Jista' il-Ministru jgħid meta se ssir it-triq f'Tal Ħandaq li tagħti għar-range tat-tiraturi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq ressaq il-każ għall-attenzjoni tal-Kunsill Lokali ta' Ħal Qormi peress li t-triq tal-Ħandaq taqa' fl-ambitu tax-xogħol tal-Kunsill.
Jista' il-Ministru jissottometti site plan ta' l-area fejn huwa ppjanat skond il-proposta tal-pjan lokali, fejn se tinbena skola sekondarja fi Triq Valletta f'Ħal Qormi?
Response (GALEA, LOUIS)
Ninsab informat li għadu kmieni biex wieħed jissottometti site plan f'dan il-każ minħabba li l-proġett għadu qed jiġi diskuss fil-prinċipju ma' l-awtoritajiet kompetenti.
Jista' il-Ministru jieħu azzjoni biex bozza fi Triq il-Wied f'Ħal Qormi li qiegħda fil-kantuniera ma' Sqaq 7 tiġi mdawwra b'mod li taqdi dan l-isqaq mudlam ukoll?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li minn investigazzjoni li saret mill-ħaddiema tal-Korporazzjoni Enemalta jirriżulta, li jekk il-lampa imsemmija tiċċaqlaq mill-pożizzjoni li tinsab fiha bħalissa, il-livell ta' illuminazzjoni ma jkunx l-aħjar. Tajjeb jingħad li l-isqaq li qed issir riferenza għalih diġa' huwa mdawwal permezz ta' lampa li kienet twaħħlet mill-Kunsill Lokali.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm anzjani u persuni b'diżabilita' li qed jibbenefikaw min servizzi li jingħataw fid-djar bħal meal on wheels, telecare, handyman u home help?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru ta' anzjani u persuni b'diżabilita' li jibbenefikaw minn dawn is-servizzi hu kif ġej:
Meals on Wheels - 1293
Telecare - 8510
Handyman - 3406
Home-Care-Help - 3016
Jista' l-Ministru jgħid jekk tinżammx statistika dwar mobbilita' ta' ħaddiema? F'każ li iva kemm kien hemm ħaddiema li bidlu impjieg fl-1999, fl-2000 u fl-2001?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-mobilita' ta' dawk il-ħaddiema li l-impjieg tagħhom kien full time fl-1999, fl-2000 u fl-2001 kienet ta' 20%; 19% u 20% rispettivament. Din il-figura tiġi kkalkulata billi tiddividi numru ta' formoli ta' ingaġġ irċevuti mill-ETC (li d-data effettiva tagħhom taqa' fis-sena rispettiva mitluba) bin-numru ta' nies li qed jaħdmu u li qed iffittxu xogħol (Labour Supply).
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitwettqu l-iżviluppi li semma', sabiex jerġgħu jiftħu fuq bażi ta' 24 siegħa kuljum iċ-ċentri tas-saħħa tar-Rabat, Bormla, Qormi u B'Kara? Kemm fil-fatt ilhom li ssospendew dan is-servizz fuq bażi ta' 24 siegħa?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Ma hemm l-ebda żvilupp ġdid li jippermetti il-ftuħ taċ-Ċentri tas-Saħħa msemmija fuq bażi ta` 24 siegħa. Dawn iċ-Ċentri ilhom joperaw fuq servizz ristrett minn Mejju 2000.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' annimali li jintużaw għall-programm edukattiv 'ngħożżu l-biedja' fl-Għammieri li nbiegħu matul l-1999, 2000, 2001 u din is-sena? X'kienet r-raġuni li nbiegħu u kemm daħlu fi flus għalihom?
Response (ZAMMIT, NINU)
-----------------
Jien infurmat li l-bejgħ ta' l-annimali li kienu jintużaw fil-programm edukattiv '
ngħ
oż
ż
u l-biedja'
fl-Għammieri sar kif ġej:
1999 2000 2001 2002
Rhea -- -- -- --
Lama -- 1 -- --
(Lm162.90)
Ponies -- 1 -- 3
(Lm 20.00) (Lm316.00)
Pigmy Goats -- 1 3 --
(Lm 11.00) (Lm 24.00)
Dawn l-annimali nbiegħu għaliex minħabba wild kien hemm numru ta' annimali żejda.
