Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #35187 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Ministeru tal-Finanzi

Banek

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'kienet ir-reazzjoni tal-gvern Malti għall-interess li wrer l-awtoritajiet Libjani li jkollhom bank f'Malta? Wrer xi interess fil-Bank of Valletta?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ma naħsibx li hu għaqli li nirrejaġixxi għal spekulazjonijiet bħal dawn.
Leg 9 PQ #35198 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Sanita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid għaliex l-uffiċju tas-sanita' f'Ħal Qormi ġie trasferit għal Ħaż-Żebbug?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-uffiċċju tas-Sanita` f'Ħal Qormi ġie magħluq bħala parti minn proċess ta` ċentralizzazjoni tas-servizzi tas-Sanita` f'Reġjuni speċifiċi madwar Malta u Għawdex. Ħal Qormi, ma` diversi rħula oħra ta` l-istess inħawi, jaqa` taħt ir-Reġjun tal-Punent. L-uffiċċju ta` dan ir-Reġjun jinsab ġewwa Ħaż-Żebbuġ. Din ir-riforma saret f'April 2001 biex isir l-aħjar użu mir-riżorsi li għandu d-dipartiment u biex tiżdied l-effiċjenza.
Leg 9 PQ #35199 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tas-Saħħa

Sanita'

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm il-spezzjoni saret mis-sanita' fil-ħwienet tal-merċa, tal-laħam u tal-ħaxix minn Jannar sa Ġunju 2002 local b'local u skond it-tip ta' ħanut?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra dokument bl-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
Leg 9 PQ #35200 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru tal-Finanzi

Dazzji

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk il-prodotti mpurtati li huma sugar free u suitable for diabetics għandhomx dazju fuqhom? Jekk le, meta huwa l-każ li d-dwana tiddeċiedi li prodotti ta' dan it-tip, jitħallas id-dazzju fuqhom?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-prodotti kollha li huma ta' oriġini mill-UE m'għandhomx dazju fuqhom. F'kull importazzjoni, ġejja minn fejn ġejja, d-Dwana tikklassifika l-prodotti skond ir-regoli ta' klassifikazzjoni tal-"Harmonised System" u jekk l-oriġini tal-prodotti ma' tkunx minn pajjiżi tal-UE tiġi applikata r-rata ta' dazju skond kif hemm provdut fit-Tariffa tad-Dwana għal dak il-prodott partikolari.

Sta. Venera — Triq il-Kanun

Question

Jista' il-Ministru jgħid jekk hux ippjanat li fi Triq il-Kanun Sta. Venera, fl-area qrib u magħrufa bħala tal-Palazz l-Aħmar, hux se jiġu nstallati traffic lights biex jiġi ffaċilitat il-qsim tat-triq għan-nies u tfal ta' l-iskola?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport ta' Malta qiegħda tfassal programm ta' xogħlijiet mall-pajjiż kollu u peress li fil-preżent għaddej xogħol f'din il-lokalita', x-xogħol biex titniffed din it-triq isir skond il-prijoritajiet ta' dan il-programm .
Leg 9 PQ #35202 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: MARIE LOUISE COLEIRO To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Eżamijiet

Question

Jista' il-Ministru jgħid min huma dawk eżentati mill-ħlas ta' l-eżamijiet tat-tfal jiġifieri per eżempju dawk il-familji li l-irġiel huma qegħda u allura jgħixu bl-unemployment benefit?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li għall-eżamijiet tal-MATSEC jiġu eżenti milli jħallsu l-mżata dawk li jikkwalifikaw għal din l-eżenzjoni wara li jimlew formola, li tkun ikkonfermata mill-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali li tindika li l-ġenituri jew tuturi tal-kandidati konċernati jaqgħu taħt waħda minn dawn il-gruppi - social assistance, unemployment assistance, old age pension (non-contributory, in lieu of social assistance), special unemployment benefit, u social security pensioners, such as widows who following a means test, would qualify for free medical aid. Kandidati li jirċievu l-għotja tal-manteniment ma jikkwalifikawx għal din l-eżenzjoni. Informat ukoll li għall-eżamijiet tal-London/Oxford jiġu eżentati milli jħallsu l-miżata dawk l-istudenti li jkunu fl-aħħar klassi sekondarja (Form V). Xi ħadd mill-ġenituri iridu jimlew formola mill-uffiċċju distrettwali tad-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali li tindika li l-applikant huwa intitolat għal waħda minn dawn l-eżenzjonijiet:- Social Assistance Unemployment Assistance Old Age Pension (Non Contributory, in lieu of Social Assistance) Special Unemployment Benefit Special Security Pensioners, such as widows who would qualify for free Medical Aid. Dawk il-kandidati li għandhom xi forma ta' stipendju ma jikkwalifikawx għal din l-eżenzjoni.

