Jista' l-Ministru jgħid meta l-persuna li isimha qed jitbagħat separtament ġiet appuntata Amministrattur Mediku fl-Isptar San Luqa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Il-persuna li qed isemmi l-Onor. Interpellant kopriet lill-Amministratur Mediku ta' l-Isptar San Luqa li kien jinsab fuq `leave'. Ninsab infurmat li dan l-arranġament intuża wkoll meta l-Onor. Interpellant kien il-Ministru responsabbli għas-Saħħa.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-PBS dwar l-użu ta' ġurnalisti bil-kuntratt sabiex jagħmlu xogħol ġurnalistiku regolari għall-PBS? Jista' jgħid minn meta bdiet tintuża din is-sistema, jekk tintuża, u hijiex se tkompli tiġi użata din il-policy?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ċ-centru ta' l-Aħbarijiet jagħmel użu mill-ġurnalisti bil-kuntratt kemm fir-rappurtaġġ ta' stejjer lokali, fil-kitba u produzzjoni ta' l-aħbarijiet ta' barra kif ukoll fil-programm ta' ġrajjiet kurrenti għar-radju u t-televiżjoni.
Ġie li ġew assenjati wkoll biex jirrapurtaw seduti Parlamentari.
Informat li l-ħtieġa għal dawn in-nies inħasset meta għadd ta' membri tat-Taqsima ta' l-Aħbarijiet kienu ngħataw promozzjoni u wħud minnhom ħtiġilhom jassumu pożizzjonijiet ġodda fi ħdan il-PBS. Is-sistema bdiet tintuża malli ġie ffirmat il-kuntratt mal-persuni involuti.
Id-direzzjoni l-ġdida tal-PBS se jkollha l-opportunita' tagħti ħarsa mill-ġdid lejn din il-policy.
Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex minnhom rapporti li dehru fil-ġurnali li l-PBS se tispiċċa s-sena finanzjarja b'telf? Kemm qed jiġi stmat li jkun dan it-telf u jgħid x'qed iwassal għal dan it-telf minkejja s-sussidju mil-liċenzji li qed tingħata l-PBS?
Response (GALEA, LOUIS)
Tlabt li t-tagħrif jiġi verifikat u tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.
jista' l-Ministru jgħid kemm kien is-sussidju li l-Gvern ta mil-liċenzji tat-televiżjoni lil PBS sena b'sena mill-1994 sal-1998 u jgħid x'inhi l-politika tal-gvern preżenti dwar dan is-sussidju?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Gvern għadda dawn l-ammonti f'sussidju mill-liċenzji tat-televiżjoni lill-PBS
1994 - Lm1,519,000
1995 - Lm1,410,000
1996 - Lm1,816,000
1997 - Lm2,265,000
1998 - Lm2,111,000
(Jannar - Novembru)
Ta min isemmi li l-Gvern preċedenti kien bidel l-ammont ta' Lm1,000,000 dovuti lilu mill-PBS f'kapital għall-kumpanija.
Għandu jingħad li l-proċess kollu tal-ġbir, reklamar u aġġornament tas-sistema tal-liċenzji tat-TV isir mill-PBS.
Il-Kumpanija tagħmel tajjeb għal dawn l-ispejjeż amministrattivi kif ukoll investiet fit-teknoloġija meħtieġa biex tkun tista twettaq din il-ħidma.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy tal-PBS dwar il-farming-out ta' programmi? Kif jingħataw dawn il-programmi u x'metodi qed jintużaw biex jingħataw dawn il-programmi?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-policy li segwiet il-PBS s'issa dwar il-'farming-out' ta' programmi fuq Television Malta u Channel 12 tul dawn l-aħħar sentejn kienet u għadha waħda li taħseb għal dawn il-ħtiġijiet:
1. Il-ħolqien ta' spazju (studio) skond in-natura tal-programm u d-daqs ta' l-udjenza intenzjonata, speċjalment fi żmien meta l-istudios tal-PBS kienu qed jiġu refurbished
2. L-użu ta' faċilitajiet alternattivi sabiex il-programmi kollha fl-iskedi taż-żewġ stazzjonijiet ikunu jistgħu jsiru u b'hekk jintlaħaq l-iskop tal-kumpanija li tagħti prijorita' lill-produzzjonijiet lokali
3. L-akkwist ta' ideat u metodi ġodda fil-kreazzjoni ta' programmi televiżivi
4. It-tkattir ta' l-idea li l-PBS, bħala organizzazzjoni tax-xandir pubbliku, sservi ta' umbrella professjonali fejn taħtha jitwieldu u jikbru programmi, programmaturi u talenti ġodda f'dan il-qasam importanti tal-komunikazzjoni.
Il-'farming-out' tal-programmi jsir wara negozjati interni sabiex qabel xejn jiġi stabbilit il-livell ta' spazju u operat li tkun tista tassumi il-PBS, kif ukoll ma' kumpaniji u individwi li jkunu offrew is-servizzi, faċilitajiet u ideat tagħhom.
