Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Universita' ta' Malta hijiex beħsiebha tibda l-kors dwar it-teknoloġija dentali fuq livell ta' diploma f'Ottubru ta' din is-sena peress li, għalkemm ir-rakkmandazzjoni sabiex jibda dan il-kors ilha li saret ħames snin, sal-lum għadu ma bediex minkejja l-fatt li ilhom isiru l-korsijiet tal-paramediċi tul dawn l-aħħar snin u wħud minnhom saħansitra qegħdin isiru llum fuq livell ta' degree u anke fuq livell ta' masters?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li d-diskussjonijiet fuq it-twaqqif ta' dan il-kors ilhom għaddejjin mill-1997. Id-Dekan tal-Fakulta' tad-Dentistrija indika li l-kors ikun jista' jibda hekk kif jinstabu riżorsi neċessarji kemm dawk ta' laboratorju kif ukoll dawk umani.
F'dan ir-rigward qed ikomplu diskussjonijiet mad-Dipartiment tas-Saħħa bl-iskop li tinstab soluzzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid għal-liema raġuni l-Kumitat Tismija tat-Toroq għal Għawdex ġie rikostitwit meta dak għal Malta ma ġiex? Liema Ministeru kien responsabbli għar-rikostituzzjoni tiegħu?
Response (BORG, TONIO)
Filwaqt li l-Kumitat Tismija tat-Toroq għal Malta ser jiġi rekostitwit fil-futur immedjat, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru ta' l-Intern hu responsabbli għall-Kumitat. Madankollu fil-każ ta' Għawdex ġiet ikkonsultata wkoll il-Ministru responsabbli.
21.01.99
Jista' l-Ministru jgħid kif rapport ta' leakage ta' ħsarat f'main ta' ilma ħelu li ilu li ġie rrapportat iktar minn xahar ilu, fil-11 ta' Diċembru, għadu ma sar xejn fuqu u l-ilma għadu nieżel kull ħin jinħela? Jaf il-Ministru li l-familja li l-indirizz tagħha qed jintbagħat separatament u familji oħra għamlu rapporti simili fis-section tad-distrett f'Tar-Robba u ma sar xejn? X'inhi r-raġuni ta' dan id-dewmien?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ħaddiema jaħdmu fis-snajja' tal-bini u l-konkrit? Kemm minnhom għandhom liċenzja tal-bini?
Response (BONNICI, JOSEF)
Hemm 5,481 persuna jaħdmu fil-qasam tal-kostruzzjoni.
Rigward it-tieni parti tal-mistoqsija, nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex tagħmel id-domanda lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid f'liema livell waslu d-diskussjonijiet fuq il-wegħda ta' l-istipendji sħaħ? Ma' min qed isiru dawn id-diskussjonijiet? X'inhi d-definition ta' stipendji sħaħ? Meta jaħseb li din il-wegħda se tiġi attwata?
Response (GALEA, LOUIS)
Il-Kummissjoni ta' stħarriġ dwar l-iskemi ta' l-istipendji (Students Stipend Scheme Commission) ġiet imwaqqfa f'Ottubru 1998 u kellha l-laqgħa preliminari tagħha fis-16 ta' Ottubru 1998.
Il-Kummissjoni kellha laqgħat ta' konsultazzjoni mar-rappreżentanti ta' l-istudenti ta' l-Universita' (KSU) u ta' l-istituzzjonijiet post-sekondarji kollha, privati u ta' l-istat konċernati. Saru wkoll laqgħat ma' rappreżentanti ta' korpi interessati.
Barra dan il-Kummissjoni stiednet lill-korpi kostitwiti u l-pubbliku in ġenerali sabiex jagħmlu sottomissjonijiet bil-miktub rigward proposti u kummenti li jħossu li l-Kummissjoni għandha tikkonsidra.
Issa l-Kummissjoni ġabret u qed tikkonsidra r-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti ta' l-istudenti ta' l-Universita', skejjel post-sekondarji u oħrajn li ntbagħtu kemm minn korpi kostitwiti kif ukoll minn xi persuni.
