Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #2317 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: GAVIN GULIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Prim Ministru — Kuntratti

Question

Referibbilment għall-perjodu l-1 ta' Novembru 1998 sat-30 ta' Novembru 1998 u għad-dikasteru li għalih hu responsabbli, jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' kuntratti li saru ta' għamara ta' uffiċini li ngħataw b'direct order u għal kull kuntratt jindika: (1) min kienu l-persuni li għamlu l-award; (2) lil min intalbu quotations; (3) kemm kienet kull quota; (4) min rebah il-kuntratt; (5) ingħatawx extensions fuq il-kuntratt oriġinali u jekk fl-affermattiv; (6) fiex kienu jikkonsistu u; (7) kemm kien il-valur totali tagħhom?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 9 PQ #2706 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: JOE CILIA To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

Jista' l-Prim Ministru jagħti lista ta' l-impjegati barranin, full timers, part-timers, dawk impjegai fuq xogħol ta' konsulenza eċċ, fi ħdan is-Servizz Pubbliku? Jista' l-Prim Ministru jgħid f'liema dipartiment qed iservu l-imsemmija persuni? Jista' l-Prim Ministru jgħid minn liema pajjiż ġejjin dawn il-persuni? Kemm hu s-salarju bażiku ta' dawn l-impjegati? X'benefiċċji oħra għandhom inklużi l-allowances? Meta jispiċċa l-kuntratt tagħhom? X'qed jagħmel il-Gvern biex jittrenja persuni Maltin biex eventwalment jieħdu post dawn il-barranin?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor Membru issa ġiet miġbura u qiegħed inpoġġi kopja tagħha fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 9 PQ #2881 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Kalaxlokk — Ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bis-sitwazzjoni tal-ħaddiema tal-Kalaxlokk fil-preżent?

Response (BONNICI, JOSEF)

Fil-preżent għadhom għaddejjin id-diskussjonijiet mal-partijiet kollha interessati. Huwa l-għan tal-Gvern li dawn id-diskussjonijiet iwasslu għal ftehim aħħari, bl-anqas piż finanzjarju fuq l-amministrazzjoni u fl-aħjar interess tal-ħaddiema.
Leg 9 PQ #2882 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Ta' Qali — Industrial Estate

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra dwar l-iżviluppi li ntlaħqu mill-5 ta' Settembru 'l hawn fl-Industrial Estate ta' Ta' Qali? Kemm fil-fatt huwa n-numru ta' industriji żgħar u kbar li joperaw minn Ta' Qali fil-preżent u kemm iħaddmu ħaddiema?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-iżviluppi li ntlaħqu mill-5 ta' Settembru 1998 'l hawn fl-Industrial Estate ta' Ta' Qali huwa dawn li ġejjin: a) beda x-xogħol fuq wieħed minn tlett car parks pjanati bħala parti mill-proġett ta' żvilupp ta' din iż-żona. b) qed jiġu ppreparati l-ispecifications għal xogħol ta' upgrading ta' servizzi u toroq. c) qed jiġi ppreparat 'construction management plan' biex jirregola x-xogħolijiet li jridu jsiru, liema pjan irid jiġi sottomess għall-approvazzjoni ta' l-Awtorita ta' l-Ippjanar. d) l-MDC hija nfurmata wkoll li waslet biex tiġi pproċessata applikazzjoni għall-permess li hija kienet għamlet biex jinbena administration block li jservi l-ħtiġijiet ta' din iż-żona. In-numru ta' ndustriji żgħar u kbar li joperaw minn Ta' Qali huwa 67. Dawn l-Industriji iħaddmu bejniethom 195 persuna full-time, 20 part-timers u 6 outworkers.

WSC

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi se jittieħdu biex fil-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma jseħħ dak li ntqal fid-diskors tal-Budget 1999: "nistennew li din il-Korporazzjoni żżid l-effiċjenza tagħha għax ħadd ma jista' jippretendi li l-poplu jħallas minn imnieħru, kemm fil-prezz ta' l-ilma jew f'taxxi oħra għal ineffiċjenza u ħela li għandhom jispiċċaw"?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li għalkemm dan l-aħħar l-attenzjoni tal-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma kienet ikkonċentrata fuq l-irranġar tal-problemi li ġew ikkaġunati mill-użu ħażin tas-sistema tal-ħruġ tal-kontijiet fl-aħħar sena. Qed isir eżerċizzju li permezz tiegħu mhux biss jiġu identifikati l-problemi li qed ixekklu l-effiċjenza fil-Korporazzjoni, iżda wkoll jitfasslu miżuri biex l-effiċjenza tiġi mmeljorata.
Leg 9 PQ #2941 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi Interni — Kontribuzzjonijiet soċjali

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jdaħħal il-Gvern matul l-1999 miż-żieda fil-kontribuzzjoni soċjali ta' l-impjegati minn 8.33% għal 9% tal-paga bażika?

