Jista' l-Ministru jgħid kemm tressqu persuni l-qorti fuq każi ta' qtil, attentat ta' qtil, stupru u każi konnessi mad-droga sena b'sena fl-aħħar għaxar snin?
Kemm instabu ħatja f'kull kategorija u f'kull sena? X'weħlu f'kull kategorija? Kemm ġew sentenzjati għal perijodu ta' żmien il-ħabs f'kull kategorija, kull sena? Kemm ġew liberati kull kategorija kull sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija ma żżommx din it-tip ta' informazzjoni.
25.01.99
Fir-reanactments militari illi qed isiru, jista' l-Ministru jgħid x'tip ta' insurance għandhom il-persuni li jisparaw l-armi f'każ illi jweġġa' xi ħadd minnhom jew xi ħadd li jkun qed jara ir-reanactments ta' żmien il-Kavallieri In Guardja, jista' l-Ministru jgħid minn fejn inxtraw l-armi in kwestjoni? Fejn inħadmu, min ħadimhom u fejn saru il-barrel proofing ta' l-armi in kwestjoni? X'tip ta' liċenzji iħallsu dawn il-persuni li jużaw dawn l-armi?
Response (REFALO, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar, u r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatax xi sponsor mid-dipartimenti li jaqgħu fid-dekasteru tiegħek għal-logħba Malta League XI kontra l-Juventus lejn l-aħħar ta' Diċembru 1998?
Jekk fl-affermattiv, kemm kienet is-somma u lil min ingħatat?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li ma ngħata ebda sponsorship mid-dipartimenti li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi għal-logħba Malta League XI kontra l-Juventus lejn l-aħħar ta' Diċembru 1998.
Jista' l-Ministru jgħid jekk ingħatawx xi sponsor mid-dipartimenti li jaqgħu fid-dekasteru tat-Turiżmu għal-Logħba Malta League XI kontra l-Juventus lejn l-aħħar ta' Diċembru 1998?
Jekk fl-affermattiv, kemm kienet is-somma u lil min ingħatat?
Response (REFALO, MICHAEL)
L-ispiża totali għal din l-inizjattiva promozzjonali min-'National Tourism Organisation - Malta' ġiet tammonta għal Lm11,000 u s-somma ngħatat lill-'Malta Organising Committee'. Tajjeb li l-Onor Membru jkun jaf li dan l-avveniment kien opportunita' unika biex il-gżejjer tagħna jingħataw pubbliċita'estensiva barra minn Malta. Fil-fatt hu smat li madwar ħmistax il-miljun telespettatur raw il-logħba fuq it-'television' fl-Ewropa u fil-Lvant Nofsani.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma it-taxxi preżenti li għolew mill-5 ta' Settembru 'l hawn? Liema huma dawk ġodda mill-5 ta'Settembru 'l hawn? Kemm huwa maħsub li se jdaħħal il-gvern extra din is-sena meta mqabbla mas-sena l-oħra mit-taxxi in kwestjoni?
Response (DALLI, JOHN)
Mill-5 ta` Settembru `l hawn kien hemm żieda fid-dazju tas-sisa fuq il-petrol, fuq is-sigaretti u fuq it-tabakk. Kien hemm żieda wkoll fil-kontribuzzjoni tas-sigurta` soċjali għall-impjegati. Hu stmat li dawn iż-żidiet se jirrendu lill-Gvern madwar Lm10.6m iżjed.
Peress li l-għassa tal-pulizija tal-Għargħur qed tkun spiss magħluqa, filwaqt li waqt il-ħruġ u dħul tat-tfal ta' l-iskola primarja tal-Għargħur ma jkunx hemm pulizija biex ma jgħaddix traffiku fil-ħinijiet msemmija, jista' l-Ministru jara li dan ma jkomplix jiġri, speċjalment meta għandi informazzjoni li dan qed isir biex il-pulizija jintbagħtu jagħmlu fixed points f'postijiet oħra fid-distrett?
Response (BORG, TONIO)
NInsab infurmat illi qed ikun hemm assenjat regolarment pulizija fejn l-iskola li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant fil-ħinijiet tad-dħul u l-ħruġ tat-tfal.
