor sport
Question
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'policy għandu d-Dipartiment ta' l-Isport dwar l-off-road auto motor sport f'pajjiżna? Huwa f'pożizzjoni li jinforma lill-Kamra x'tip ta' avvenimenti nazzjonali ta' l-auto motor sport jiġu organizzati fil-gżejjer tagħna? X'għajnuna jingħataw dawn l-għaqdiet mid-Dipartiment ta' l-Isport?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bħalissa qiegħed isir studju fuq il-motor sport kollu. Is-Segretarju Parlamentari kellu laqgħa waħda ma rappreżentanti ta' l-All Wheel Drive Club. Minn din il-laqgħa irriżulta illi l-akbar issue għal dan l-isport huwa faċilitajiet fejn dan l-isport jista' jkun prattikat minħabba l-impatt fuq l-ambjent. Waqt din il-laqgħa kienu indikati siti suġġeriti mill-Awtorita' tal-Ippjanar għal prattika ta' dan l-isport. Żvilupp ta' sit partikolari jiddependi minn l-Awtorita' ta' l-Ippjanar tapprova l-permessi meħtieġa għall-off-roading fuq dan is-sit. Wieħed imbagħad ikun jista' jikkonsidra talbiet eventwali għal għajnuna.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru laqgħat bejn il-Ministeru għall-Isport u għaqdiet nazzjonali ta' l-Auto u Moto Sport f'pajjiżna bejn il-5 ta' Settembru u Diċembru ta' din is-sena?
X'punti tqajmu, meta u ma' min kienu dawn il-laqgħat?
Jekk ma sarux meta huwa pprogrammat li l-Ministeru jiltaqa' ma' dawn l-għaqdiet nazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li saru laqgħat informali bejn uffiċjali tas-Sesgretarjat u dawn l-għaqdiet ta' l-autosport - Island Karting Club, Hal Far Circuit Association u All Wheel Drive Club. Il-laqgħat servew biex jinstemgħu l-ilmenti u proposti ta' dawn l-għaqdiet.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk l-ibliet u rħula li ressqu talbiet quddiem l-Awtorita' dwar it-Trasport Pubbliku sabiex jiġi estiż it-trasport pubbliku f'dawk il-lokalitajiet?
Xi pjani għandu l-Gvern sabiex jirrimedja għal dawn it-talbiet pendenti u meta huwa maħsub li jiġu fis-seħħ dawn ir-rotot il-ġodda?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li t-talbiet pendenti mingħand Kunsilli Lokali biex ikun estiż is-servizz tal-karozzi tal-linja fil-lokalita` tagħhom huma għal estenzjonijiet għall-Qasam tad-Djar f`Ħal Għaxaq, estenzjoni tas- servizz f`Sta Luċija u għall-inħawi f`Tal-Mirakli, Ħal-Lia.
Dawn it-talbiet qed ikunu diskussi ma` min jipprovdi s-servizz.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 1453, Seduta Nru. 28, dwar żviluppi ta' Industrial Estate fir-Rabat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Bħalissa qed isir eżerċizzju bejn l-MDC u l-Awtorita` ta` l-Ippjanar biex jiġu identifikati siti ġodda li jistgħu jiġu żviluppati f`żoni industrijali. Dan l-eżerċizzju qed isir fuq skala nazzjonali u qed jiġi nvolut ukoll id-Dipartiment tal-Artijiet. Għadu kmieni wisq biex wieħed jgħid meta u fejn jistgħu jiġu żviluppati dawn is-siti.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 1455, Seduta Nru. 28?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-policy tal-gvern hija illi proġetti ta` kull daqs ta` natura industrijali kif ukoll servizzi ġodda li jgħinu fl-iżvilupp tal-ekonomija, isibu l-art u l-bini neċessarju biex jeżerċittaw l-attivitajiet tagħhom. Għal dan il-għan hemm kuntatti mad-dipartimenti u awtoritajiet konċernati biex jiġu identifikati siti ġodda għal żvilupp fil-futur.
Il-preparazzjoni biex jitwaqqfu l-Aviation Services Park u l-Marine Services Park għadhom għaddejjin.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-programm ta' l-introduzzjoni tal-computers fl-iskejjel speċjali? F'liema skejjel l-istudenti qed jużaw il-computers? X'taħriġ ingħata lill-għalliema u meta? L-għalliema u l-kindergarten assistants ta' dawn l-iskejjel ġew mogħtija lap top computer kif ingħata lill-oħrajn?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskejjel kollha tlestew l-installazzjonijiet ta' l-Alarm Systems u ta'l-Elettriku b'riferenza għall-introduzzjoni tal-computers. Kull skola ġiet ukoll mogħtija l-għamara meħtieġa għal dan il-għan.