Jista' l-Ministru jaġġornani dwar it-talba skond mistoqsija 32778, b'referenza għat-talba pendenti tal-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament sabiex tidħol f'Mtarfa home, jista' jikkunsidra l-urġenza tal-każ, kawża taċ-ċirkustanzi familjari? Jekk fl-affermattiv, meta?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Kif diġa' għidt fit-Tweġiba għall-Mistoqsija Numru 32778 li jien tajt f'Seduta Numru 762, il-każ tal-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant qed jiġi trattat bħala wieħed urġenti. Dwar id-data meta din il-persuna tiddaħħal fid-Dar ta' l-Anzjani ta' l-Imtarfa jiddependi mid-disponibbilta' ta' sodda fid-dipendent ward.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhija r-raġuni li sabiex isir it-tindif tal-bajjiet ta' l-Għadira, l-Għarmier, Ċirkewwa, t-Torri l-Abjad u l-bajja ta' Kejli qabel kien hemm madwar 20 ħaddiema u llum hemm biss madwar 6 jew 8 ħaddiema? Kif jispjega l-fatt li minkejja li naqas in-numru ta' ħaddiema mhux jdaħħal il-ħaddiema fuq bażi ta' overtime is-sibtijiet u l-ħdud, imma jdaħħalhom fuq bażi time off?
Response (REFALO, MICHAEL)
Infurmat li n-numru ta’ ħaddiema fis-sezzjoni tal-Beach Cleaning li jaħdmu fin-naħa ta’ fuq ta’ Malta hu tmintax (18). Dan in-numru jinkludi wkoll il-ħaddiema li nadfu l-bajjiet imsemmija.
Kull sajf il-ħaddiema tan-naħa ta’ fuq ikollhom igħinuhom skond il-ħtieġa ħaddiema minn lokalitajiet oħra. Dan isir fuq bażi ta’ roster.
Peress li dawn il-ħaddiema għandhom arranġamenti speċjali dwar il-ħinijiet tax-xogħol allura qatt ma nħasset il-ħtieġa li dawn jitħallsu overtime.
Jista' l-Ministru jinfurmani jekk huwiex qed ikun ikunsidrat li parti minn Vjal il-Ħaddiem, fir-Rabat li tinsab fil-Qasam tad-Djar fil-parti ta' bejn Hse 7 u 13 ssir one way? Jekk le, jista' jara li tiġi studjata din il-possibbilta' peress li triq ġiet perikoluża issa li l-bankina dejqet ħafna l-aċċess għal żewġ karozzi?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li minn stħarriġ li għamel id-Direttorat għall-Maniġġ tat-traffiku jirriżulta li l-parti tat-triq li qed jirreferi għaliha l-Onor. Interpellant hija wiesgħa biżżejjed biex it-traffiku jgħaddi f'direzzjoni opposta mingħajr ebda periklu. Ghaldaqstant m'hemm ebda ħsieb ta' ntroduzzjoni ta' one way fit-triq inkwestjoni.
Jista' l-Ministru jgħid skond ir-rekords kemm huwa n-numru ta' ġibjuni ta' reservoirs ta' l-ilma tax-xorb li għandna f'Malta u kemm huwa n-numru tal-ġibjuni li jintużaw għall-ħażna ta' l-ilma tat-tisqija? Kemm minn dawn jeħtieġu manutenzjoni u kemm minnhom għadhom jintużaw u jinsabu f'kundizzjoni tajba li jirċievu u jżommu l-ilma?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma għandha għoxrin ġibjun li jintużaw għall-ħażna ta' l-ilma tax-xorb u dawn il-ġibjuni huma miżmuma fi stat tajjeb ta' manutenzjoni.
Skond l-arkivji tal-Korporazzjoni, in-numru ta' ġibjuni li jintużaw għall-ilma tat-tisqija jew għal użu sekondarju huwa ta' mija u ħdax. Il-kundizzjoni ta' dawn il-ġibjuni tvarja minn wieħed għall-ieħor. Naturalment ġibjun ta' l-ilma dejjem ikollu bżonn ta' manutenzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li qatt ma ġiet offruta xogħol xieraq mill-ETC minkejja li ilha tirreġistra żmien twil?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li fil-25 ta' Ġunju 2002, il-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant ġiet imsejħa għal intervista ma' l-employment advisor tagħha fil-Korporazzjoni għat-Taħriġ u x-Xogħol iżda ma setgħetx tattendi peress li kienet qed issegwi kors fil-literacy, provdut mill-Korporazzjoni. Dan il-kors beda fil-11 ta' Frar 2002 u mistenni jispiċċa fl-20 ta' Awissu 2002.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien hawn korrimenti fuq il-postijiet tax-xogħol (kemm minnhom fatali) matul dawn l-aħħar 5 snin, sena b'sena? F'liema tip ta' industriji/setturi seħħew?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Rigward il-korrimenti fuq il-post tax-xogħol mill-1997 sa l-1999 nirreferi lill-Onor Interpellant għat-Tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari tiegħu Numru 15770, f'Seduta 285.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabelli li juru l-informazzjoni mitluba dwar korrimenti fuq il-post tax-xogħol għas-snin 2000 u 2001 kif ukoll informazzjoni dwar inċidenti fatali fuq il-post tax-xogħol għas-snin 1997 - 2001.
Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li l-WSC qiegħda tikkunsidra li tagħti x-xogħol tal-meter reading lill-privat?
Response (BONNICI, JOSEF)
Tajjeb jingħad li bħalissa kemm il-Korporazzjni għas-Servizzi ta' l-Ilma kif ukoll il-Korporazzjoni Enemalta għandhom diskussjonijiet għaddejjin sabiex jaraw jekk jistgħux jimplimentaw sistema aktar moderna u aktar effiċjenti għall-qari ta' l-arloġġi. F'dan l-istadju qed tiġi kkunsidrata l-introduzzjoni ta' teknoloġija aktar moderna biex il-qari ta' l-arloġġi isir b'mod aktar effettiv biex b'hekk jitjieb is-servizz mogħti miż-żewġ Korporazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid tistax tiġi kkunsidrata t-talba ta' l-iskrivana mal-WSC li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament biex tiġi ttrasferita mill-uffiċċju ta' Ħal Luqa għall-Belt għall-raġunijiet familjari?
Response (BONNICI, JOSEF)
It-talba ta' l-Onorevoli Interpellant ġiet riferita lill-Korporazzjoni għas-Servizzi ta' l-Ilma li min-naħa tagħha qed tikkunsidrha.
Jista' l-Ministru jikkonferma rapporti li f'garage li hemm taħt blokk fil-Gżira (l-indirizz qed jintbagħat separatament) li tidħol għalih minn Bouverie Str, Gżira qed isir xogħol ta' spray mingħajr permess?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi dan l-ilment qed ikun investigat mill-Pulizija.
Jista' l-Ministru jgħid tistax tissewwa dik il-ħofra kbira li hemm f'nofs Rue D'Argens, Gżira, quddiem l-ex garage ta' Gasan Motors fl-istess triq minnħabba l-periklu li qegħda tikkawża għas-sewwieqa u pedestrians?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li d-Direttorat għat-Toroq diġa ħa l-passi neċessarji biex isir il-patching li kien hemm bżonn isir fi Triq Rue D'Argens, Gżira.
Jista' l-Ministru jikkonferma jekk l-isprall li hemm quddiem ir-residenza li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament sarx bil-permess tal-MEPA jew le, minħabba l-inkonvenjent li dan qed ikun għan-nies li jgħaddu fuq il-bankina kif ukoll li jkunu deħlin u ħerġin minn din ir-residenza?
Response (BORG, TONIO)
Għalkemm qatt ma saret talba lill-Awtorita` ta` l-Ippjanar, ninsab infurmat illi fl-1994 is-sid tal-garaxx ta` fejn sar l-isprall kien ottjena xi permessi neċessarji mingħand id-Dipartiment tat-Toroq skond numru tal-permess 1029/94/0766 maħruġ fil-18/10/94. Infurmat ukoll illi x-xogħol li sar kien approvat ukoll mill-Kunsill Lokali tal-Gżira.
Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra x'xogħol sar u kemm intefqu flejjes fit-tisbiħ tal-Promenade ta' Tas-Sliema u kemm dam biex dan isir?
Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)
Ninsab infurmat li x-xogħol ta' tisbiħ fuq il-promenade ta' Triq it-Torri f'Tas-Sliema sar f'fażijiet kif jidher hawn taħt. Fost ix-xogħol estensiv li sar, insemmu l-pavimentar ġdid, railings, bankijiet, dwal dekorattivi u 'verges' bil-ħamrija fejn tħawwlu siġar u pjanti.
Bejn Ottubru 1999 - Ġunju 2000 tlestiet il-promenade minn ħdejn il-Fortizza sa fejn it-Torri fl-ewwel fażi tal-proġett.
Bejn Ottubru 2000 - Ġunju 2001 tlestiet it-tieni fażi minn fejn it-Torri sa faċċata tal-Kunvent tal-Karmnu. Permezz tax-xogħlijiet f'din il-fażi il-promenade kien aċċessibli kollu għal pubbliku fl-aħħar ta' Ġunju 2001.
L-uniċi xogħlijiet li ma tlestewx fit-tieni fażi kien ix-xogħol fuq il-kiosk tal-ħadid fondut f'Fond Għadir u l-area ta' madwaru, nkluż il-monument ta' tifkira. Dan ix-xogħol flimkien mar-restawr tat-Torri ta' San Ġiljan, pavimentar ta' madwaru u x-xogħol estensiv fuq il-playing field ta' fejn it-Torri , tlestew bejn Ottubru 2001 u Ġunju 2002.
In-nefqa fuq il-proġett li tinkludi kuntratti, materjal u overtime tal-ħaddiema kienet kif jidher hawn taħt:
1999 Lm 90,651.
2000 Lm 456,152.
2001 Lm 560,374.
2002 (sa 6/8/02) Lm 175,780.
------------------
TOTAL Lm1,282,957.
------------------