Bħalissa l-Kummissjoni qed tiddelibera fuq l-istħarriġ li għamlet, skond it-termini li kienet ġiet mogħtija u li ġew ippubblikati. Il-Kummissjoni jonqosha tagħmel xi diskussjonijiet oħra inkluż ma' l-istudenti biex imbagħad tiffinalizza r-rapport tagħha.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 366 f'isem il-persuna li isimha qed jintbagħat separatament fejn kien ġie spjegat li l-kera tal-fond in kwestjoni tinħadem skond l-Avviż Numru 523 tas-7 ta' Lulju 1998, jaf il-Ministru li dan għadu ma sarx?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi s-sussidju tal-kera tal-persuna indikata nħadem skond l-Avviż 523. Hu jiġi nfurmat bil-kera sussidjata ġdida aktar il-quddiem flimkien mall-Kummissarju tal-Art.
21.1.99
Jista' l-Ministru jassigura li l-karozzi tal-linja ikollhom in-numru u d-destinazzjoni ndikati fuq wara? Jista' jara li dawn ikunu nklużi fl-ispecifications il-ġodda tal-karozzi tal-linja?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li għadu ma ntlaħaqx ftehim mas-sidien tal-karozzi tal-linja biex in-numri tad-destinazzjoni jerġa` jibda jintwera fuq in-naħa ta` wara tal-karozzi tal-linja. Jien infurmat ukoll li l-ispeċifikazzjonijiet tal-karozzi ġodda jispeċifikaw li jrid ikollhom in-numru tad-destinazzjoni fuq wara.
Jista' l-Ministru jindika l-isem tat-triq u l-lokal fejn ingħataw reserve parking għal nies bi bżonnijiet speċjali, mis-6 ta'Settembru, 1998 sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nixtieq niċċara li l-allokazzjoni ta' "reserved parking spaces" lil persuni b'diżabilita' issir mill-Bord għall-Kontroll tat-Traffiku (li jaqa' taħt Ministeru ieħor) fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b'Diżabilita'.
Minħabba n-natura personali ta' l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Membru, ma naħsibx li jkun prudenti li din l-informazzjoni tingħata. Jekk l-Onor. Membru qed jirreferi għal xi każ jew każijiet partikolari, l-informazzjoni nkun nista' nagħtihielu b'mod kunfidenzjali.
21.1.99
B'riferenza għat-tajpisti każwali nisa li kienu ġew impjegati mal-Gvern f'Mejju 1989 wara sejħa għall-applikazzjoni tal-gazzetta tal-Gvern fl-24 ta' Frar, 1989, li kollha kienu nisa kkwalifikati li qabel kienu mpjegati bħala skrivani, iżda kellhom jirriżenjaw meta żżewġu u peress li l-kondizzjonijiet tagħhom kienu rranġati kemm-il darba, tant illi llum il-ġurnata dawn igawdu kważi l-benefiċċji kollha bħal kull impjegat ieħor iżda għadhom impjegati fuq bażi part-time, jista' l-Prim Ministru jgħid,issa li għaddew għaxar snin, jekk hemmx il-ħsieb li dawn it-tajpisti jiġu mpjegati bħal ħaddiema regolari oħra jiġifieri fuq bażi fulltime?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Kif imwiegħed fil-Programm Elettorali l-Gvern bi ħsiebu
illi l-ħaddiema li ilhom snin twal jaħdmu bħala casuals
isiru tal-fiss.
Il-każ tat-tajpisti każwali jiġi kkunsidrat f'dan il-qafas.
Jista' l-Prim Ministru jekk jogħoġbu jindika meta kienet l-aħħar sena li ħarġu l-applikazzjonijiet għal kors li jħarreġ persuni għal post ta' segretarju mal-Kunsilli Lokali? Jista' jindika wkoll meta hemm il-ħsieb li jerġgħu joħorġu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-aħħar kors mħejji mid-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali
biex iħarreġ persuni għall-post ta` Segretarju mal-Kunsilli
Lokali sar mill-31 ta' Mejju 1996 sal-14 ta' Ġunju 1996.