F'kull klassi ġew installati żewġ computers jew wieħed skond il-ħtieġa kif ukoll video recorder u monitor.
Għaldaqstant il-computer jista' jintuża fl-iskejjel kollha speċjali. L-għalliema kollha ġew mogħtija taħriġ bażiku fl-użu tal-computers u tas-software f'April u Mejju ta' din is-sena. L-għalliema u l-kindergarten assistants ta' dawn l-iskejjel ma ġewx mogħtija Laptop.
Il-Proġett huwa fażi esperimentali u maħsub li fil-futur qrib jinstab konsulent f'dan il-qasam biex isir użu effikaċi tal-computers ma studenti bi ħtiġijiet speċjali.
Jista' l-Ministru jgħid min ta l-ordni biex id-dokument li qed jintbagħat separatament ma' din il-mistoqsija jintbagħat lid-Dipartiment tas-Servizzi Soċjali?
X'sar mill-fondi li baqgħu jinqatgħu sal-lum mis-salarju ta' dan l-impjegat bħala l-kontribuzzjoni tiegħu tal-bolla?
X'passi se tieħu l-Korporazzjoni Maltija għall-Iżvilupp biex tirregolarizza lilha nnifisha mal-liġi peress li dan l-impjegat baqa' mal-Korporazzjoni u għadu ma temmx ix-xogħol tiegħu magħha?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f`xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tar-reklutaġġ tas-Supply Kindergarten Assistants li s-sejħa għall-applikazzjoni tagħhom għalqet fis-27 ta' Novembru, 1998?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-proċess ta' l-għażla għar-reklutaġġ ta' Supply Kindergarten Assistants ingħata bidu u hu mistenni li s-Selection Bord jibda bl-intervisti ta' l-applikanti fil-futur qrib.
Peress li fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2541 għidt li se tkellem lid-Direttur Ġenerali u d-Direttur tal-Kurrikulu dwar il-Mid-week project, saret din il-laqgħa? X'ġie deċiż? Jekk ma saritx il-laqgħa, meta se ssir?
Response (GALEA, LOUIS)
S'issa għadni ma sibtx il-ħin għal-laqgħa formali mad-Direttur Ġenerali u mad-Direttur tal-Kurrikulu dwar il-Mid-Week Project. Informat li sa dan il-waqt, id-Direttur tal-Kurrikulu u l-Assistent Direttur responsabbli għall-implementazzjoni tal-kurrikulu qed jaraw kif il-Mid-Week Project jista' jipproċedi bl-aħjar mod u jilħaq l-għanijiet li twaqqaf għalihom.
Jista' l-Ministru issa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2148?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-Dipartiment tal-Mużewijiet m'għandu ebda rapport li saru xi splużjonijiet fil-barrieri ta' qrib it-tempji ta' l-Imnajdra u Ħaġar Qim.
Madankollu, l-Pulizija, il-Forzi Armati, kif ukoll l-Awtorita' ta' l-Ippjanar, intalbu jagħmlu l-investigazzjonijiet neċessarji b'riferenza għal din il-Mistoqsija.
Jista' l-Ministru jgħid xi proċeduri hemm biex tingħata liċenzja għall-ftuħ ta' dar ta' l-anzjani privata? Ladarba li l-gvern japprova liċenzja, x'miżuri jieħu biex jaċċerta ruħu li l-livelli stabiliti fl-għotja tal-liċenzja jinżammu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Min ikun interessat jiftaħ dar għall-anzjani għandu japplika lill-Ministeru tas-Saħħa. Wara li ssir l-applikazzjoni l-individwu jiġi mitlub jimla' kwestjonarju li jirrigwarda dettalji dwar il-proġett (per eżempju n-numru ta' impjegati, numru ta' kmamar, numru ta' residenti, servizzi, ecc.).
Meta dan il-kwestjonarju jidħol fid-Dipartiment tas-Saħħa, ssir spezzjoni minn team ta' uffiċċjali rappreżentanti tad-Dipartimenti tas-Saħħa u ta' l-Anzjani, maħtura apposta għal dan l-iskop. Wara din l-ispezzjoni jinħarġu r-rakkomandazzjonijiet lill-applikant. Meta imbagħad l-post ikun jissodisfa r-regolamenti, jingħata parir lill-Ministru tas-Saħħa biex tinħareġ il-Liċenzja rispettiva skond il-Medical and Kindred Professions Ordnance.
