Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #3666 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tas-Saħħa

Ċimiterju ta' l-Addolorata — Xiri ta' oqbra

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li applikaw biex jixtru qabar fl-Addolorata? Kemm ilha tistenna l-applikazzjoni li qiegħda l-ewwel fil-lista? X'possibbilta' hemm biex jibda jissodisfa din it-talba?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sat-18 ta` Jannar 1999, hemm 1310 persuna fil-`waiting list` ta` applikanti sabiex jixtru qabar fiċ-Ċimiterju ta` l-Addolorata. L-ewwel applikazzjoni f`din il-lista ta` applikanti saret fl-10 ta` Dicembru 1991. Hi l-intenzjoni tal-Gvern li l-espansjoni taċ-Ċimiterju ta` l-Addolorata tiġi attwata wara li jiġu finalizzati l-proċeduri neċessarji mal-awtoritajiet kompetenti.
Leg 9 PQ #3673 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tas-Saħħa — Attakki ażmatiċi

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra jekk sarx studju fuq il-kawżi li qed jipproduċu mard dejjem kbir fil-pulmun billi hemm numru dejjem jikber ta' tfal fl-akkwati tal-Kottonera u dawk tal-Port il-Kbir sa Pembroke li qed ibatu minn dawn l-attakki ażmatiċi u dan meta l-ewwel waqaf l-użu tal-faħam fil-pajjiż, kif kien hemm fl-erbgħinijiet, u t-tieni l-istess Power Station tal-Marsa qagħtet ukoll mill-użu ta' dan?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Interpellant li ma` kien hemm l-ebda studju dwar dawk il-fatturi li jistgħu jikkawżaw attakki ta` asthma.
Leg 9 PQ #3674 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tas-Saħħa — Persuni ażmatiċi

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm u kemm kien hemm persuni ażmatiċi taħt l-għaxar snin reġistrati fis-snin 1996, 1997 u 1998 mad-Dipartiment tas-Saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

L-ażma mihiex fost il-mard li bil-liġi għandu jiġi notifikat lill-awtoritajiet tas-saħħa w għalhekk mhemmx figuri eżatti tan-numri tat-tfal li jbatu bl-ażma. Pero`, mill-frekwenza tal-marda w mill-għadd ta` attendenzi fid-Dipartiment tal-Emerġenza w tal-`Outpatients` tat-tfal, nistgħu nikkalkulaw li madwar 4500 tifel u tifla jattendu għall-kura minħabba l-ażma. Ma kienx hemm ċaqliq sostanzjali f`dawn in-numri fis-snin 1996, 1997 u 1998.
Leg 9 PQ #3675 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tas-Saħħa — Persuni ażmatiċi

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm u kemm kien hemm persuni reġistrati bħala ażmatiċi fis-snin 1996, 1997 u 1998 mad-Dipartiment tas-Saħħa?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninsab infurmat li l-kundizzjoni ta` l-ażma mihiex wahda notifikabbli lill-awtoritajiet tas-saħħa.
Leg 9 PQ #3676 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tas-Saħħa

Dipartiment tas-Saħħa — Mard ta' l-ażma

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm flus intefqu mid-Dipartiment tas-Saħħa in konnessjoni ma' mard tal-pulmun b'dettall u attenzjoni speċjali fuq l-attakki ta' l-ażma?

Response (DEGUARA, LOUIS)

B`riferenza għall-mistoqsija tal-Onorevoli Membru Parlamentari qed tingħata inpoġġi fuq -l-Mejda tal-Kamra nformazzjoni fuq mediċini b`konessjoni ma` mard tal-pulmun li nxtraw mid-Dipartiment tas-Saħħa matul perjodu ta` l-aħħar sitt xhur, jigifieri bejn 1 ta` Lulju 1998 u 31 ta` Dicembru 1998. Mediċini li jintużaw għall-din il-kundizzjoni, iżda li ma nxtrawx f`dan il-perjodu, ma jidhrux fuq din-lista.
Leg 9 PQ #3677 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: CARMELO MIFSUD BONNICI To: Ministeru tas-Saħħa

Saħħa — Spezzjonijiet

Question

In vista tar-risposta għad-domanda parlamentari numru 3293, jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm saru spezzjonijiet mid-Dipartiment tas-Saħħa ġewwa stabilimenti ta' l-ikel tat-tip "ħwienet li jaħdmu u jbiegħu l-ħelu" tul is-sena 1998 u kemm ittieħdu passi legali fuq dawn l-ispezzjonijiet?