Id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali bi ħsiebu jorganizza
kors ieħor simili f'Mejju ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il post hemm li huwa jew kien requistioned? Jista' jgħid kemm-il requisition order ħarġu sena b'sena?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat illi matul is-snin kemm dam fis-seħħ il-poter tar-rekwiżissjoni, inħarġu 54,197 ordni, jew aħjar infetaħ 'file' fuq 54,197 propjeta'. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba sena b'sena. Minn dawn baqa 13,098 tal-privat li għadhom fis-seħħ.
21.1.99
Jista' l-Ministru jispjega għaliex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament li kienet taħdem bħala Customer Care Service ma' l-MIA sa l-24 ta' April 1996 għadha ma ngħatatx risposta għall-ittra tiegħi ta' l-24 ta' Awissu, 1998? Tista' tiġi spjegata x'inhi l-proċedura li għandha tiġi segwita minn xi ħadd li jkun ġie boarded pout fuq bażi medika mill-MIA u dan ikun jixtieq jerġa' jiġi re-instated?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-ftehim kollettiv ma jipprovdix għal 're-instatement' ta' persuna li tkun ġiet boarded out għal raġuni medika. Għaldaqstant mhux possibbli li l-persuna li għaliha qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant tiġi re-instated mal-M.I.A.. Din il-persuna tkun tista' tapplika għal impjieg mal-kumpanija jekk u meta l-istess kumpanija tagħmel sejħa pubblika.
Jista' l-Ministru jgħid min huma dawk iċ-ċittadini Maltin u Għawdxin li qed jingħataw protezzjoni mill-pulizija?
Fuq liema bażi u għal liema raġuni din qed tingħata?
Response (BORG, TONIO)
Minħabba raġunijiet ta' sigurta', ma nħossx illi l-identita' ta' dawn il-persuni għandha tkun magħmula pubblika. Il-kriterju li jintuża huwa l-possibilita' li dawn il-persuni jkunu vittmi ta' atti kriminali gravi.
21.01.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-kondizzjonijiet li fihom jaħdmu l-pulizija li jagħtu protezzjoni liċ-ċittadini?
L-awtoritajiet tal-pulizija tesiġi u tara li jkollhom faċilitajiet umani u addattati fejn jaħdmu?
Response (BORG, TONIO)
Nassumi li l-Onor. Interpellanti qed tirreferi għal pulizija li jkunu qegħdin fuq fixed point duties. Ninsab infurmat li f'każijiet fejn dan ix-xogħol ikun meħtieġ fuq perijodu fit-tul, il-pulizija jiġu provduti b'mezz ta' kenn bħal ma' huma sentry boxes fuq il-post fejn tkun qed issir l-għassa. Barra minnhekk dawn il-pulizija jkunu kollha pprovduti b'mezz ta' komunikazzjoni għal xi emerġenza li tista' tinqala jew bżonnijiet oħra.
21.01.99
Jista' l-Ministru jgħid jekk min iħaddem skrivan li għandu kuntratt fuq day shift ta' 40 siegħa, mqassma bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa, jistax ibiddel dan il-kuntratt u jaqleb lill-impjegat fuq bażi ta' shift mifrux fuq sebat ijiem, b'jumejn leave matul il-ġimgħa (mhux is-Sibt u l-Ħadd) mingħajr avviż minn qabel?
Jekk dan jista' jseħħ:-
(a) x'shift allowance għandu dritt jitlob l-impjegat;
(b) ix-shift allowance kif għandu jiġi mħallas fuq bażi, per eżempju, ta' ħmistax;
(ċ) veru li r-rata tax-shift allowance hija għad-diskrezzjoni ta' min iħaddem; u
(d) jekk shift bħal dan ikun attwat, jista' l-impjegat jaħdem għal tliet iħdud konsekuttivi mingħajr waqfien?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kuntratt tax-xogħol ta' impjegat jista' jinbidel b'avviż minn qabel skond kemm l-impjegat ikun ilu fl-impieg.
Tibdil fil-kundizzjonijiet tax-xogħol u dritt għal 'shift allowance' jiddependu f'liema settur tax-xogħol ikun jaħdem.
