Jista'l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li l-complement tal-Korp tal-Pulizija jiżdied? Jekk fl-affermattiv, kemm se jidħlu membri ġodda fil-korp? Jista'l-Ministru jgħid kemm hemm membri fil-korp tal-pulizija? Kemm hemm uffiċjali?
Response (BORG, TONIO)
Rigward l-ewwel u t-tieni partijiet tal-Mistoqsija, nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 3043 f'din l-istess Seduta.
Dwar il-kumplament tal-Mistoqsija, ninsab infurmat li fil-preżent hemm 1,756 membru fil-Korp tal-Pulizija, li minnhom 84 huma fizzjali.
19.01.99
Jista' l-Ministrui jgħid kemm hemm priġunieri llum fis-CCF? Jista'l-Ministru jgħid kemm hemm barranin? Kemm hemm priġunieri f'kull diviżjoni? Kemm hemm priġunieri għadhom qed jistennew sentenza definittiva fil-każ tagħhom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li fit-13 ta' Jannar, 1999, in-numru ta' priġunieri fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin kien ta' 241 li kollha huma mqassmin fid-diversi diviżjonijiet u 'units' fil-Faċilita'. Minbarra dan in-numru, hemm 29 priġunier ieħor li qegħdin l-Imtaħleb, l-Isptar San Luqa u Monte Carmeli jew bil-'Prison Leave' il-Caritas, is-Sedqa u Dar Nazaret.
Ninsab infurmat ukoll li n-numru ta' priġunieri barranin kien ta' 76 filwaqt li n-numru ta' priġunieri li qed jistennew sentenza definittiva fil-każ tagħhom hu ta' 101.
Rigward it-tielet parti tal-mistoqsija, minħabba raġunijiet ta' sigurta', ma nħossx li t-tagħrif mitlub għandu jiġi magħmul pubbliku.
19.01.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' dawk jirreġistraw għax-xogħol għax-xhur ta' Ottubru u Novembru? Kemm minn dawn għandhom anqas minn 30 sena? Kemm minn dan it-total ta' nies bla xogħol, joqogħdu f'Bormla, il-Birgu, l-Isla, l-Kalkara, il-Fgura u x-Xgħajra?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' persuni li kienu qed jirregistraw għax-xogħol fl-aħħar ta' Novembru 1998 kien ta' 7,371. Minn dawn kien hemm 2,916 persuna li kellha anqas minn 30 sena.
Mit-total ta' 2,916 persuna, wħud minnhom kienu joqogħdu f'dawn il-lokalitajiet:-
Bormla 94
Birgu 32
Isla 42
Kalkara 18
Fgura 80
Xgħajra 6
L-aħħar figuri ppubblikati huma ta' Ottubru 1998.
19.1.99
Jista' l-Ministru jinforma lil din il-Kamra min huma l-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-MIMCOL kif ukoll il-membri tal-Bord tad-Diretturi tal-kumpanniji kollha li l-MIMCOL għandha interess fihom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm hawn żgħażagħ f'bordijiet governattivi li għandhom inqas minn 30 sena? Minn dawn kemm hemm nisa u kemm irġiel? Kemm hemm minnhom li qed jieħdu xi forma ta' onorarju? Il-Viċi Prim Ministru għandu ħsieb li jkompli bil-politika tal-Gvern Laburista preċedenti li jinnomina kemm jista' jkun żgħażagħ f'bordijiet governattivi? Jista' jwieġeb dawn il-mistoqsijiet ukoll in kwantu għal nisa fil-bordijiet tal-gvern/korpi parastatali mingħajr l-enfasi ta' l-eta'?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Ma hemm ebda bord governattiv li jaqa direttament taħt ir-responsabilita' tieghi.
Ministeru għall-Politika Soċjali — Bordijiet governattivi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn żgħażagħ f'bordijiet governattivi li għandhom inqas minn 30 sena? Minn dawn kemm hemm nisa u kemm irġiel? Kemm hemm minnhom li qed jieħdu xi forma ta' onorarju? Il-Ministru għandu l-ħsieb li jkompli bil-politika tal-Gvern Laburista preċedenti li jinnomina kemm jista' jkun żgħażagħ f'bordijiet governattivi? Jista' l-Ministru jwieġeb dawn il-mistoqsijiet ukoll in kwantu għal nisa fil-bordijiet tal-gvern/korpi parastatali mingħajr l-enfasi ta' l-eta'?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru trid tinġabar u għalhekk tingħata Tweġiba f'xi Seduta oħra.