Kull liċenzja tkun valida għal sena kalendarja u biex din tiġi mġedda, ssir spezzjoni kull sena biex jiġi aċċertat li l-livell inzamm u xi rakkomandazzjonijiet li jkunu ingħataw ġew implimentati. Minbarra din il-vista ta' rutina, ġieli jsiru spezzjonijiet jekk ikun hemm xi lmenti jew tinħass il-ħtieġa.
18.12.98
Jista'l-Ministru jgħid meta informazzjoni hi meqjusa ta' natura kummerċjali? Jista' jgħid ukoll liema huma dawk il-kumpanniji li huma responsabbilta' tal-ministeru tiegħu li jaqgħu taħt din il-kategorija?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kull każ jitqies fuq il-mertu tiegħu u għaldaqstant huwa diffiċli biex tagħmel regoli ġenerali.
Madankollu, wieħed jista` jgħid illi nformazzjoni hija ta` natura kummerċjali meta din tkun relatata ma` transazzjonijiet strettament kummerċjali ta` xi korporazzjoni pubblika jew ta` xi ażjenda ta` l-Istat, jew li tinvolvi l-iżvelar ta` nformazzjoni kummerċjali illi l-Istat tkun ottjena kunfidenzjalment jew taħt obbligu li ma jiżvelahiex. Tista` tkun ukoll informazzjoni li l-iżvelar tagħha jkun inġustament jippreġudika l-interessi kummerċjali ta` terzi.
Mhux il-każ li tgħid li hemm xi entita illi l-informazjoni mitluba dwarha ma` tista` tiġi żvelata qatt. Jiddependi x`informazzjoni tkun qed tintalab.
Jista' l-Ministru jara li d-diversi lmenti tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament sabiex ma ssirx ħsara tas-soqfa tal-post li għadhom kif inbiddlu din is-sena stess jingħataw widen? Jista' l-Ministru jiżgura li d-Dipartiment ta' l-Artijiet li huwa responsabbli li jara li r-residenti jżommu mal-kondizzjonijiet tal-kirja, jagħmel xogħlu f'dan il-każ peress li tpoġġew żewġ tankijiet fuq il-bejt (minflok fuq travi) li qed jikkawżaw ħsara lis-saqaf imsemmi, minbarra skart u żibel fuq l-istess saqaf?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li, mill-file tad-Dipartiment ta' l-Artijiet ma jirriżultax li l-persuna li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant għamlet xi lment dar ħsara li tista' ssir fis-soqfa li għadhom kif inbidlu din is-sena.
Rigward it-tieni parti tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li d-Dipartiment ta' l-Artijiet ser jagħmel l-ispezzjonijiet u jieħu l-azzjoni meħtieġa jekk ikun il-każ.
18.12.98 (pm)
Jista' l-Ministru issa jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 294?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-proċess biex jiġu ffirmati l-kuntratti tal-persuni li għandhom jaqdu dmirijiet fis-Segretarjat Privat tiegħi issa beda imma għadu ma ġiex konkluż. Għalhekk risposta sħiħa għal din il-mistoqsija f'dak li jirrigwarda l-Ministeru tiegħi tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2522?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħlasijiet ta' salarji, allowances, eċċ tat-tlett watchmen li huma impjegati mad-Dipartiment taż-Żgħażagħ u Sport se jammontaw għal Lm12,782.40 matul l-1998. Dawn huma mqassma hekk:
Salarji Lm9039
Kontribuzzjonijiet Sigurta Soċjali Lm 869.40
Income Supplement Lm 312
Bonus (Ġunju u Diċembru) Lm 348
Allowances (Ħdud u Festi) Lm1512
Arretrati Ftehim Kollettiv Lm 702
Dwar ħlasijiet lill-impjegati tad-Dipartiment tax-Xogħlijiet, l-Onorevoli Interpellant huwa mitlub jagħmel id-domanda tiegħu lill-Ministru kkonċernat. Dawn l-impjegati qed jagħmlu xogħol ta' maintenance tal-Plant Room equipment u tindif tal-pixxina.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2521?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-konsultazzjonijiet dwar it-twaqqif mill-ġdid tas-Swimming Promotions Unit qed isiru ma' membri tal-Bord Amministrattiv tal-Pixxina Nazzjonali. Il-pjan ta' dan il-Ministeru hu li din il-Unit tkun tista tibda topera fl-iqsar żmien possibli.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2520?
Response (GALEA, LOUIS)
Kif diġa għidt fil-Mistoqsija Parlamentari Nru 783, informat li d-deċisjonijiet dwar l-estensjoni tal-kuntratt ta' dawn il-ħaddiema ttieħdu fuq rakkomandazzjoni mill-Bord Amministrattiv.