Billi fid-dibattitu tal-budget fuq is-saħħa nhar it-Tnejn, 14 ta' Diċembru, 1998 intqal illi t-transfers tan-nurses jingħataw u hija responsabbilta' għalihom id-Direttriċi tan-nurses, jista' l-Ministru jgħid, grad grad, fid-Dipartiment kollu tas-Saħħa min hu nkarigat li jagħti u jerfa' ir-responsabbilta' tat-transfers?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Bħal ma tennejt fit-tweġibiet oħra, transfers isiru skond l-esiġenzi tas-servizz.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jingħata l-asphalt meħtieġ fi Triq New Street off Triq il-Ħtajriet, Mosta meta r-residenti ilhom jgħixu hemm għal snin twal u żgur hemm min ilu jgħix għal 15-il sena?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jiena nfurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment u dejjem, jekk is-servizzi neċessarji huma diġa' mgħoddija.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament ma ġiex mibgħut bħala welder trainee l-Malta Drydocks?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-aħħar lista ta' "trainee welders" li ntbagħtet mill-Korporazzjoni ta' Xogħol u Taħriġ lill-Malta Drydocks kien fit-2 ta' Settembru 1998.
Il-persuna msemmija bdiet tirreġistra fl-10 ta' Settembru 1998 bħala "Electronics" u "Telecom Technician".
11.1.99
Jista' l-Ministru jgħid hijiex l-intenzjoni tiegħu li jibgħat membri mill-minsteru jagħmlu żjarat għall-għarrieda fis-satra tal-lejl lin-nurses u t-tobba li jkunu xogħol kif kien isir b'mod regolari fi żmien il-gvern preċedenti?
Jista' l-Ministru jgħid hijiex il-politika tiegħu li jħalli l-istrutturi diġa' eżistenti jikkontrollaw u jagħmlu sorveljanza fuq membri ta' dawn iż-żewġ professjonijiet u mhux ikun hemm idħil minn membri tal-ministeru?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-isptarijiet u l-professjonijiet għandhom l-istrutturi maniġerjali tagħhom u dawn l-istrutturi għandhom jiġu msaħħa u mhux injorati. Il-policy tiegħi hi li f'kull livell il-kontroll u s-sorveljanza jiġu eżerċitati minn dawk li huma appuntati biex jagħmlu dan bil-poteri kollha li tagħtihom il-job description u l-istruttura maniġerjali nfisha.
L-attitudni tal-gvern preċedenti dwar din il-materja wasslet biex fl-istrutturi maniġerjali jidħlu d-demotivazzjoni u l-apatija.
Jista' l-Ministru ġentilment jgħid jekk id-Direttur tan-Nursing Services hijiex qed tiltaqa' b'mod regolari ma' membri ta' din il-professjoni li jkunu jixtiequ jiltaqgħu magħha?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi d-Direttur tan-Nursing qegħda tiltaqa' ma'membri ta' din il-professjoni kull nhar ta' Ħamis filgħodu.
Sa issa, diġa' ġew aktar minn erbgħin impjegat sabiex iressqu xi ilmenti jew suġġerimenti, minbarra numru akbar ta' membri li ġew sabiex jitkellmu fi ġranet oħra apparti nhar ta' Ħamis.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ittieħed overtime xahar b'xahar minn Awissu 1998 sa Novembru 1998 fil-Professional Unit?
Min jawtorizza li l-ħaddiema fil-Professional Unit jitilqu ta' spiss minn fuq il-post tax-xogħol?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Naħseb li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-Professorial Unit.
It-tweġiba għall-ewwel mistoqsija hija - xejn.
Dwar it-tieni mistoqsija - fix-xogħol tagħhom dawn l-impjegati jkollhom joħorġu mill-uffiċċju biex jitkellmu mad-diversi Konsulenti u tobba.
Irrid ngħid li ma kien hemm l-ebda tibdil f'dak li qed jagħmlu dawn l-impjegati u dak li qed jagħmlu issa kienu wkoll jagħmluh qabel il-5 ta' Settembru 1998.
