Jista'l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 2236?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li m'hemmx nuqqas ta' mwejjed fl-iskola Ġuże' Despott Junior Lyceum Verdala. Numru ta' siġġijiet intbgħatu fl-iskola biex jieħdu post is-siġġijiet li ġarrbu xi ħsarat mill-bidu tas-sena skolastika 'l hawn.
Dipartiment ta' l-Artijiet — Talbiet mill-Kunsilli Lokali
Question
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 1721, jista' l-Prim Ministru jinforma l-Kamra fiex jikkonsistu t-talbiet tal-Kunsilli Lokali tax-Xgħajra, Zabbar, Senglea u Birgu?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba
skond dokumentazzjoni li għandu d-Dipartiment tal-Kunsilli
Lokali.
Il-lista tinkludi wkoll propjeta` oħra minbarra bini ta`
valur storiku.
In vista tar-risposta mogħtija għall-mistoqsijiet parlamentari numri 962 u 1997 rigward il-problema tad-drenaġġ fix-Xgħajra, jista' l-Ministru jieħu ħsieb li jkun hemm sigurta' fil-manholes imsemmija billi tiġi nstallata sistema ta' sigurta' li permezz tagħha dawn jinfetħu minn uffiċjali tad-dipartiment iżda ma jkunux jistgħu jinfetħu minn terzi persuni, sistema wżata minn missierietna f'sekli oħra?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Tlabt lid-Dipartiment konċernat jara jistax jagħmel xi ħaġa f'dan ir-rigward biex tiġi installata xi sistema fil-manholes biex ma jinfetħux minn terzi persuni.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra f'liema stadju wasal il-proċess sabiex is-sit preistoriku f'Birżebbuga, magħruf bħala Borg in-Nadur, jiġi wżat aħjar u adattat bħala attrazzjoni turistika?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li hemm pjanijiet sabiex is-sit preistoriku ta' Borġ in-Nadur, kif ukoll il-villa Rumana ta' Kaċċatura, isiru aktar aċċessibli permezz ta' xogħol fuq il-mogħdijiet li ġa' jeżistu fl-inħawi. Dan huwa post idejali sabiex wieħed jibda jiżviluppa mogħdijiet għall-passiġġati b'interess kulturali, kemm għall-Maltin kif ukoll għat-turisti.
Diġa' saru xi diskussjonijiet dwar dan bejn il-Mużew ta' l-Arkejoloġija u t-Taqsima tax-Xogħlijiet, li hija responsabbli għall-proġett ta' titjib tal-bajjiet fin-Nofs in-nhar ta' Malta.
Ser inpoġġi artiklu qasir dwar dan is-suġġatt fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li jiġi mwaqqaf kumitat ad hoc sabiex jistudja u jagħti l-pariri meħtieġa sabiex numru sew mis-siti storiċi tagħna jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-pubbliku bl-użu tat-teknoloġija moderna magħrufa bħala cd rom bħalma qed isir minn varji mużewijiet fosthom l-Louvre u n-National Gallery ta' Londra?
Response (GALEA, LOUIS)
Fil-fehma tiegħi s'issa ma nħossx li l-proposta ta' l-Onor. Kollega l-aħjar naslu għaliha bit-twaqqif ta' kumitat.
Fil-qasam tal-wirt ta' siti storiċi ta' valur inestimabbli għad fadal ħafna u ħafna x'isir. Fl-aħħar snin l-istrutturi u l-organizzazzjoni fis-settur ġew analizzati u saru diversi rakkomandazzjonijiet. Jiena bdejt naħdem fuq dawn il-proposti biex fi żmien raġjonevoli inressaq ir-rakkomandazzjonijiet li jidhirli li jkunu fl-aqwa interess ta' pajjiżna għall-approvazzjoni ta' l-awtoritajiet kompetenti.
Jista' l-Ministru jikkonsidra li fil-mużewijiet tagħna tidħol il-faċilta' moderna li turist iħallas għall-entratura tiegħu permezz ta' l-użu ta' l-hekk imsejħa credit cards?
Response (GALEA, LOUIS)
Nirreferi l-Onor. Membru għat-tweġiba għall-Mistoqsija preċedenti.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3438 u t-tweġiba mogħtija għaliha, jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet relevanti ċioe' jekk id-Dar tal-Kejka f'Ħal Tarxien hijiex se tiġi mgħoddija lill-Kunsill Lokali ta' Ħal Tarxien issa li ġiet restawrata? Jekk fl-affermattiv, meta hu maħsub li jsir dan?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Il-Kunsill Lokali Tarxien fil-21 ta` Awissu 1996 għamel
talba lid-Dipartiment ta` l-Art biex id-Dar ta` Kejka
tgħaddi f'idejn il-Kunsill.