Response (DALLI, JOHN)

Hu stmat li ż-żieda fil-kontribuzzjoni tas-sigurta soċjali ta` l-impjegati minn 8.33% għal 9% tissarraf b`kollox fi dħul ta` Lm4.8 miljuni, li minnhom il-Gvern stess ikun ikkontribwixxa Lm1.6 miljuni (terz) bħala kontribuzzjoni ta` l-istat. Dan ifisser dħul net ta` Lm3.2 miljuni.
Leg 9 PQ #2942 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Finanzi

Estimi Ġenerali 1999 — Żieda fil-prezzijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li se jdaħħal il-Gvern miż-żieda mħabbra fl-aħħar Budget matul l-1999: 1) ta' 10ċ fuq pakkett sigaretti king size; 2) ta' 10ċ fuq pakkett sigaretti standard; 3) fuq is-sisa tat-tabakk għas-sigaretti tal-brim?

Response (DALLI, JOHN)

Permezz taż-żidied fid-dazju tas-sisa mħabbra fl-aħħar Budget fuq sigaretti King Size u Standard Size u fuq it-tabakk għas-sigaretti tal-brim, l-erarju tal-Gvern hu mistenni li jiżdied b`madwar Lm2.0 miljuni.
Leg 9 PQ #2943 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

Swieqi — Traffic lights

Question

Jista' l-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku jieħu l-passi meħtieġa biex fis-Swieqi jonqsu l-perikli li hemm għal dawk li joħorġu bil-karozza min-naħa tal-Green Grove Guest House u minn taħt il-bridge għal Regional Road? Jistgħu jsiru traffic lights f'dawn iż-żewġ postijiet fis-Swieqi?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi din il-Mistoqsija lill-Ministru konċernat. 14.01.99
Leg 9 PQ #2959 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili — Impjegati

Question

B'riferenza għal dak li hemm f'paġna 70 tad-diskors tal-Budget 1999 fejn jingħad: "Se nitkellmu mal-unions biex nindirizzaw il-problema ta' nies żejda f'ċerti gradi.". Jista' l-Ministru jgħid meta se jibdew il-laqgħat mal-unions dwar din it-tema? Min se jmexxi dawn il-laqgħat min-naħa tal-Gvern? Il-Gvern kemm jaħseb li għandu ħaddiema żejda u f'liema gradi qegħdin?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat illi l-laqgħat mal-Unions dwar nies żejda f'ċerti gradi sejrin jibdew fl-ewwel tlett xhur ta' din is- sena. Dawn id-diskussjonijiet, li sejrin jitmexxew mill- Management and Personnel Office għan-naħa tal-Gvern, sejrin jiġu nkwadrati fil-qafas ta' eżerċizzju li diġa nbeda, u li qiegħed jiffoka fuq il-kapaċitajiet tal-ħaddiema fil- gradi ndustrijali u kif dawn il-kapaċitajiet jistgħu jiġu żviluppati u wżati b'mod aktar effiċenti u effettiv. In-numri dwar iż-żejjed u n-nieqes fil-kapaċitajiet ta' dawn il-ħaddiema għall-ħtiġijiet ta' l-operat tal-Gvern jiġu determinati meta dan l-eżerċizzju, kif ukoll il- laqgħat mal-Unions, jilħqu stadju aktar avvanzat.
Leg 9 PQ #2961 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru ta' l-Intern