25.01.99
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 2908, jista'l-Ministru jispjega kif fl-iskola Maria Regina, Blata l-Bajda, fil-Form III biss hemm żewġ għalliema nieqsa tal-Business Studies u tal-Geography, liema għalliema għallmu minn Settembru sa Novembru 1998 u minn Novembru 'l hawn l-għalliema ma rritornawx? Jista' l-Ministru jgħid x'se jsir biex dawn it-tfal jirkupraw it-tagħlim li tilfu meta fis-suġġett tal-Geography minn Settembru/Novembru kellhom tliet lezzjonijiet biss? Jaf il-Ministru li l-head diġa' tagħthom ix-schedule ta' l-eżamijiet u dawn iż-żewġ suġġetti nqatgħu minn fuq il-lista ta' l-eżamijiet? Kif jippermettu l-għalliema jitilqu mill-iskola meta jkunu diġa' bdew is-sena skolastika tagħhom? Fuq liema kriterji telqu dawn l-għalliema, għax riedu huma, għax ġew transferred jew għal xi raġuni oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ispjega taż-żewġ għalliema nieqsa wieħed isibha fil-mard ta' dawn iż-żewġ għalliema u fil-fatt li qed jiġu konsidrati l-proċeduri ta' 'boarding out' għal raġunijiet mediċi ta' l-imsemmija għalliema.
Fil-każ tas-suġġett tal-Business Studies intbagħat għalliem u qed isiru sforzi biex l-istudenti jirkupraw it-tagħlim li tilfu.
Hu għalhekk li ġie deċiż li fiċ-ċirkostanzi l-istudenti ġew eżenti mill-eżamijiet tal-Mid-Term.
L-Onor. Membru taf li ebda awtorita' ma tippermetti lill-għalliema jitilqu mill-iskola mingħajr raġuni valida bħal ma hu l-mard.
Jista' l-Ministru jgħid għas-snin 1980-1998, x'kien n-numru ta' inċidenti fuq il-postijiet tax-xogħol, sena b'sena maqsumin f'każi ta' rġiel u nisa? Kemm kien il-kumpens mogħti f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
25.1.99
In vista ta' dak li qal l-Arċisqof fis-16 ta' Jannar 1998 li skond kif ġie rrapportat f'"The Times" i.e. "Archbishop Joseph Mercieca yesterday called on the state to financially compensate married mothers who contributed to the common wealth of society by staying at home to raise and give their full attention to their children", jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-politika tal-Gvern preżenti f'dan ir-rigward?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-proposta li huwa rrapportat li għamel Monsinjur Arċisqof Ġużeppi Mercieca fl-istqarrija indikata mill-Onor. Membru diġa' kienet ġiet esplorata fil-passat taħt Amministrazzjoni oħra. Waqt li l-benefiċċju propost ikun irid jiġi kkunsidrat fl-isfond tas-sitwazzjoni finanzjarja ta' pajjiżna, jidher ukoll li f'pajjiżna llum hawn opinjonijiet differenti dwar kemm din il-proposta hija valida.
Infakkar lill-Onor. Membru li qabel l-Ellezzjonijiet Ġenerali ta' l-1996, il-Partit Laburista kien wiegħed l-hekk imsejjħa 'paga soċjali' li kellha 'tiżgura li l-familji jekk iridu jaħdmu "extra", jagħmlu dan għax jagħżlu huma'. L-Onor. Membru jaf li din il-wegħda ma twettqitx.
25.1.99
Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proġetti li qed jaħdem fuqhom u li għandu ppjanati l-Valletta Rehabilitation Committee din is-sena?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Il-Kumitat għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta għad irid jerġa' jkun rikostitwit. Madankollu l-Uffiċju tal-Proġett għar-Riabilitazzjoni tal-Belt Valletta baqa' sejjer b'numru ta' proġetti li kien diġa' beda u li jew kienu ppjanati li jibdew. Sadanittant l-Uffiċju tal-Proġett reġa' ġie msaħħaħ b'numru ta' tekniċi biex ikun jista' jaqdi d-dmirijiet li għandu. Xogħol li qed isir bħalissa jinkludi xogħol ta' restawr fil-Kon Kattidral ta' San Ġwann, fil-Palazz, fil-Knisja tal-Ġiżwiti u fil-Knisja tal-Madonna tal-Pilar, ħidma ta' upgrading fil-Forti Sant'Jiermu, xogħol ta' manutenzjoni fi statwi tal-kantunieri, u xogħol ta' tibjid fi Triq Sant'Anna, Floriana.