Jista' l-Ministru jgħid kif persuna li ħadet promozzjoni b'mod speċifiku biex taħdem f'Għawdex ġiet trasferita lejn Malta filwaqt li l-post tagħha dak ta' Principal Health Inspector f'Għawdex huwa issa vakanti?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-persuna li qiegħed jirreferi għalija l-Onor. Interpellant fid-domanda tiegħu ġiet trasferita għal Malta a bażi tal-parir preliminari tal-Ombudsman bid-data 26 ta' Awissu 1998, li ġiet komunikata lil dan id-Dipartiment fil-wieħed u tletin ta' Awissu 1998.
Nikkonferma li l-post ta' Spettur Prinċipali tas-Saħħa f'Għawdex issa huwa vakanti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm gatekeepers u/jew watchmen jaħdmu fiċ-ċimiterji tal-gvern? X'inhuma l-ħinijiet tagħhom?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li ħadd mill-impjegati fiċ-ċimiterji tal-Gvern ma għandu l-grad ta' gatekeeper jew watchman.
Ninforma wkoll li tmien (8) persuni minn diversi gradi differenti jaħdmu bħala gatekeepers matul il-ġurnata waqt li tmien (8) persuni minn diversi gradi differenti jaħdmu bħala watchmen matul il-lejl.
Il-ħinijiet li jaħdmu dawn il-ħaddiema bħala gatekeepers u watchmen huma:
_____________________________________
Gatekeepers 6.30am sas-1.10pm
7.00am sas-2.00pm
7.00am sal-5.00pm
_____________________________________
Watchmen 5.00pm sas-7.00am
_____________________________________
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1525, jista' l-Ministru jwieġeb fid-dettall dwar dawn it-talbiet li saru mill-1 ta' Jannar, 1998? Jista' jgħid ukoll fejn dawn it-talbiet ġew aċċettati jew rifjutati?
Response (BORG, TONIO)
Ma għandi xejn x'inżid mat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2449 f'Seduta 31.
11.01.99
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1528, jista' l-Ministru jgħid kif wasal għal ħlas tas-somma ta' Lm1,655 lill-Pixxina Nazzjonali u Lm1,500 lir-Razzett ta' Ħbiberija għal perijodu bejn Ottubru 1998 u Mejju 1999?
Sal-lum il-ħlasijiet ta' skola Sport għas-sena skolastika li għaddiet tħallsu kollha fejn jirrigwarda Pixxina Nazzjonali, għalliema eċċ?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-somma ta' Lm1,655 lill-Pixxina Nazzjonali tkopri l-ispiża kif se nsemmi:
23 sessjoni ta' 3 siegħat għall-użu ta' 4 lanes fil-Main Pool
23 sessjoni ta' 3 siegħat għall-użu ta' 2 lanes fid-Diving Pool
23 sessjoni ta' sagħtejn għall-Waterpolo
Is-somma ta' Lm1,500 lir-Razzett tal-Ħbiberija jkopru l-użu tal-pixxina għal 30 sessjoni ta' tlett siegħat.
Il-ħlasijiet ta' Skolasport għas-sena skolastika li għaddiet saru kollha.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 1527, jista' l-Ministru jgħid jekk meta saru spezzjonijiet minn uffiċjali tad-Dipartiment tal-Kummerċ, instabx li kollox kien kif suppost? Jekk fin-negattiv, jista' jagħti dettalji dwar fejn u għaliex kien hemm ksur ta' regolamenti?
Għalkemm wieħed japprezza li d-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni m'għandux kontrolli fuq x'jinbiegħ f'tuck shops ta' skejjel tal-Knisja u privati, jista' jara huwiex possibbli li dawn l-ispezzjonijiet, b'kollaborazzjoni ma' l-awtoritajiet konċernati, jibdew isiru peress li għandi rapporti li qed jinbiegħu ħafna ċikkulata u prodotti oħra li mhumiex tajbin għas-saħħa tat-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li s-Sezzjoni tal-Kontroll tal-Prezzijiet fi ħdan id-Dipartiment tal-Kummerċ intalbet darbtejn twettaq l-ispezzjonijiet meħtieġa.