19.1.99
Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Bordijiet governattivi
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn żgħażagħ f'bordijiet governattivi li għandhom inqas minn 30 sena? Minn dawn kemm hemm nisa u kemm irġiel? Kemm hemm minnhom li qed jieħdu xi forma ta' onorarju? Il-Ministru għandu l-ħsieb li jkompli bil-politika tal-Gvern Laburista preċedenti li jinnomina kemm jista' jkun żgħażagħ f'bordijiet governattivi? Jista' l-Ministru jwieġeb dawn il-mistoqsijiet ukoll in kwantu għal nisa fil-bordijiet tal-gvern/korpi parastatali mingħajr l-enfasi ta' l-eta'?
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn żgħażagħ f'bordijiet governattivi li għandhom inqas minn 30 sena? Minn dawn kemm hemm nisa u kemm irġiel? Kemm hemm minnhom li qed jieħdu xi forma ta' onorarju? Il-Ministru għandu ħsieb li jkompli bil-politika tal-Gvern Laburista preċedenti li jinnomina kemm jista' jkun żgħaażagħ f'bordijiet governattivi? Jista ' l-Ministru jwieġeb dawn il-mistoqsijiet ukoll in kwantu għal nisa fil-bordijiet tal-gvern/korpi parastatali mingħajr l-enfasi ta' l-eta'?
Response (DALLI, JOHN)
Hemm żewġ membri fuq bordijiet fil-Ministeru tiegħi li huma taħt it-30 sena, mara u raġel. Dawn jieħdu onorarju ta` Lm1,000 kull wieħed fis-sena.
Hemm ukoll erba` membri u żewġ segretarji nisa oħra fuq bordijiet li jieħdu:
1. Lm500 fis-sena
2. Lm7 kull sessjoni u Lm500 fis-sena
3. Lm7 kull sessjoni u Lm500 fis-sena
4. Lm1,000 fis-sena
5. Lm1 kull sessjoni
6. Lm3 kull sessjoni
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li se jdaħħal flus il-gvern mill-VAT ta' 15% fuq is-servizzi? Kemm kien idaħħal il-gvern min fuq is-servizzi bis-CET?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li l-ammont ta` taxxa li hu stmat li ser idaħħal il-Gvern mill-VAT ta` 15% fuq is-servizzi, kif proġettat mid-dħul mill-istess sors bejn Lulju 1996 sa` Lulju 1997 (l-aħħar tnax-il xahar tal-liġi tal-VAT ta` qabel) hu ta` madwar Lm19-il miljun netti.
L-ammont ta` taxxa (ETS) dikjarat pagabbli fuq is-servizzi taħt il-liġi tat-Taxxa tad-Dwana u tas-Sisa (CET), bejn Jannar 1998 u Diċembru 1998 kien ta` Lm16.58 miljuni netti.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' każijiet ta' frodi rrapportati lill-pulizija matul l-1998? Kemm ġew solvuti? Kemm kien il-valur ta' flus konness ma' kull każ?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li matul l-1998 ġew irrapurtati lill-Pulizija 774 każi ta' frodi.
Dwar it-tieni parti tal-Mistoqsija ninsab infurmat illi ma jistgħax jingħata n-numru preċiż tal-każijiet solvuti għar-raġuni li wara li r-rapporti jiġu nvestigati, jirriżulta li jkun hemm każijiet minnhom li jkunu ta' natura purament ċivili u oħrajn fejn persuni jirrinunzjaw għall-azzjoni kriminali wara li jintlaħaq ftehim bejn il-partijiet involuti f'dawk il-każijiet li l-azzjoni kriminali ma tkunx ex ufficcio.
L-ammonti nvoluti jvarja minn għaxriet sa mijiet ta' eluf ta' liri.
19.01.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' immigranti llegali maqbuda mill-pulizija matul is-sena 1998? Kemm hemm miżmuma Ta' Kandja? Kemm ilhom miżmuma dawk li hemm miżmuma llum?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi matul l-1998 inqabdu u tressqu l-Qorti 463 immigrant illegali. In-numru ta' immigranti llegali miżmuma f'Ta' Kandja fit-12 ta' Jannar, 1999, kien ta' 33. Iż-żmien li ilhom jinżammu f'Ta' Kandja jvarja bejn tlett snin u ħdax il-xahar u ġimgħa.