Jista' l-Ministru jara li l-persuni li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament jingħataw l-arretrati dovuti lilhom mid-Dipartiment tat-Taxxi Interni?
Response (DALLI, JOHN)
Il-proċess tal-ħlas tar-refunds qiegħed jiġi mħaffef kemm jista jkun għat-taxpayers kollha.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' applikazzjonijiet maħruġa mid-Diviżjoni ta' l-Edukazzjoni għal supply ta' kindergarten assistants? Kemm ġew intervistati persuni? Meta hemm il-ħsieb li joħroġ ir-riżultat ta' dan l-interview?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li kien hemm 230 applikazzjoni għall-post ta' Supply Kindergarten Assistants. Minn dawn 69 kienu eliġibbli skond il-kwalifiki maħtieġa u 48 għaddew mill-intervista.
Ir-riżultat ħareġ f'Diċembru li għadda u dawk li għaddew bdew ix-xogħol illum, 25 ta' Jannar 1999.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm arretrati fin-National Insurance dovuti minn korporazzjonijiet u kumpanniji li fihom il-gvern għandu sehem? Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm arretrati dovuti minn kumpanniji privati u minn individwi privati self-employed? Jista' l-Ministru jgħid x'passi qed jittieħdu biex jinġabru l-arretrati?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Sa Diċembru ta' l-1997, kien hemm arretrati ta' kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali fl-ammont ta' Lm45,000 dovuti minn korporazzjonijiet u kumpaniji li fihom il-gvern għandu sehem. Dan l-ammont hu dovut kollu minn kumpaniji li huma fl-istadju ta' likwidazzjoni.
Kien hemm ukoll ammont ta' madwar Lm6.0m dovuti minn kumpanija oħra. Fir-rigward ta' individwi privati li jaħdmu għal rashom, l-ammont dovut ma jistgħax jiġi stabbilit peress li l-kontribuzzjoni dovuta tiddependi minn dħul ta' l-individwu fis-sena. Għaldaqstant, jekk wieħed ma jkunx jaf kemm hu d-dħul, ma jistgħax jiġi kkalkolat l-ammont ta' kontribuzzjoni dovuta.
Fir-rigward tas-sena 1998, kif jaf l-Onor. Interpellant l-Abbozz ta' liġi li jemenda l-Att dwar is-Sigurta' Soċjali, u li issa qiegħed fi stadju ta' kumitat, jgħid li r-responsabbilita' ta' ġbir u l-infurzar għal ħlas ta' kontribuzzjonijiet tas-Sigurta' Soċjali, ser tgħaddi fuq id-Dipartiment tat-Taxxi Nterni b'effett mill-1 ta' Jannar 1998.
25.1.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' tfal taħt is-16-il sena li nqabdu jaħdmu fl-1998? X'tip ta' postijiet ta' xogħol inqabdu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
In-numru ta' tfal taħt is-16-il sena li nqabdu jaħdmu fl-1998 kien ta' 33. It-tipi ta' postijiet ta' xogħol huma kif ġejjin:
BUILDING SITES 2
RESTAURANTS 4
SHOPS 7
STORE 1
CONFECTIONERIES 3
SUPERMARKETS 4
HOTELS 5
PUB 1
HAWKERS 2
PASTIZZERIA 2
QUARRIES 1
FACTORIES 1
25.1.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet għall-impjieg matul Settembru, Ottubru, Novembru u Diċembru 1998 minn: (a) servizz pubbliku; (b) enti statutorji; (ċ) enti u kumpanniji li l-Gvern direttament jew indirettament, għandu mill-inqas nofs l-ishma tagħhom; u (d) is-settur privat? Jista' l-Ministru jindika d-dipartiment, enti jew kumpannija fil-każ ta': (a), (b) u (ċ) kif ukoll ix-xogħol mitlub f'kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant.
25.1.99