Response (DEGUARA, LOUIS)

Ninforma l-Onor. Interpellant li d-Dipartiment tas-Saħħa wettaq 2570 spezzjoni fi ħwienet li jaħdmu u/jew jaħdmu u jbiegħu l-ħelu matul is-sena 1998 u nħarġu 17 il-kap t'akkuża konnessi ma' dawn l-istabbilimenti matul l-istess sena.

Auberge de Castille

Question

Jista' l-Prim Ministru jinforma lill-Kamra jekk hemmx il-ħsieb li fi ġranet partikolari, per eżempju ġimgħatejn f'sena sħiħa, l-Auberge de Castille tkun hija wkoll miftuħa għall-pubbliku? Jikkunsidra wkoll li parti minnha biss tkun miftuha s-sena kollha?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Qed jiġi kkunsidrat li dak li jista jkun ta' interess ġenerali għall-pubbliku - t-taraġ prinċipali, is-Sala ta' l-Ambaxxaturi u l-Kamra tal- Kabinett - ikun jista jarah il-pubbliku f'ħinijiet u ġranet partikolari tas-sena.

Djar — Manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-programam ta' manutenzjoni għal din is-sena fid-diversi housing estates imxerdin ma' Malta u Għawdex?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Il-programm ta' manutenzjoni f'bini tal-Gvern ma jsirx darba biss fil-bidu tas-sena iżda dan jiġi rrivedut fil-bidu ta' kull xahar. B'hekk minn xahar għall-ieħor jiġu eliminati xogħolijiet li jkunu tlestew fix-xahar preċedenti u jiġu inklużi xogħolijiet ġodda. Il-prijorita' tax-xogħlijiet tingħata skond in-natura ta' dan ix-xogħol. Per eżempju l-akbar prijorita' tingħata lil dawk ix-xogħlijiet ta' natura strutturali bħal tiswijiet ta' soqfa u dawk li jinkludu tikhil jew tiswija ta' katusi. 26.1.99
Leg 9 PQ #3716 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Zejtun — Irranġar ta' fence

Question

Jista' l-Ministru jara li l-fence li hemm bejn il-ground tal-football fi Triq Anġlu Grima u l-iskola Carlo Diacono fiż-Żejtun jitranġa minħabba li jeżisti periklu serju għal min jattendi dawn iż-żewġ postijiet imsemmija?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li qiegħed isir eżami tal-ħsarat imsemmija sabiex wara jkun jista' jsir ix-xogħol ta' rranġar meħtieġ.
Leg 9 PQ #3731 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Assoċjazzjonijiet — Abbużi minn sustanzi projbiti

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk mir-rapporti mibgħuta mill-assoċjazzjonijiet li ġew megħjuna finanzjarjament biex isiru doping tests, irriżulta li kien hemm nies li nstab li abbużaw minn sustanzi li huma projbiti u għalhekk instabu pożittiv?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li sal-lum id-Dipartiment għadu ma rċeiva ebda rapport dwar xi riżultat pożittiv.
Leg 9 PQ #3732 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Għaqdiet sportivi — Eżenzjoni minn taxxi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk kienx hemm talbiet minn għaqdiet sportivi jew volontarji sabiex jingħataw eżenzjonijiet minn taxxi diversi? Xi jsir meta jkun hemm xi talba ta' dan it-tip?