Id-Dipartiment tax-Xogħol għandu sezzjoni fejn jilqa' lmenti fuq il-kuntratt/kundizzjonijiet tax-xogħol. Kull fejn ikun hemm irregolarita' din tiġi investigata mill-ispetturi tad-Dipartiment bl-iskop li l-irregolarita' tiġi retifikata.
21.1.99
Ma jidhirlux l-Ministru li huwa meħtieġ li kemm jista' jkun malajr il-ħaddiema ta' Kalaxlokk jiġu mogħtija tagħrif biżżejjed dwar il-futur tagħhom u l-familji tagħhom? Jista' l-Ministru jara li dan isir?
Response (BONNICI, JOSEF)
Kif spjegajt diversi drabi waqt li kont qed inwieġeb numru ta' mistoqsijiet dwar dan is-suġġett, bħalissa għaddejjin diskussjonijiet mal-partijiet kollha interessati biex tinstab soluzzjoni ta' xogħol produttiv għall-ħaddiema tal-Kalaxlokk. Inserraħ ras l-Onorevoli Interpellant, li meta jkun il-waqt, il-ħaddiema jiġu nfurmati dwar l-eżitu ta' dawn id-diskussjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' konsiderazzjoni umana qed jagħti l-gvern biex jgħin f'każijiet fejn single parent li tgħix u tgħajjex bl-assistenza soċjali u teħel il-ħabs u allura b'konsegwenza tieqaf tieħu l-assistenza? F'dawn il-każijiet ikun hemm il-probabbilta' li l-familja titlef anke l-akkomodazzjoni mikrija li jkollha u jkollha problemi oħra vis-a-vis ħlas ta' kontijiet eċċ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-Artiklu 91 ta' l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali jiskwalifika persuna milli tirċievi pensjoni, benefiċċju, Allowance jew Għajnuna li titħallas taħt dan l-Att għal xi perjodu li matulu tkun qed tinżamm fi stat ta' priġunerija jew detenzjoni b'konsegwenza ta' sentenza mogħtija talli tkun instabet ħatja ta' reat.
Membri oħra ta' l-istess familja li jkunu qegħdin igħixu bl-Għajnuna Soċjali jibqgħu intitolati għal din l-għajnuna minkejja l-fatt li l-kap tal-familja jkun qiegħed il-ħabs.
Fil-każ ta' minorenni, l-Għajnuna Soċjali titħallas lil dak il-Kap ta' familja li f'dak il-mument ikollu il-kustodja tagħhom.
21.1.99
Peress li l-Kunsill Lokali ta' Birkirkara ħa l-inizjattiva illi jipprovdi korsijiet edukattivi ssussidjati minnu, jista' l-Prim Ministru jagħti dettalji ta' min huma l-għalliema li qed imexxu dan il-kors? Kemm attwalment se jitħallsu dawn l-għalliema? Kemm huwa l-ammont sussidju min-naħa tal-kunsill għal kull kors?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-inizjattiva li ħa dan l-aħħar il-
Kunsill Lokali ta` Birkirkara biex isiru korsijiet
edukattivi kienet tikkonsisti f'arranġament speċjali mad-
ditta Learn Key Trading biex dawn jipprovdu dan is-servizz
bi skont speċjali ta` ħamsin fil-mija (50%) għal kull min
japplika għal dawn il-korsijiet permezz tal-Kunsill.
Għadaqstant, l-imsemmi sussidju ma kienx jikkonsisti fl-
ebda forma ta` kontenut finanzjarju minn naħa tal-Kunsill
Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn company cars mhux ta' natura kummerċjali u mniżżla fuq il-kotba ta' kumpanniji kummerċjali llum?
Jista' l-Ministru jagħti breakdown tal-figuri ta' kemm kull kumpannija għandha karozzi u timpjega persuni?
Response (DALLI, JOHN)
L-informazzjoni mitluba f`din il-mistoqsija ma tistax tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn opri tal-baħar reġistrati fuq isem kumpanniji lokali llum?
Kemm minnhom inxtraw sena b'sena f'dawn l-aħħar għaxar snin? Kemm swew? X'tip ta' opri tal-baħar huma?
Response (DALLI, JOHN)
Nitlob lill-Onor Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.