Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru laqgħat bejn l-uffiċjali tad-Dipartiment ta' l-Ambjent u s-Sezzjoni ta' l-Urban and Rural Landscaping tad-Dipartiment ta' l-Agrikoltura matul il-perijodu tal-5 ta' Settembru u Diċembru?
X'ġie diskuss u x'ġie pproġettat li jsir b'kordinament maż-żewġ awtoritajiet għall-benefiċċju ta' landscaping aħjar fil-gżejjer tagħna?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Filwaqt li għadhom ma sarux laqgħat kif qed isaqsi dwarhom l-Onor. Interpellant, nista' ninforma lill-Kamra li wara t-taħdidiet fil-ġurnata seminar ta' l-24 ta' Novembru 1998, kien suġġerit u sar qbil biex jiġi mwaqqaf kumitat ad hoc biex jiddiskuti l-ħarsien u l-użu tas-siġar Maltin, u sar l-ewwel pass biex jiġu mistiedna r-rappreżentanti tad-diversi dipartimenti u għaqdiet oħra. Jiena nispera li l-kordinament li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, u li jien naqbel miegħu, iseħħ fl-ewwel laqgħa ta' dan il-kumitat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' pulizija li spiċċaw mill-Korp tal-Pulizija grad grad matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena?
Kemm kien in-numru ta' pulizija li daħlu fil-korp matul l-istess perijodu?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub hu kif jidher fit-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
13.01.99
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma dawk il-postijiet vakanti fil-Korp tal-Pulizija grad grad fil-mument?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' vakanzi, skond il-'complement' approvat, fil-Korp tal-Pulizija, fil-preżent u grad bi grad hu kif ġej :
Supretendenti 11
Spetturi 8
Surġent Maġġur ta' l-Ewwel Klassi 1
Surġenti Maġġuri 14
Surġenti 23
Kuntistabbli 40
TOTAL 97
13.01.99
Billi issa s-settur tal-biedja u sajd sa jidħol fl-istruttura tal-IPSE u fl-IDA, jista' l-Ministru jinformani x'diskussjonijiet saru mal-Bord tal-Koperattivi u l-Koperattiva tar-Raħħala, Sajjieda u Bdiewa, l-Agro Industrija, biċċeriji u mal-Koperattivi tat-Tjur u annimali li jipproduċu l-laħam mill-5 ta' Settembru 'l hawn u meta?
Response (BONNICI, JOSEF)
Hija l-intenzjoni tal-Ministeru li jiltaqa' mar-rappreżentanti konċernati, u fil-fatt diġa' inżammu laqgħat ma' uħud minnhom. Jiena ċert li l-Onorevoli Interpellant jifhem li tali laqgħat, li bosta drabi huma ta' natura teknika, jieħdu fit-tul u għalhekk għadu kmieni biex wieħed jagħti dettalji dwarhom.
Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li dehru fil-ġurnali li l-PBS qed tadotta policy li biegħ l-air-time tagħha stess lil bosta individwi u kumpanniji kummerċjali? Jista' l-Ministru jgħid liema programmi qed isiru fuq dawn it-tip ta' ftehim u x'inhuma l-kondizzjonijiet li qed isirulhom sabiex dawn ma jikkompetux mat-taqsima tar-reklami fi ħdan il-PBS stess?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-PBS tbiegħ parti mill-airtime tagħha stess lil diversi individwi u kumpaniji kummerċjali.
Programmi li fuqhom sar dan it-tip ta' ftehim huma:
Inservik
Ġejna Koppji
Fiżż
Bonġu Sinjura Borġ
Basta Mhux Weekend
Kraxx
Klinika
Informat ukoll li ma' kull ftehim kien hemm klawsola li tesiġi li l-individwu jew kumpanija li tkun qed 'tixtri' l-airtime mingħand il-PBS trid iżżomm il-livell tal-prezzijiet skond ir-rate card uffiċjali tal-kumpanija.
Kumpanniji kummerċjali — Produzzjoni ta' programmi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru ħlasijiet lil kumpanniji kummerċjali u individwi matul din is-sena għall-produzzjoni ta' programmi għall-istazzjoni nazzjonali?
Response (GALEA, LOUIS)
Tlabt il-Bord il-ġdid tal-PBS sabiex jikkonsidra t-talba tal-Onor. Membru u jagħtini tweġiba biex inkun nista' nwieġeb f'xi Seduta oħra.
Min-naħa tal-Ministeru sar xi studju ta' l-impatt tal-VAT fuq ir-ristoranti u l-livell ta' prezzijiet u kompetittivita' u kif dan jolqot il-qasam turistiku f'pajjiżna?
