Jista' l-Ministru jgħid jekk hux il-ħsieb tal-gvern li jaqleb mal-Gvern impjegati ta' Kalaxlokk li ilhom snin kbar jaħdmu on secondment f'dipartimenti tal-Gvern?
Response (BONNICI, JOSEF)
Naħseb li l-Onorevoli Interpellant taf tajjeb li ħaddiem ta' azjenda jew korporazzjoni lijkun qed jaħdem f'dipartiment tal-Gvern, jibqa' impjegat ta' dik l-azjenda jew korporazzjoni partikolari; u dan ma ttieħx xi dritt li jsir impjegat tal-Gvern.
Anke li kieku l-Gvern kellu jattwa dak li qed tistaqsi dwaru l-Onorevoli Interpellant, ikun qed jiddiskrimina ma' ħaddiema oħra ta' l-istess azjenda jew korporazzjoni li ma kellhomx l-opportunita' ki jaħdmu f'dipartiment governattiv.
Dan japplika għall-azjendi u korporazzjonijiet kollha nkluża l-Kalaxlokk.
Jista' l-Ministru jagħti l-ismijiet tal-persuni kollha li huma fis-segretarjat privat tiegħu? X'inhu x-xogħol ta' kull wieħed u f'liema impjieg kienu l-aħħar qabel ġew fis-segretarjat?
Response (REFALO, MICHAEL)
Nirreferi lill-Onor Membru għat-tweġiba li tajt illum għall-Mistoqsija Numru 3455.
Jista' l-Ministru jinvestiga l-allokazzjoni ta' l-appartament Nru. 16 fi Blokk VII fi Triq il-Boganvilla, San Gwann, stante li jidher li dan seta' ġie allokat b'mod skorrett bi preġudizzju għal familja indikata fl-ittra li kopja tagħha qed tintbagħat separatament?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li din l-allokazzjoni saret fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti. Jirriżulta wkoll li l-familja li lilha ġie allokat il-post kellha bżonnijiet akbar minn dawk ta' applikanti oħra.
Inżid ngħid ukoll illi mill-ittra li għaliha għamel referenza l-Onor. Interpellant, jirriżulta illi l-awtur għandu informazzjoni żbaljata dwar il-proċeduri li jintużaw mid-Dipartiment tad-Djar fl-allokazzjoni ta' postijiet.
18.1.99
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri tal-kumitat ad hoc li twaqqaf biex jirrikmanda rimedji u suġġerimenti dwar il-proċess ta' l-importazzjoni? Fuq liema kriterji ntgħażlu?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-kumitat 'ad hoc' li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant huwa magħmul minn persuni li għandhom interess dirett u minn uffiċjali minn dipartimenti governattivi li għandhom konnessjoni ma' l-importazzjoni.
Huwa l-għan prinċipali tal-membri ta' dan il-Kumitat li tiżdied l-effiċjenza fil-qasam ta' l-importazzjoni.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 2736 ippreżentata fis-Seduta Nru. 37 tas-16/12/98?
Response (BONNICI, JOSEF)
Skond ir-Regolamenti dwar Provvista ta' Elettriku, id-distanza li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant hija ta' 150 metru.
Fil-każ tat-talba tal-persuna li saret referenza għaliha, id-distanza mill-eqreb sors ta' provvista hi ta' madwar 163 metru u għaldaqstant kellha ssir stima ta' l-ispejjeż żejda involuti.
Jikkonferma l-Ministru li riċentement saret applikazzjoni mid-Dipartiment tat-Toroq lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar numru PA 6798/98? Jikkonferma l-Ministru li parti mill-proprjeta' għal-liema tirreferi l-applikazzjoni imsemmija hija proprjeta privata? Jikkonferma li s-sidien privati ma ġewx avżati bl-applikazzjoni msemmija? Jikkonferma li l-istess applikazzjoni saret in konnessjoni mal-proġett ta' Manoel Island?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li l-Gvern permezz tad-Dipartiment tat-Toroq ilu għaddej b`xogħolijiet ta` titjieb tat-toroq arterjali mill-Marsa lejn tas-Sliema u Pembroke għal bosta snin billi nbnew il-proġetti ta` Santa Venera, tal-Qroqq u anke saru l-pjanijiet ghaż-żona ta` ħdejn it-tank tal-gass, il-junction ta` Paceville u t-triq bejn is-Swieqi u Pembroke.
Fil-preżent qed isiru l-pjanti għat-triq li minn fejn it-tank tal-gass twassal għal l-istrand biex b`hekk ir-ring road li minn Paceville tasal sa l-istrand tkun tista` tagħqad mat-triq arterjali.
Biex dan il-proġett isir, saru l-applikazzjonijiet neċessarji għand l-Awtorita` tal-Ippjanar u l-pjanti ġew ippubblikati għall-konsultazzjoni pubblika.
Jikkonferma l-Ministru li l-applikazzjoni PA 6798/98 li saret mid-Dipartiment tat-Toroq hemm maħsub fost oħrajn, li tinbena triq elevata (flyover) u li din ukoll se tgħaddi fuq proprjeta' privata? Jikkonferma l-Ministru li tiġi affetwata negattivament fil-valur tagħha l-proprjeta' madwar u taħt it-triq elevata? Jikkonferma illi l-applikazzjoni imsemmija tifforma parti mill-ftehim eżistenti bejn il-Gvern u l-iżviluppaturi ta' Manoel Island?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-Onor Interpellant hu mitlub jirreferi għall-informazzjoni li diġa ngħatat b`risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3626.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux se jinħareġ avviż relattiv ta' l-esproprjazzjoni malli d-Dipartiment tat-Toroq jingħata permess mill-Awtorita' ta' l-Ippjanar għall-applikazzjoni PA 6798/98?