Sa llum jien informat li l-ispezzjonijiet qed isiru u, fil-ġejjieni, nistenna rapport sħiħ mid-Dipartiment tal-Kummerċ rigward x'instab fit-Tuck Shops kollha.
Id-Diviżjoni ta'l-Edukazzjoni m'għandha ebda kontroll fuq it-tuckshops ta' l-iskejjel tal-Knisja u privati. Jekk ikun hemm xi rapport speċifiku, allura jiġi infurmat id-Dipartiment tal-Kummerċ.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ingħataw flus lill-awtoritajiet ekklesjastiċi matul l-1998 taħt il-ftehim li kien sar dwar trasferiment ta' l-artijiet tal-Knisja lill-gvern? Jista' jgħid meta sar kull ħlas matul din is-sena u f'liema ammonti?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Mistoqsija għandha tiġi riferita lill-Ministru responsabbli mill-Uffiċċju Konġunt.
Jista' l-Ministru jgħid jekk id-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni hux qed ikollha konsultazzjonijiet mal-Kapijiet ta' l-Iskejjel ta' l-Istat dwar bżonnijiet ta' tiswijiet fl-iskejjel rispettivi? Il-kunsilli lokali qed jiġu nvoluti f'dan?
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu bħalissa talbiet mill-iskejjel ta' l-Istat u/jew kunsilli skolastiċi għal tiswijiet fl-iskejjel tal-lokal? Fejn jinstabu dawn l-iskejjel u x'inhuma dawn it-tiswijiet? Kemm minnhom ġew kklassifikati bħala urġenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li intbagħtet ċrikulari fis-27 ta' Ottubru, 1998 lill-kapijiet kollha ta' l-iskejjel Primarji u xi wħud sekondarji kif ukoll lil skejjel speċjali fejn il-kapijiet ġew mitluba biex, wara konsultazzjoni mal-kunsill ta' l-iskola u mal-kunsill lokali, jissottomettu lista ta' xogħlijiet f'ordni ta' prijorita', sat-22 ta' Diċembru, 1998.
Kien hemm ħamsa u sebgħin risposta.
It-tiswijiet huma varji ħafna.
Fil-bidu ta' Jannar ikollna stampa aktar ċara tal-kwantita' u l-kwalita' tax-xogħol rikjest, u f'dak iż-żmien issir analiżi tax-xogħlijiet meħtieġa.
Dawn l-iskejjel jinsabu f'dawn il-lokalitajiet:
B'Bugia, B'Kara, Cospicua, Dingli, Floriana, Gudja, Għargħur, Gżira, Ħamrun, Kalkara, Luqa, Marsa, Msida, M'Xlokk, Mellieħa, Mosta, Mqabba, Naxxar, Pembroke, Pieta', Qormi, Qrendi, Rabat, Safi, Senglea, Siġġiewi, St Venera, San Ġwann, St Julians, Tarxien, Valletta, Vittoriosa, Żebbuġ, Żejtun, Żurrieq.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-kuntratt taċ-Chief Executive tal-PBS skadiex? Jista' l-Ministru jgħid x'inhi d-deċiżjoni tal-Gvern rigward il-kuntratt taċ-Chief Executive preżenti?
Response (GALEA, LOUIS)
Bi ftehim bejn il-Bord il-ġdid tal-PBS u ċ-Chief Executive, il-kuntratt taċ-Chief Executive ġie mġedded għal perjodu definit ieħor. Sadanittant il-Bord li ġie maħtur ftit ilu jilħaq jagħmel stima tas-sitwazzjoni biex ikun f'pożizzjoni aħjar li jieħu d-deċiżjonijiet meħtieġa.