Żejtun — Toroq

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta ser jinfetaħ l-aċċess minn triq ġdida kantuniera ma' Triq il-Vittmi tal-Gwerra fiż-Żejtun għal Triq il-President Anton Buttiġieġ?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li l-Awtorita' dwar it-Trasport qiegħda tfassal programm ta' xogħlijiet mal-pajjiż kollu u filwaqt li fil-preżent għaddej xogħol f'din il-lokalita', ix-xogħol biex titniffed din it-triq isir skond il-prijoritajiet ta' dan il-programm.
Leg 9 PQ #35211 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru tal-Finanzi

VAT

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm self-employed u negozji li kienu rreġistraw għall-VAT f'Jannar tas-sena 1995? Kemm minn dawn ħarġu mis-sistema wara Settembru 1998? Mit-total ta' VAT miġbura fis-sena 2001, kemm minnha oriġina minn oġġetti mpurtati, kemm minn oġġetti prodotti lokalment u kemm minn servizzi domestiċi? Jekk Malta tissieħeb fl-UE, kemm minn dak li jinġabar f'VAT jinżamm mill-Gvern Malti?

Response (DALLI, JOHN)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li n-numru totali ta' persuni reġistrati għall-VAT f'Jannar 1995 kien ta' 34,096. Minn Settembru 1998 sal-lum ħarġu mis-sistema (deregistrations) 10,330, fil-waqt li fl-istess perjodu 13,223 daħlu ġodda fis-sistema. Rigward it-tieni parti tad-domanda, billi l-formola tad-dikjarazzjoni tal-VAT (denunzja) ma titlobx li jiġi irrappurtat separatament il-bejgħ ta' prodotti importati u manifatturati lokalment, l-informazzjoni mitluba mhux possibli li tingħata. Iżda, nista' ngħid li mid-dħul nett mill-VAT ta' Lm114,667,697 fis-sena 2001, is-somma ta' Lm57,536,765 inġabret mill-ħlas tal-VAT fuq bejgħ ta' prodotti (lokali u mportati) servizzi kif ukoll akkommodazzjoni turistika. Is-somma ta' Lm57,130,932 inġabret direttament fid-Dwana fuq prodotti importati. Dwar l-aħħar parti tad-domanda, it-tagħrif mitlub mhux possibli li jingħata minħabba li dan jiddependi mid-diskussjonijiet li għadhom qegħdin isiru dwar dan is-suġġett.
Leg 9 PQ #35227 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta

Question

Jista' il-Ministru jgħid meta se jiġi rranġat il-volum tad-dawl tal-lokal tax-Xgħajra Malta peress illi dak preżenti mhux qed ilaħħaq mal-konsum?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li hemm żewġ lokalitajiet fix-Xgħajra li fihom hemm bżonn isir xogħol ta' tisħiħ tas-sistema ta' l-elettriku. Dawn huma l-Qasam Industrijali ta' Ricasoli u ħdejn il-Batterija tal-Grazzja. Fil-Qasam Industrijali ta' Ricasoli diġa' sar xogħol ta' tisħiħ, iżda għad fadal il-bżonn li jitwassal it-three phase. Dan għandu jsir flimkien ma' xogħolijiet oħra simili. Il-lokalita' ta' ħdejn il-Batterija tal-Grazzja hemm bżonn li tinbena substation li x-xogħol fuqha beda.
Leg 9 PQ #35228 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tas-Saħħa

Sptar il-Ġdid

Question

Jista' il-Ministru jindika fuq pjanta ta' l-isptar il-ġdid tal-Qroqq fejn hemm il-ħsieb li se tkun il-kċina ta' dan l-isptar il-ġdid?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Kemm-il darba ntqal pubblikament li l-isptar Mater Dei ma għandux kċina. L-ikel ser jasal ippreparat għat-tqassim lill-pazjenti. Madankollu, fuq is-sit hemm żewġ lokazzjonijiet fejn jista' jiġi ppreparat l-ikel (imma mhux għal pazjenti). Dawn il-pjanti diġa' tqiegħdu fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #35230 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltapost

Question

Jista' il-Ministru jgħid kemm u f'liema xhur u snin għolew is-servizzi tal-posta f'dawn l-aħħar 4 snin?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li fil-fatt matul dawn l-aħħar erba' snin ma kien hemm ebda żieda fis-servizzi tal-posta għajr għal dik li saret f'Awissu ta' din is-sena.
Leg 9 PQ #35231 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tat-Turiżmu

MTA — Strategy Plan

Question

Jista' il-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istrategic plan 2001/2002 li ġie llonċjat mill-MTA?

Response (REFALO, MICHAEL)

Qed inqieghed fuq il-Mejda tal-Kamra l-istrategic plan 2000/2002, kif ukoll tas-snin 2002/2004.
Leg 9 PQ #35232 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: RITA LAW To: Ministeru tat-Turiżmu

MTA — Reklamar

Question

Jista' il-Ministru jgħid kif u fejn qed jintnefqu l-32 miljun maqsuma fuq 4 snin fuq ir-reklamar mill-Malta tourism authority?