Issa li ttieħdet deċiżjoni politika ghad-devoluzzjoni
lokali ta` propjeta pubblika din it-talba trid tiġi
kkunsidrata ma` talbiet oħra simili tal-Kunsilli Lokali
kollha.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-gvern tiegħu għandux l-ħsieb li jimxi 'l quddiem fuq il-proġetti ta' recreation parks li kien ipproġetta l-aħħar Gvern Laburista?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Jien infurmat li l-Gvern għandu ħsieb ikompli bix-xogħol fuq Proġetti ta' Recreation Parks.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew ingaġġati persuni fis-Servizz Civili u fil-korporazzjonijiet (separatament għal kull korporazzjoni/entita' pubblika) fil-perjodi: (i) mill-1987 sa l-1996; u (ii) mill-1996 sa l-1998? F'liema kapaċitajiet/gradi ġew ingaġġati dawn in-nies? Kemm huma stmati s-salarji globali tagħhom?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant fejn
jirrigwardja d-Dikasteru tiegħi hija miġbura f'diversi
skedi li qiegħed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra.
Jiena nfurmat illi dawn il-figuri ma jinkludux lil dawk l-
impjegati tal-gvern li kienu mpjegati b'kuntratt jew fuq
bażi part-time/casual. Lanqas ma jinkludu lill-membri tal-
Forzi Armati ta' Malta.
Jekk l-Onorevoli Interpellant irid x'informazzjoni dwar
korporazzjonijiet/ entitajiet pubbliċi oħra, huwa mitlub
jindirizza d-domanda tiegħu lill-Ministru konċernat.
Dwar l-istima tas-salarji ta' impjegati fis-Settur
Pubbliku, l-Onorevoli Interpellant huwa wkoll mitlub
jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa maħsub illi nefaq il-Gvern s'issa biex jintlaħaq l-għan tal-Gvern preżenti li Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea? Fiex intnefqu l-flus in kwestjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Dan l-eżerċizzju jirrikjedi użu qawwi ta` riżorsi li mhux ġustifikat.
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat illi se jdaħħal flus il-Gvern mill-VAT fuq is-servizzi matul is-sena 1999 u kemm daħħal il-Gvern mis-CET fuq is-servizzi matul is-sena 1998?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant, li l-ammont ta` taxxa li hu stmat li ser idaħħal il-Gvern mill-VAT fuq is-servizzi matul sena sħiħa normali, kif proġettat mid-dħul mill-istess sors fl-aħħar tnax-il xahar tal-liġi tal-VAT ta` qabel, hu ta` madwar Lm22.0 miljuni netti. Meta wieħed iqis li l-ħlas tal-VAT mill-persuni reġistrati lid-Dipartiment isir madwar erba` xhur u nofs b`lura, l-ammont tad-dħul mill-VAT fuq is-servizzi matul l-1999 hu stmat li jkun madwar Lm14.5 miljuni.
L-ammont ta` taxxa dikjarat pagabbli fuq is-servizzi taħt il-liġi tas-CET matul is-sena 1998 kien ta` Lm16.58 miljuni netti.
Jista' l-Ministru jgħid liema mit-33 taxxa li daħħal il-Gvern Laburista tneħħew mill-Gvern preżenti? Liema għadhom fis-seħħ? Għaliex il-Gvern preżenti ħallihom meta tant kien tkaża bihom fil-passat? Kemm se jiffranka flus il-poplu mit-taxxi li tneħħew din is-sena? Kemm inġabru flus is-sena li għaddiet mit-33 taxxa u kemm hu maħsub li se jiġbor il-Gvern is-sena li qegħdin fiha? Liema mit-33 taxxa li baqa' għandu l-ħsieb il-Gvern preżenti li jneħħi s-sena li qegħdin fiha?
Response (DALLI, JOHN)
It-tweġiba għal din il-mistoqsija tingħata f`xi seduta oħra.
Billi hija x-xewqa tal-Gvern preżenti li Malta ssir membru sħiħ ta' l-Unjoni Ewropea, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus direttament jew indirettament mill-Ministeru għall-Affarijiet Barranin, minn meta Malta applikat biex l-għan tal-Gvern preżenti jintlaħaq? Kif intnefqu u fuq xiex, il-flus in kwestjoni?
Response (MARCO, GUIDO DE)
Billi politika governattiva ma tistax tikkwantifikha, risposta f'dan il-kuntest mhiex possibili li tingħata.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir id-drenaġġ u t-tarmac fi Triq Mons. Luigi Catania, Għargħur?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li din l-estensjoni qiegħda nkluża f'tender numru 1496/83/4 u x-xogħol maħsub li jsir aktar tard din is-sena.
Rigward it-tieni parti nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir id-drenaġġ u t-tarmac fi Triq San Bartolomeo, Għargħur?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li din l-estensjoni qiegħda nkluża f'tender numru 1496/83/4 u x-xogħol maħsub li jsir aktar tard din is-sena.
Rigward it-tieni parti nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li x-xogħol li kien se jsir fi Sqaq Charlotte, Għargħur, mill-Water Services Corporation isir mill-aktar fis possibbli ħalli wara jkun jista'jingħata wiċċ ġdid lil dan l-isqaq?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid meta mistenni li jsir ir-refurbishing tal-latrina pubblika li hemm ħdejn Ġnien il-Paċi, ġewwa l-Għargħur?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' refurbishing tal-latrina pubblika li hemm ħdejn il-Ġnien il-Paċi ġewwa l-Għargħur, diġa' nbeda u qed isir bħala parti mix-xogħol li qed isir fit-tisbiegħ tal-Ġnien stess.