Jista'l-Ministru jgħid kemm ingħataw promozzjonijiet fil-PBS bejn is-26 ta' Ottubru, 1996 u l-5 ta' Settembru, 1998? Min ħa dawn il-promozzjonijiet u fuq liema bażi ngħataw? Jista' l-Ministru jagħti lista ta' kif kienu l-gradi u n-numru ta' persuni li jokkupawhom fil-PBS fis-26 ta' Ottubru, 1996 u kif inhuma fil-preżent?
Response (GALEA, LOUIS)
Jien infurmat li bejn is-26 ta' Ottubru 1996 u l-5 ta' Settembru 1998, ingħataw 99 promozzjoni fil-PBS.
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra d-dokumentazzjoni li ġejja:
- lista mmarkata Doc A li turi min kienu dawk li ngħataw promozzjoni. Il-promozzjonijiet ingħataw bħala riżultat ta' intervisti interni li saru minn Bordijiet ta' Għażla differenti u b'konsegwenza tal-Ftehim Kollettiv ġdid u anke ta' qablu.
- listi mmarkati Doc B u Doc C li jagħtu l-informazzjoni kollha dwar il-gradi u l-għadd ta' persuni li kienu jokkupaw dawk il-gradi fis-26 ta' Ottubru 1996 u li jokkupawhom fil-preżent.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar in-numru ta' ġurnalisti tal-PBS li jirrapportaw ix-xogħol li jsir fil-Kamra tad-Deputati? Jista' l-Ministru jgħid jekk dan ix-xogħol isirx minn ġurnalisti regolari tal-PBS u fuq liema bażi ta' ħlas isir?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li r-rappurtaġġ tas-seduti Parlamentari ta' filgħaxija ġeneralment kien u għadu jsir minn ġurnalista 'part-time' kemm minħabba nuqqas ta' staff kif ukoll biex ikun hemm trażżin tas-sahra.
Ix-xogħol ġie li jsir ukoll minn ġurnalista regolari tal-PBS.
Jista' l-Ministru jgħid kif fl-iskola ta' Adelide Cini, Ħamrun m'hemmx għalliema tal-Chemistry tgħallem fil-Form 3?
Meta jaħseb li se terġa' tmur l-għalliema?
Kemm hemm skejjel li għandhom għalliema nieqsa?
Ta' liema huma s-suġġetti?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskola Adelaide Ċini ma hemmx għalliema nieqsa. Skejjel fejn hemm għalliema nieqsa hemm 7, u s-suġġetti huma Computer, Physics, PSE, Music, Home Economics, Business Studies.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 2431, jista' l-Ministru jgħid meta ġew awarded u meta nbdew it-tenders immarkati: (i) u (iv) rigward id-dar ta' l-anzjani f'Bormla?
Response (GONZI, LAWRENCE)
It-tender "Mechanical and Electrical Services" ġie ppublikat fil-gazzetta tal-Gvern fis-7 ta' Novembru, 1997, ġie "awarded" L/A fit-30 ta' Marzu, 1998 u x-xogħol inbeda fil-15 ta' April, 1998. It-Tender "Roofing Works" ġie ppublikat fil-gazzetta tal-Gvern fit-28 ta' Lulju, 1008, ġie awarded L/A fl-10 ta' Novembru, 1998 u x-xogħol inbeda fl-10 ta' Novembru, 1998.
11.1.99
Jista' l-Ministru jagħti informazzjoni rigward talba għal permess ta' bini f'art agrikola ferm tajba magħrufa bħala Dun Lanza ġewwa Ħaż-Żabbar (PA 6643/98)?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li r-rapport dwar l-applikazzjoni PA 6643/98 ġie ffinalizzat u ser jintbagħat lill-applikant/perit fil-ġranet li ġejjien. Ir-rapport qiegħed jirrakkomanda dan l-iżvilupp li qiegħed fil-konfini ta' żvilupp kif indikat fi skema 56 tal-Pjan Regolatur ta' l-1988. Din iż-żona hija għal 'terraced houses' b'għoli ta' żewġ sulari.
11.01.99