Response (GALEA, LOUIS)

It-talbiet għall-eżenzjoni mit-taxxa jsiru direttament lill-Ministeru tal-Finanzi u l-Mistoqsija għandha ssir lil dan il-Ministeru.
Leg 9 PQ #3733 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: CARMELO ABELA To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Ministeru ta' l-Edukazzjoni — Programms and Initiatives

Question

Jista' l-Ministru jgħid min huma l-persuni li jagħmlu parti mill-board dipartimentali li jiġi maħtur sabiex jiddeċiedi kif jingħataw fondi vvotati taħt item 4185 - Programms and Initiatives?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-fondi vvutati taħt Item 4185 - Programmes and Initiatives huma r-responsabbilta' tad-Direttur taż-Żgħażagħ u Sport. Jinħatar board biss biex jiddeċiedi kif jingħataw fondi minn dan l-Item għall-Youth Support Programme. Dan il-Board huwa ffurmat mid-Direttur taż-Żgħażagħ u Sport u rappreżentanti tad-Dipartiment tal-Kultura, taż-Żgħażagħ u Sport u tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ.

ETC — Reġistrazzjoni għax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' żgħażagħ li qed jirreġistraw u x'persentaġġ jirrappreżentaw ta' dawk li qed jirreġistraw? Liema hi l-eta' li l-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ tqis bħala persuni li jaqgħu fil-kategorija taż-żgħażagħ? Jekk l-ETC għandha informazzjoni dwar kif jikkompara n-numru ta' persuni żgħażagħ li qed jirreġistraw għax-xogħol mal-pajjiżi membri ta' l-Unjoni Ewropea, jista' l-Ministru jippubblika din l-istatistika? Jista' l-Ministru jagħti breakdown f'liema settur qed jirreġistraw dawn iż-żgħażagħ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

In-numru ta' żgħażagħ taħt il-25 sena li kienu qed jirreġistraw għax-xogħol fl-aħħar ta' Ottubru 1998 kien ta' 2,181. Dawn jirrapreżentaw 29.9% ta' dawk li qed jirreġistraw għax-xogħol. L-etajiet li żżomm il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħriġ huma skond Istituzzjonijiet Internazzjonali bħal Eurostat u ILO. L-eta assenjata għaż-żgħażagħ hija ta' dawk li huma taħt il-25 sena. Qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella A fejn turi għal liema kategorija ta' xogħol dawn iż-żgħażagħ kienu qed jirreġistraw. Il-persentaġġ ta' żgħażagħ li qed jirreġistraw għax-xogħol fl-Unjoni Ewropeja f'Ottubru 1998 kien kif ġej. Belġju 21.6 Danimarka 6.3 Ġermanja 10.1 Greċja N/A Spanja 34.4 Franza 26.8 Irlanda 12.0 Italja 33.3 Lussemburgu 6.7 Olanda 6.2 Awstrija 6.3 Portugal 8.9 Finlandja 23.5 Svezja 14.5 Ingilterra N/A 26.1.99

Impjiegi — Ħaddiema li weġgħu fuq il-postijiet tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' persuni li weġġgħu fuq fuq ix-xogħol fl-aħħar għaxar snin sena b'sena u li sofrew minn xi diżabilita' permamenti? Kemm kienet id-diżabilita' ta' dawn il-persuni? Kemm ħareġ il-gvern f'għajnuna soċjali lil dawn il-persuni sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Iċ-ċifri tan-nies li weġgħu fuq ix-xogħol f'dawn l-aħħar għaxar snin u sofrew minn xi diżabilita' permanenti hu kif indikat f'din il-lista. Dawn il-persuni jirċievu somma flus f'każ ta' Diżabilita' Permanenti ta' anqas minn 20%, jew Pensjoni għad-Diżabilita' fejn il-persentaġġ ta' diżabilita' jkun bejn 20% u 89% jew Pensjoni għal Invalidita' fejn il-persentaġġ ikun aktar minn 89%. Dawn il-benefiċċji jitħallsu taħt l-iskema kontributorja u mhux bħala Għajnuna Soċjali. 26.1.99

Impjiegi — Ħaddiema li weġgħu fuq il-post tax-xogħol

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm weġgħu persuni fuq ix-xogħol matul is-sena 1998? Kemm mietu, kemm weġġgħu ħafif u kemm gravi? Kemm nefaq il-gvern fuq għajnuna soċjali lil dawn il-persuni? Kemm intilfu working days minħabba dawn il-korrimenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi l-Onor. Interpellant għal Mistoqsija Parlamentari Numru 3801 fejn qed tingħata l-informazzjoni li fiha inkluż iċ-ċifri li ġew iffinaliżżati sal-lum. Ma' din l-informazzjoni wieħed jista' jżid li kien hemm 12-il inċident fatali fuq ix-xogħol fl-1998. 26.1.99
Leg 9 PQ #3803 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru tal-Finanzi

Taxxi Interni — Dħul

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm daħħal flus mill-income tax sena b'sena fl-aħħar għaxar snin? Kemm ntnefqu flus mit-taxpayers fi spiża (expenses) u li huma eżenti mit-taxxa fl-istess żmien?