Ma' liema pajjiżi sar l-istudju komparattiv, jekk sar?
Jekk dawn l-istudji saru, x'kienu l-konklużjonijiet tagħhom?
Jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' dan l-istudju fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (REFALO, MICHAEL)
Kif kelli okkażjoni ngħid qabel, mhux mistenni li jkun hemm xi impatt partikulari fuq l-andament ta' l-industrija tat-turiżmu bħala riżultat ta' l-introduzzjoni tal-VAT. Meta wieħed iqis li diġa kellna sentejn esperjenza bejn l-1995 u l-1996 dwar l-effett tal-VAT fuq is-settur turistiku ma kienx hemm għalfejn isir studju speċifiku bħal dak imsemmi fil-Mistoqsija.
Niġbed l-attenzjoni ta' l-Onor. Membru li filwaqt li hu semma biss l-ikel fir-ristoranti, tajjeb li wieħed ifakkar li r-rata ta' taxxa għall-akkomodazzjoni fil-lukandi tħalliet bil-5 fil-mija f'dik li hi l-'lodging' u l-ikel tat-turist sa 'full-board'. Għat-turisti li jiġu fuq pakketti 'all inclusive', titħallas it-taxxa ta' 5 fil-mija fuq 80 fil-mija tal-pakkett. Barra minn dan, il-lukandi bl-akkomodazzjoni sa 'full-board' ser jieħdu 'refunds' fuq kollox, b'kuntrast ma dak li kien jiġri fis-sistema tas-CET fejn it-taxxa effettiva fuq l-akkomadazzjoni kienet fil-fatt aktar għolja minn 5 fil-mija. Meta tieħu kollox flimkien, huwa mistenni li l-industrija tat-turiżmu f'pajjiżna ser tibqa' kompetittiva.
Dan jikkonfermawh ukoll iċ-ċifri ta' hawn taħt li jqabblu r-rata ta' VAT f'Malta ma' diversi pajjiżi fil-Mediterran li għandhom industrija kbira tat-turiżmu.
Rata ta' VAT Akkomodazzjoni Ikel Night
fil-Lukandi Barra Club
Greċja 18 8 8 18
Spanja 16 7 7 16
Portugal 17 5 17 17
Turkija 23 15 15 23
Malta 15 5 15 15
'Source: EU Commission; Deloitte Touche Tohmatsu International'
Ta' min isemmi wkoll li attivitajiet kulturali f'pajjiżna huma eżenti mill-VAT b'kuntrast ma' dak li hemm f'diversi pajjiżi oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta l-pulizija ntalbet tinvestiga jekk sarux splużjonijiet fil-barrieri qrib it-tempji ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra fl-aħħar tliet xhur?
Fiex waslu l-investigazzjonijiet tal-pulizija?
X'kienu l-konklużjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi permezz ta' ittra li ġġib id-data tal-10 ta' Diċembru 1998, l-Aġent Direttur tal-Mużewijiet, kien talab lill-Kummissarju tal-Pulizija sabiex isiru nvestigazzjonijiet ħalli jiġi stabbiilit jekk kienx sar użu ta' splussiv fil-barrieri qrib it-tempji ta' l-Imnajdra u Ħaġar Qim. Dawn l-investigazzjonijiet għad m'humiex konklużi.
13.01.99
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk tul l-aħħar xahar l-Armata ntalbitx tinvestiga jekk sarux splużjonijiet fil-barrieri qrib it-tempji ta' Ħaġar Qim u l-Imnajdra?
Fiex waslu l-investigazzjonijiet ta' l-Armata?
X'kienu l-konklużjonijiet?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Jien infurmat li f'Diċembru ta' l-1998 l-Armata ntalbet
tagħmel investigazzjoni dwar is-suġġett imsemmi fil-
mistoqsija.
L-awtoritajiet ta' l-Armata ħassew li tali nvestigazzjoni
ma kenitx taqa taħt il-kompitu tagħhom, iżda xorta waħda
ġabru xi tagħrif relevanti u għaddewh lid-Dipartiment
konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid jekk sarx xi studju ta' l-impatt tal-VAT fuq il-qasam tal-manifattura li jipproduċi għas-suq lokali?
Jekk sar dan l-istudju, x'wera dwar l-impatt tal-VAT?
Jista' l-Ministru jpoġġi kopja ta' dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Saru diversi diskussjonijiet mal-korpi kostitwiti, fosthom il-Federazzjoni ta' l-Industriji u l-Kamra tal-Kummerċ, dwar l-impatt tal-VAT fuq il-qasam tal-manifattura li jipproduċi għas-suq lokali.