PA — Applikazzjoni 4801/97

Question

Il-Bord ta' l-Appell ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar meta beħsiebu jikkonsidra s-sottomissjoni dwar l-applikazzjoni 4801/97 biex il-guest house Green Arches fi Triq San Ġorġ, f'San Pawl il-Baħar tinbidel fi skola li tgħallem l-Ingliż lil barranin?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li Appell Numru 527/98 dwar l-applikazzjoni msemmija, ġie diferit għad-deċiżjoni, wara li l-perit ta' l-appellant, fit-13 ta' Novembru 1998, għamel is-sottomissjonijiet tiegħu. Ninsab infurmat ukoll li d-deċiżjoni dwar dan, ser tingħata fil-futur qarib. 14.01.99
Leg 9 PQ #2963 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru tal-Finanzi

Kuntratturi — Ħlasijiet

Question

B'riferenza għall-protesta li saret riċentement minn numru ta' kuntratturi minħabba l-fatt li għadhom ma tħallsux għad-dovuti xogħlijiet li għamlu numru ta' snin ilu, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bl-iżviluppi ta' din is-sitwazzjoni u ċioe' meta se jibdew isiru dawn il-pagamenti dovuti lill-imsemmija kuntratturi?

Response (DALLI, JOHN)

Propju xi ġranet qabel ma` numru ta` kuntratturi għamlu l-protest li qiegħed jaċċenna għalih l-Onorevoli Interpellant, kien ġie mwaqqaf kumitat magħmul minn rappreżentanti tal-Ministru tal-Finanzi, tad-Dipartiment tal-Kuntratti u tad-Dipartiment tat-Toroq biex jevalwa t-talbiet li għamlu l-kuntratturi u jiġi assigurat li x-xogħol sar u sar sewwa ħalli jkun jista` jitħallas. Ġa sar progress u għadd ta` kuntratti li jiswew `l fuq minn Lm250,000 ġew verifikati u mgħoddija għall-ħlas.

Sigurta' Soċjali — Pensjonanti

Question

B'riferenza għall-anomaliji fil-Liġi tas-Sigurta' Soċjali li neħħa l-Gvern preċedenti Laburista bħal fil-każ tal-pensjonanti tas-Servizzi Ingliżi u tal-pensjonanti romol irġiel, (armel), jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm kien in-numru ta' pensjonanti f'Malta u Għawdex li bbenefikaw minn dawn il-miżuri ġodda?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dwar in-numru ta' pensjonanti li bbenefikaw minn żieda fil-pensjoni bl-ammendi ta' l-4 ta' Ottubru 1997, nirreferi l-Onor. Interpellant għat-tweġiba tiegħi għal mistoqsija parlamentari numru 1096. Ninforma lil Onor. Membru wkoll, li n-numru ta' Rġiel li bbenefikaw minn pensjoni tar-Romol bl-ammendi li daħlu fis-seħħ b'effett mit-3 ta' Jannar 1998, huwa għaxra (10). 14.1.99
Leg 9 PQ #2965 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Dipartiment tal-Konsumatur — Każijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet fejn iċ-ċittadini rrapportaw lid-Dipartiment tal-Konsumatur matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena? Kemm tressqu każijiet quddiem il-Qorti tagħna sabiex id-dipartiment jiddefendi l-interessi tal-konsumaturi msemmija, sena b'sena?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif ġej: SENA NUMRU TA' ILMENTI REĠISTRATI KAŻIJIET IMRESSQA L-QORTI 1994 644 3 1995 521 3 1996 864 1 1997 724 1 1998 773 - Tajjeb wieħed jgħid li l-interessi tal-konsumatur ma jiġux imħarsa biss meta każ jitressaq quddiem il-qorti, għax kif għidt fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 1981, id-Dipartiment għall-Affarijiet tal-Konsumatur għandu l-funzjoni ta' medjazzjoni u hija l-policy ta' l-istess Dipartiment, bħalma hija l-prattika fl-Ewropa, li jeduka kemm lill-kummerċjant kif ukoll lill-konsumatur. Jittieħdu passi legali kontra l-kummerċjant meta dan ma jirregolax ruħu wara li tkun inġibditlu l-attenzjoni għall-irregolarita'.
Leg 9 PQ #2966 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: NOEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Kunsilli lokali — Rijabilitazzjoni ta' widien