Response (DALLI, JOHN)

Flus mill-Income Tax fl-aħħar għaxar snin inġabru dawn l-ammonti: Sena Kalendarja Totali Lm 1989 51,128,154 1990 57,291,812 1991 61,737,082 1992 71,353,357 1993 85,115,263 1994 87,852,191 1995 99,757,557 1996 93,307,549 1997 110,539,335 1998 (proviżorju) 110,266,544 L-ammont ta` l-aħħar għas-sena 1998 hu proviżorju. L-informazzjoni mitluba fit-tieni parti tal-mistoqsija ma tistax tingħata għaliex dettalji kif mitluba ma tinżammx fid-dipartiment.
Leg 9 PQ #3804 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Ambjent

Toroq — Xogħlijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq li fihom se jsir xogħol neċessarjju biex jitwassal is-servizzi infrastrutturali ħalli l-proġetti ta' Tiġne' u Manoel Island ikunu jistgħu jsiru?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

In-negozjati mal-'Consortium' magħżul waslu fi stadju avvanzat u dettalji jingħataw aktar tard meta jkun opportun. Li wieħed jista' jgħid issa huwa li hemm xogħol ta' infrastruttura li jrid isir bejn l-inħawi tal-Bridge ta' Manoel Island u r-roundabout fit-tarf ta' Gżira Road ħdejn ir-roundabout magħrufa bħala 'ħdejn it-tank tal-Gass'. Irid jingħad li tant hemm konġestjoni f'dawn l-inħawi, li dan ix-xogħol huwa meħtieġ fl-interess pubbliku anki kieku ma kienx hemm il-proġett ta' Manoel Island.
Leg 9 PQ #3805 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Ambjent

Gżira — Djar/proprjeta'

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma dawk id-djar/jew proprjeta' oħra fil-Gżira li se jiġu esproprjati mill-gvern in konnessjoni ma' l-iżvilupp maħsub ġewwa Manoel Island?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

L-ebda art m'hi ser tiġi esproprjata minħabba l-iżvilupp li sejjer isir f'Manoel Island. Jekk l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għat-triq ġdida li trid tgħaqqad Regional Road minn ħdejn l-ex tank tal-Gass sax-Xatt tal-Gżira, dan huwa proġett li xorta jrid isir indipendentament mill-iżvilupp ta' Manoel Island. Jekk l-Onorevoli Interpellant irid aktar informazzjoni fuq dan, huwa mitlub li jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Leg 9 PQ #3806 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: ADRIAN VASSALLO To: Ministeru għall-Ambjent

Tiġne'/Manoel Island

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa stmat li tiġi tiswa lil gvern l-infrastruttura kollha neċessarja li trid issir biex tkun tista' tinbena il-ponta ta' Tiġne' u Manoel Island? Jista' l-Ministru jgħid u jagħti breakdown tas-somma in kwestjoni?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

In-negozjati mal-'Consortium' magħżul u l-preparazzjoni biex jibda l-proġett waslu fi stadju avvanzat u aktar dettalji jingħataw aktar tard meta jkun opportun.
Leg 9 PQ #3839 Sitting 56 1999-01-26 Oral · Final From: MICHAEL FARRUGIA To: Ministeru għall-Ambjent

Għargħur — Triq l-Isqof Gargallo - Tarmac

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir id-drenaġġ u t-tarmac fi Triq l-Isqof Gargallo, Għargħur?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li din l-estensjoni qiegħda nkluża f'tender WD1496/83/4 u qiegħda maħsuba għal aktar tard din is-sena.