Jikkonferma l-Ministru li l-avviż għall-esproprjazzjoni se jkopri wkoll dawk il-proprjetajiet li l-valuri tagħhom jiġu effetwati negattivament minħabba l-bini tat-triq kif ipproġettata? Jista' jgħid jekk il-flus għall-esproprjazzjoni se jitħallsu mill-Konsorzju Midi jew il-Gvern jew it-tnejn flimkien?
X'miżuri se jittieħdu jew ittieħdu mill-Gvern biex jassiguraw ħlas malajr ta' debitu kumpens lis-sidien privati? Jista' l-Ministru jgħid jekk is-sidien privati hux se jiġu kkumpensati sija għall-proprjeta' li fuqha se tgħaddi t-triq elevata sija għall-proprjeta' madwar u taħt l-istess triq elevata?
Response (GALEA, ĊENSU)
L-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi għar-risposta mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3626 u 3627. Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija, kwalunkwe kumpens jitħallas mid-Dipartiment ta` l-Artijiet u għalhekk l-Onor. Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jekk jogħġbok jagħti l-ismijiet tal-persuni kollha li huma fis-segretarjat privat tiegħu u tas-segretarju parlamentari li jaqa' taħtek?
X'inhu x-xogħol ta' kull wieħed u f'liema mpjieg kienu l-aħħar qabel ġew fis-segretarjat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 3457.
Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3290?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-average durations tat-turisti li żaru Malta mill-1995 sa Ġunju 1998 huma skond it-tabella ta' hawn taħt.
Average 1995 1996 1997 1998
length of stay (Jan-Jun)
5 star hotels 6.6 6.9 7.1 6.4
4 star hotels 9.0 9.3 9.1 8.5
3 star hotels 9.7 9.9 9.5 9.2
2 star hotels 8.7 9.8 8.9 10.0
1 star hotels 8.9 9.7 9.2 8.3
Hostels and 9.4 10.0 9.7 9.7
Guesthouses
Complexes 10.3 10.6 10.3 9.8
Other 10.7 10.7 10.0 9.7
TOTAL 9.8 10.0 9.6 9.0
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm skejjel kklassifikati tas-snajja' (Tal-Gvern)? Fejn jinsabu dawn l-iskejjel? X'inhuma s-snajja' f'kull skola u kemm jattendu studenti? X'inhi l-eta' ta' dawn it-tfal?
Response (GALEA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba ser titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jaf il-Ministru li madwar l-bini ta'l-anzjani ġo Bormla hemm ħafna terrapien?
Jaf il-Ministru li dan qed ikun ta'ostakolu sia għas-saħħa u sia minħabba l-iskomdu?
Jista' l-Ministru jgħid meta dan se jitnaddaf speċjalment in-naħa ta' l-iskola?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li sa l-aħħar ta' dan ix-xahar dan it-terrapien se jitnaddaf u l-parti tan-naħa ta' l-iskola se tingħata wiċċ konkrit.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ilma li l-Water Services Corporation tissupplixxi lill-pubbliku hux qiegħed jiġi ċċekkjat u analizzat għal preżenza ta'Trihalomethanes?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-livell u/jew perċentaġġ ta' trihalomethanes (dejjem jekk jeżistu) fl-ilma distribwit lill-pubbliku minn din il-korporazzjoni?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport li kien għamel il-Bord ta' l-Appelli, ta' dak iż-żmien it-Telemalta, rigward l-appelli li kienu għamlu bosta mpjegati fl-1996 għall-ħatriet tal-Customer Service Officers skond is-sejħa 4/94?
Dawn l-appelli kienu nstemgħu fl-Lulju ta' l-1996.
Response (BONNICI, JOSEF)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra r-rapport mitlub mill-Onor. Interpellant.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-kriterji li ntużaw biex ingħataw il-marki waqt l-intervista għall-grad ta' Customer Service Officer fil-Maltacom skond is-sejħiet 67/98 u 71/98 u jispjega b'liema merti ngħataw? Jista' jqiegħed ukoll kopja tar-riżultat bil-marki li ngħata kull kandidat skond kull kriterju?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-kriterji wżati waqt l-interview u l-weighting ikunu iffissati mill-Bord li jagħmel l-għażla. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kwalifiki u x'esperjenza għandhom il-microsoft package (Word u Exel Package) l-erba' mpjegati fil-Maltacom li ngħataw il-ħatar ta' Customer Service Officer lejliet il-Milied li għadda?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-erba' persuni li għalihom qed tirreferi, ingħataw aktar minn 20 marka minn massimu ta' 25 lil kull wieħed minnhom mill-Bord ta' l-Għażla kemm għal dik li hija abbilta' kif ukoll esperjenza,
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari numru 3289?
Response (REFALO, MICHAEL)
Peress li parti sostanzjali ta' l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant titlob stħarriġ ma' kull lukanda f'Malta u Għawdex mhux possibbli li tingħata tweġiba malajr għax l-informazzjoni trid iż-żmien biex tinġabar. Kif jintemm l-istħarriġ meħtieġ tingħata tweġiba b'mod eżawrenti.