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra liema huma dawk il-kunsilli lokali li talbu lid-dipartiment u/jew il-ministeru sabiex jiġu rranġati u/jew rijabilitati l-widien li jinsabu fil-konfini tal-lokal tagħhom? Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bil-konsiderazzjonijiet tal-Ministeru għal dawn it-talbiet u ċioe' meta se jiġu sodisfatti t-talbiet ta' dawn il-kunsilli lokali?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Il-Kunsilli Lokali li magħhom kien diskuss xogħol fuq widien, kienu ta' Ħaż-Żebbuġ u ta' Ħal-Qormi. Wied Baqqiegħa u Wied Qirda, kif ukoll fejn it-Troll, Ħaż-Żebbuġ sar ammont konsiderevoli ta' xogħol. Ix-xogħol ikompli kif it-temp jippermetti. Wied is-Sewda u Tal-Ħlas, bejn Żebbuġ Road, Attard u Tal-Blat, Qormi, ġie mnaddaf kollu, barra li saru wkoll tiswijiet ta' lqugħ ta' l-ilma. Ix-xogħol għadu sejjer u aktar 'il quddiem għad irid jinbena pont fejn il-pumping station ta' l-ilma Tal-Ħlas. Qiegħed isir ukoll xogħol fejn is-sit magħruf bħala l-"Erba' Qaddisin", Ħal-Qormi li wkoll huwa parti mix-xogħlijiet tal-Widien.
Leg 9 PQ #3009 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Ġugarelli tal-Milied

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża ta' rigali ta' ġugarelli tal-Milied tal-Korporazzjoni Enemalta f'dawn l-aħħar tlett snin, sena b'sena?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #3010 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Enemalta — Karozzi tal-kumpannija

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm nies li għandhom karozza tal-kumpannija fil-Korporazzjoni Enemalta? Min huma dawk li jieħdu l-allowance kull xahar talli jużaw il-karozza tagħhom? Hemm min fil-Welfare Committee tal-Korporazzjoni Enemalta juża l-karozza tal-kumpannija u fl-istess ħin jieħu l-allowance talli suppost qed juża l-karozza tiegħu?

Response (BONNICI, JOSEF)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 9 PQ #3011 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: MARIO GALEA To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Maltacom — Linji tat-telephones

Question

Jikkonferma l-Ministru li l-Maltacom qed tippjana li taqta' eluf ta' linji abbonati li waqgħu lura fil-ħlas?

Response (BONNICI, JOSEF)

Kif spjegajt fit-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija parlamentari numru 2934, mhux fl-interess tal-Maltacom li tagħmel restrizzjonijiet jew taqta' l-linji lill-abbonati, pero' tkun kostretta tagħmel dan wara li jkunu ttieħdu l-passi elenkati fit-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija msemmija fuq.
Leg 9 PQ #3031 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Intern

Raħal Ġdid — Ġnien Pawlu Boffa - Ftuħ ta' gabbana

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu n-negozjati biex il-gabbana ta' Ġnien Pawlu Boffa, Raħal Ġdid tinfetaħ?

Response (BORG, TONIO)

Ninsab infurmat li d-Dipartiment ta' l-Artijiet, flimkien mal-Kunsill Lokali ta' Raħal Ġdid u d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali, qed jikkunsidraw jekk u liema mill-kundizzjonijiet speċjali fl-aħħar ftehim tal-kirja, li kien sar fl-20 ta' Ottubru 1997, għandux jibqa' responsabbli għalihom il-kerrej prospettiv jew għandhomx jgħaddu taħt ir-responsabbilita' tal-Kunsill Lokali. 14.01.99

Santa Luċija — Bini ta' djar

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm se jinbnew flats jew maisonettes faċċata ta' Triq Katarina Vitale, Santa Luċija? Jekk se jinbnew flats, kemm se jkunu għolja?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jekk l-Onor. Membru qed jirreferi għall-art li qiegħda biswit l-iskola ġdida ta' Santa Luċia, il-proġett jikkonsisti fi 18 il-maisonette u garaxxijiet. 14.1.99
Leg 9 PQ #3033 Sitting 50 1999-01-14 Oral · Final From: SILVIO PARNIS To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Santa Luċija — Xogħlijiet fil-ground

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema fażi wasal ix-xogħol fuq il-ground tal-football ta' Santa Luċija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li x-xogħol fil-ground tal-football ta' Santa Luċija kien ippjanat li jsir mill-Klabb tal-Football tal-lokal. Il-Klabb kien ingħata s-somma ta' Lm5,200 li ġiet approvata fil-31 ta' Awissu 1998 bħala għajnuna biex isir ix-xogħol meħtieġ. Ser inkompli nsegwi l-kwestjoni.