Response (REFALO, MICHAEL)

Risposta Qed inpoggi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni li tinkludi dik mitluba mill-Onor. Interpellant. L-ammonti msemmija ghal kull suq jinkludu kemm reklamar kif ukoll publicita’, marketing, promozzjoni ecc. minfuq f'kull suq.
Leg 9 PQ #35282 Sitting 783 2002-09-16 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent

Kordin — Vettura

Question

Jista' il-Ministru jgħid x'użu qiegħed isir mill-vettura Daewoo GVN 118 fil-faċilita' korrettiva ta' Kordin? Veru li ilha wieqfa xahrejn bit-tyres imniżżlin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-vettura li dwarha qed issir il-mistoqsija kienet inxtrat mid-dipartiment tas-Servizzi Korrettivi fis-26 ta` Diċembru 1994. Din il-vettura kienet tintuża kontinwament biex isiru skorti mill-Ħabs għal Qorti, skorti għal visti u ukoll użu ġenerali. Din il-vettura saret perikoluża biex tinstaq minħabba difett fic-chassis u għalkemm ġie imsewwi għal diversi drabi xorta waħda baqgħet difettuża. L-ispejjeż li tirrikjedi biex tiġi irranġata jammontaw għal ferm aktar mill-valur tagħha. Din mhix tintuża u għalhekk inbdew proċeduri biex tiġi skrapjata.
Leg 9 PQ #318 Sitting 782 2002-09-16 Written · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għat-Trasport u Komunikazzjoni

Wied il-Għajn — Traffic Lights

Question

Jista' l-Ministru jieħu passi sabiex isiru xi forma ta' traffic calmers fi Triq il-Qaliet, Wied il-Għajn, qabel issir xi traġedja għaliex minkejja li kienu saru traffic lights dawn xorta ma laħqux l-iskop li jbattu l-veloċita' ta' ċerti sewwieqa li jgħaddu minn dik it-triq? Tista' ssir xi ħaġa fil-parti fejn Triq il-Qaliet tagħti għal Triq il-Gardiel għax din hi junction fejn ukoll jiġru ħafna inċidenti? Billi ta' spiss jiġru inċidenti f'din it-triq, possibli jittieħdi passi fl-aqsar żmien possibbli?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li kontinwament id-Direttorat għall-Maniġġ għat-Traffiku jħejji proposti għall-maniġġjar tat-traffiku madwar Wied il-għajn b'kollaborazzjoni sħiħa mal-Kunsill Lokali. Dan jinkludi wkoll proposti għal Triq il-Qaliet, kif inhu msemmi hawn taħt: Junction Channelisation bejn Triq Qaliet kif anness fi Pjanta1 Żewġt Pinch Points u Raised Pedestrian Crossing inkorporati flimkien u fil-posizzjoni kif muri fil-Pjanta 2 annessa. fl-annessa Pjanta 3 huwa muri d-disinn tipiku għal Pinch Point u Raised Pedestrian Crossing. Dawn il-miżuri jilħqu l-iskop li jbatti l-veloċita' tas-sewqan kif ukoll jipprovdi faċilitajiet għal pedestrians kif ukoll għal persuni b'diżabilita'. Il-pjanti msemmija qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #319 Sitting 782 2002-09-16 Written · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jgħid hux possibli l-Enemalta tieħu passi biex jiġu rranġati żewġ arbli li hemm ħdejn ir-remissa 28, Triq il-Gardiel, Wied il-Għajn u ieħor li hemm ftit metri 'l bogħod fl-għelieqi, liema arbli qed imilu fuq ġenb wieħed u saru ta' periklu mhux biss għar-residenti iżda qed jiġbdu ukoll il-bini? Possibbli ssir inspection immedjatament?

Response (BONNICI, JOSEF)

Ninsab infurmat li tnejn mit-tlitt arbli li qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant diġa' inbidlu. It-tielet wieħed għandu jinbidel f'qasir żmien.
Leg 9 PQ #320 Sitting 782 2002-09-16 Written · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Eżamijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tul l-2000 u l-2001 studenti għaddew mill-eżamijiet fl-O level u fl-A level f'dawn is-suġġetti: Malti, Ingliż, matematika, fiżika, u biology?

Response (GALEA, LOUIS)

Lista bit-tabelli li juru n-numru ta' studenti li qagħdu għall-eżamijiet fil-livell tas-SEC u l-livell Avvanzat u r-riżultati li ġabu fl-2000 u l-2001, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Fil-każ tas-SEC, il-gradi minn 1 sa 5 huma aċċettati għad-dħul fis-Sixt Form /Junior College.
Leg 9 PQ #321 Sitting 782 2002-09-16 Written · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru tas-Saħħa

Coeliac Disease

Question

Jista' l-Ministru jgħid jistax jiġi investigat ilment li wasalli minn xi pazjenti li jbatu minn coeliac disease dwar il-prezzijiet esaġerati tal-prodotti gluten free? Jirriżulta li dawn il-prezzijiet huma esaġerati meta mqabbla ma kemm l-istess prodotti jinbiegħu f'pajjiżi oħra Ewropew? Jekk saru jew se jsiru investigazzjonijiet possibli jinfurmani b'dak li jirriżulta?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Id-Dipartiment tas-Saħħa joffri l-prodotti gluten free bla ħlas lill-pazjenti ntitolati għalihom bħala parti mis-Servizz Nazzjonali tas-Saħħa. Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel id-Domanda lill-Ministru kkonċernat.