Għadu mhux iż-żmien opportun li wieħed jagħti dettalji peress li l-Gvern għadu qed jistenna r-reazzjoni ta' dawn il-korpi kostitwiti. Tajjeb wieħed jgħid li l-istess korpi kostitwiti huma favur l-introduzzjoni tal-VAT.
Irid jingħad ukoll li fis-sistema tal-VAT hemm kontemplata l-introduzzjoni tar-refunds li ser ikollha effett pożittiv fuq l-investiment fil-qasam tal-manifattura u l-kummerċ in ġenerali.
Barra minn dan meta fl-1995 daħlet fis-seħħ is-sistema tal-VAT, kienu saru diversi studji dwar l-impatt tal-VAT, liema studji kienu ġew ippubblikati.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li fit-18 ta' Diċembru, 1998 uffiċjali tal-HCEB daru ristoranti u staqsew għal kopja tal-menu?
F'kemm-il ristorant marru u f'kemm jiem kienu mifruxa dawn iż-żjajjar?
Response (REFALO, MICHAEL)
Jien infurmat li l-ġbir tal-menus huwa parti mix-xogħol normali li jagħmlu l-uffiċjali tat-Taqsima ta' l-Ispettorat ta' l-Hotels and Catering Establishments Board l-istess bħal spezzjonijiet li jsiru biex jikkontrollaw l-iġjene, is-servizz u l-operat ġenerali.
Ninsab infurmat ukoll li dawn l-uffiċjali żaru l-maġġoranza ta' l-istabbilimenti li jservu l-ikel, madwar 500, li kienu miftuħin għall-pubbliku fl-aħħar ħmistax ta' 1998.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jitħallas il-perit, li ismu qed jintbagħat separatament, tad-disinji għaċ-Ċentru ta' l-Arti fil-Belt?
Fuq liema kriterji ġie magħżul dan il-perit biex jagħmel dawn id-disinji?
Għaliex persuni oħra ma ngħatawx l-opportunita' biex jagħmlu proposti għal dawn id-disinji?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Nirreferi l-Onoroveli Interpellant għat-tweġibiet li tajt għall-Mistoqsijiet Parlamentari Numri 758, 1230, 1645, 2026 u 2362.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 1231?
Response (BONNICI, JOSEF)
Peress li l-Onorevoli Interpellant ma' indikax perjodu speċifiku, ser nillimita ruħi għall-perjodu bejn Jannar u Novembru 1998.
L-importazzjoni minn pajjiżi barra l-Unjoni Ewropea kienet tammonta għal Lm294.0 miljuni minn total ta' Lm951.7 miljuni. Dan jammonta għal 31% ta' l-importazzjoni totali.
L-importazzjoni totali għall-istess perjodu kienet maqsuma f'dawn is-setturi prinċipali:-
Lm miljun
0. Ikel 89.3
1. Xorb u Tabakk 14.8
2. Materji naturali 13.0
3. Żjut u Minerali 36.6
4. Xaħmijiet u Żjut 2.7
5. Kimika 74.05
6. Materja għall-manifattura 131.8
7. Makkinarju u apparat tat-trasport 476.0
8. Oġġetti maħduma 105.9
9. Affarijiet oħra ta' kummerċ 7.6
Total 951.7
Minn dan it-total l-ammont ta' Lm15.7 miljuni kienet mediċina.
Jista' l-Ministru jgħid liema kumpannija ħadet ħsieb is-sound fil-party tal-Milied tal-Korporazzjoni Enemalta ta' din is-sena?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-kumpanija mqabbda mill-Welfare Committee ta' l-Enemalta biex tipprovdi s-sound waqt il-party tal-Milied li sar fil-Lukanda Dolmen fis-17 ta' Diċembru 1998 hija l-Audio Power ta' 'Lyness' Triq l-Għerien, il-Mellieħa.
Il-prezz imħallas għal dan is-servizz kien ta' Lm200.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari tiegħi numru 2824, il-post indikat huwa fi Triq Kordin, Raħal Ġdid, kantuniera ma' Kordin Road u Paola Hill, tat-Triq Kordin telgħin lejn l-iskola u Triq Sir Paul Boffa 'il fuq mill-pompa tal-petrol?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-lokalitajiet indikati mill-Onor. Interpellant jidher illi aktar għandhom bżonn ta` `railings` milli `crash barriers` u għalhekk id-Dipartiment ser jara li dan ix-xogħol isir.
Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm xi korporazzjoni pubblika li fl-aħħar sitt xhur xtrat xi deheb? Jekk iva, x'kien l-ammont u fuq xiex intnefaq dan l-ammont?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-ebda korporazzjoni pubblika li tifforma parti mid-dekasteru tiegħi ma xtrat xi deheb fl-aħħar sitt xhur.