19.01.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk kemm saru hold-ups mill-5 ta' Settembru, 1998 'il hawn?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi bejn il-5 ta' Settembru, 1998, u t-12 ta' Jannar, 1999, il-Pulizija kellha 20-ir-rapport ta' hold up. Barra minn dan kien hemm wieħed li rriżulta li kien rapport falz.
Kien hemm rapport ieħor, ta' tentattiv ta' hold up li fih ma nsteraq xejn.
19.01.99
Jista' l-Ministru jikkonferma li l-persuna li taħdem fil-Maltacom - dettalji qed jintbagħtu separatament - u announcer fuq Super 1 TV kienet ħarġet bis-sick leave fit-30 ta' Diċembru, 1998? Jista' l-Ministru jikkonferma ukoll li fit-31 ta' Diċembru, 1998 l-istess persuna meta kienet suppost għadha bis-sick leave dehret tippreżenta live programm fuq Super 1 TV fis-6.00 p.m. bl-isem ta' "Fuq 3 Toqgħod il-Borma"? Jekk fl-affermattiv, x'passi beħsiebu jieħu l-Ministru?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-persuna li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant kienet bis-sick leave fit-30 u l-31 ta' Diċembru 1998. F'dawn il-ġranet il-persuna in kwistjoni kellha tkun xogħol bejn is-7.30 a.m. u s-1.00p.m.Bejn is-1.00p.m. u s-6.00p.m. kienet mistennija taħdem bis-sahra.
Fit-3.00p.m. tal-31 ta' Diċembru 1998 din il-persuna infurmat lis-Supervisor tagħha li kienet f'pożizzjoni li tidħol għax-xogħol.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jsir programm ta' manutenzjoni bħal tibjid, eċċ fil-Housing Estate tat-12-il Distrett, ċioe' l-Housing Estate tar-Rabat, l-Imġarr, Mellieħa u San Pawl il-Baħar? Jekk iva, meta se jsiru dawn ix-xogħlijiet u kemm se jkunu jinvolvu dawn il-manutenzjonijiet għall-benefiċċju tar-residenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li għalkemm diversi xogħolijiet ta' tikħil ġew approvati mid-Dipartiment tal-Bini u Tiswija ta' Djar, l-uniku "estate" li fihom ser isir xogħol fl-1999 huwa dak tal-Mellieħa. Ta' min isemmi madankollu li xogħol simili kien ġa sar fl-"estates" tar-Rabat u San Pawl il-Baħar bejn l-1993 u l-1998.
18.1.99
B'riferenza għas-sitwazzjoni ta' dilettanti u żgħażagħ taħt it-18-il sena membri ta' dawn l-għaqdiet nazzjonali sportivi ta' l-isparar fuq il-plattini u s-sewqan fl-avvenimenti sportivi tal-muturi u karozzi offroad sabiex dawn ikunu jistgħu jitħarrġu f'dawn id-dixxiplini sportivi ħalli jgħollu l-livell tat-teknika sportiva ndividwali tagħhom, u t-tweġiba preċedenti tal-Ministru, ċioe' li se jistħarreġ x'inhi s-sitwazzjoni ta' pajjiżi oħra, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra bl-iżvilupp tal-verifiki li għamel s'issa?
Response (GALEA, LOUIS)
Ma stajtx insib mil-liema tweġiba preċedenti jirriżulta li se jiġi mistħarreġ x'inhi s-sitwazzjoni ta' pajjiżi oħra f'dak li għandu x'jaqsam ma' għaqdiet nazzjonali sportivi ta' l-isparar fuq il-plattini u s-sewqan fl-avvenimenti sportivi tal-muturi u karozzi off-road.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-konsum ta' lead free petrol f'Malta u Għawdex matul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
X'inċentivi jgawdu ċ-ċittadini sabiex jikkonsmaw dan it-tip ta' petrol?
Fuq liema kriterji l-Gvern ċaħħad lil dawn il-konsumaturi milli jgawdu prezz aktar kompetittiv għall-konsum ta' dan il-petrol li huwa aktar environment friendly?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-konsum ta' petrol bla ċomb matul dawn l-aħħar ħames snin kien kif ser ngħid:
SENA TUNELLATI
1994 10,242
1995 12,534
1996 17,240
1997 18,770
1998 21,560
Rigward it-tieni u t-tielet parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant jara t-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari numru 1985.