Ta' min jgħid li anke fil-kuntratti ta' 'farming-out', il-PBS sikwit tinkludi l-użu ta' l-apparat u l-operat tagħha.
Ġejt assigurat li l-kumpanija tieħu ħsieb li timmonitorja l-programmi li jkunu 'farmed-out' sabiex tassigura li l-kwalita' teknika u tal-preżentazzjoni tkun tajba.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-programmi li hemm fl-iskeda preżenti tal-PBS qed isiru mija fil-mija mill-PBS u kemm qed isiru permezz ta' kuntratti ta' farming-out fit-totalita' tagħhom jew parti minnhom?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-programmi fuq TVM u Channel 12 maħdumin mija fil-mija mill-PBS huma:
TVM Channel 12
L-Aħbarijiet Nistgħu Ngħinuk
Lenti Il-Kunsill Tiegħek
Ħaddieħor Eta' tad-Deheb
Sebatijiem Programm speċjali (ad hoc)
Goal
Il-Każ
Kotba, Ideat u Ħajja
Tertuqa 35
Vaganza f'Ħalblaras
Pjazza 3
Waltzing Matilda
Naturambjent
Il-quddiesa ta' nhar ta' Ħadd
Basta Mhux Weekend
Ċinkwina
Tiritombla
Lista ta' programmi li huma 'farmed-out' qed tinagħata fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2904.
Informat ukoll li anke fil-każ ta' programmi farmed-out, il-PBS tidħol għal tipi ta'kuntratti, fosthom dawk li permezz tagħhom il-kumpanija xorta waħda tagħmel użu kemm mill-apparat kif ukoll mill-operat tagħha.
Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk il-kumpanniji jew individwi li ngħataw xogħol mill-PBS fuq bażi ta' farming-out fl-iskeda preżenti?
Response (GALEA, LOUIS)
It-tagħrif mogħti hu kif ġej:-
MAX MEDIA -------------- Inservik
Ġejna Koppji
Fiżż
ORANGEPEEL
PRODUCTIONS ------------ Bricolage
KOPERATTIVA
EXPRESS ---------------- Kraxx
BONACI
BROTHERS --------------- Ipokriti
PETER
BUSUTTIL --------------- Bonġu Sinjura Borġ
CITADEL
PRODUCTIONS ------------ Għawdex Illum
ENGELBERT
GRECH et al ------------ Ċaqlaq
Għaliex waqt li fil-Budget 1994 il-Ministru argumenta li biex ma jkunx hemm evażjoni tal-VAT m'għamilx thresholds waqt li f'dak tal-Budget 1999 ħabbar thresholds għall-VAT? Jaħseb il-Minsitru li issa ma jgħinux fl-evażjoni dawn it-thresholds?
Response (DALLI, JOHN)
Fl-ewwel introduzzjoni tal-VAT kien importanti li ma jsirux thresholds biex nassiguraw li fir-reġistrazzjoni tinqabad l-attivita ekonomika kollha fil-pajjiż. Dak iż-żmien konna għidna li kellna nikkonsidraw l-introduzzjoni tat-thresholds aktar il-quddiem.
Fl-1997 il-liġi li daħħal Gvern Laburista ntroduċiet it-thresholds. Il-liġi l-ġdida tal-VAT tirrifletti dan l-istat ta` fatt.
Jista' l-Ministru jgħid liema korpi kostitwiti, trade unions u assoċjazzjonijiet tal-konsumaturi ġew ikkonsultati fit-tfassil tal-liġi tal-VAT? F'liema dati saru dawn il-laqgħat ta' konsultazzjonijiet?
X'fehmiet ressqu l-għaqdiet li ġew ikkonsultati?
Liema fehmiet ġew aċċettati?
Response (DALLI, JOHN)
Waqt it-tfassil tal-liġi tal-VAT, il-Gvern kellu konsultazzjonijiet ma` dawn l-għaqdiet.
- Il-Federation of Industry.
- Il-Chamber of Commerce.
- Il-General Retailer and Traders Union.
- Il-Malta Hotels and Restaurants Association.
- Il-Malta and Gozo Restaurant and Hotels Association.
- Il-Federation of Hotels, Pensions and Catering Establishments.
- Il-Malta Institute of Accountants.
- Il-Association of Local Councils.
- Il-General Workers Union.
- Il-Union Ħaddiema Magħqudin.
- Il-Confederation of Maltese Trade Unions.
Dawn il-konsultazzjonijiet saru bejn id-19 ta` Ottubru u t-23 ta` Novembru 1998. Kif wieħed jista` jobsor, kull għaqda ressqet il-fehmiet u l-aspettativi tal-membri li tirrapreżenta fir-rigward ta` l-introduzzjoni mill-ġdid tal-liġi tal-VAT liema fehmiet f`ħafna każi kienu jaqblu.
F`sitwazzjoni dinamika ta` konsultazzjoni m`hux il-każ li jinżammu listi ta` fehmiet li ġew aċċettati bħalli kieku l-pożizzjonijiet kienu opposti jew statiċi.
X'irriżulta lill-Ministru wara li hu u uffiċjali għolja tad-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni dan l-aħħar żaru l-iskola speċjali tal-Qrendi? X'passi se jittieħdu dwar it-talbiet imqajma mill-ġenituri u l-istaff ta' l-iskola? X'kienu dawn it-talbiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Fit-3 ta' Diċembru 1998, żort l-iskola tal-Qrendi fejn iltqajt mal-Kap, l-għalliema, impjegati u mal-ġenituri.
It-talbiet tal-ġenituri kienu;
1. Trasport adekwat
2. Nuqqas ta' staff
3. Nuqqas ta' spazju
4. Taħriġ ta' għalliema
5. Rappreżentanza fuq il-Kunsill ta' l-Iskola billi jidħol
ġenitur li għandu tifel/tifla/tfal neqsin mill-vista.
Passi li ttieħdu
1. Tfal li ma kellhomx trasport temporanjament qegħdin
jiġu mwassla mid-dar għall-Iskola bi trasport alternattiv.
2. Għalkemm kienu ħarġu applikazzjonijiet għal għalliema f'
din l-Iskola, ħadd ma kien applika. Minn Jannar ta' din
is-sena għalliem kwalifikat fit-tgħlim ta' l-għomja se
jintbagħt biex jgħin, sakemm toħroġ applikazzjoni oħra.
3. Dwar rappreżentanza fuq il-kunsill, il-Kap ta' l-Iskola
kellha tressaq din it-talba quddiem il-membri l-oħra
tal-Kumitat.
4. Ħassejt li dawn il-problemi għandhom bżonn soluzzjoni
fit-tul. Hemm bżonn ta' pjan ta' żvilupp serju u
professjonali u għalhekk il-kwestjoni bdiet tiġi diskussa
fil-Kumitat Ministerjali dwar Edukazzjoni Inklussiva
fil-kwadru tal-futur ta' l-iskejjel speċjali.
Jista' l-Ministru jgħid liema ġenituri ta' liema studenti ta' skejjel speċjali ntalbu jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar jekk iridux lill-uliedhom fi skejjel speċjali jew jiġu ntegrati fi skejjel mainstream?
Kif wieġbu l-ġenituri dwar dawn il-mistoqsijiet?
X'konklużjonijiet ġibed il-Ministeru dwar dawn it-tweġibiet?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li t-Taqsima ta' l-Edukazzjoni Speċjali qatt ma talbet lil xi ġenituri ta' studenti bi bżonnijiet speċjali biex jagħtu l-fehmiet tagħhom dwar jekk iridux lil uliedhom fi skejjel Speċjali jew jiġu ntegrati fi Skejjel 'Mainstream'. Nirreferi wkoll għat-tweġiba għall-Mistoqsija preċedenti.
Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu wara li l-Ministru ordna li uffiċjali tad-Dipartiment tat-Toroq jispezzjonaw it-triq li minn Burmarrad tieħu għal Wardija?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Dipartiment tat-Toroq diġa għamel spezzjoni fuq it-triq imsemmija liema triq jeħtieġilha xogħol estensiv.
Id-Dipartiment ra x`passi jistgħu jittieħdu biex din it-triq issir aħjar.
Jista' l-Ministru jgħid jekk tlestiex ir-rapport imsemmi fid-diskors tal-Budget 1999 dwar l-impatt tal-VAT fuq l-għoli tal-ħajja?
Jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (DALLI, JOHN)
M`għandi xejn x`inżid mar-risposta li tajt għall-mistoqsija 2751.
Jista' l-Ministru jgħid jekk f'Ward 9/10 ta' l-irġiel fl-Isptar San Vinċenz de Paule hemmx servizz ta' misħun? Jekk iva, għaliex għal dawn l-aħħar ġimgħat il-pazjenti qegħdin jinħaslu bl-ilma kiesaħ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Fis-Sala 9/10 ta' l-irġiel ġewwa r-Residenza ta' San Vinċenz, is-servizz tal-misħun kien sospiż għal perjodu qasir, sakemm issewwiet ħsara li kien hemm fis-sistema.
12.1.99
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari numru 2163?
Response (BORG, TONIO)
Rigward it-tagħrif mitlub fil-Mistoqsija Parlamentari Nru. 2163, għal perijodu 5 ta' Settembru, 1998, sa l-10 ta' Novembru, 1998, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 1271 f'Seduta 26.
Għal kumplament tal-perijodu ndikat fil-Mistoqsija ninsab infurmat li t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
12.01.99