Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 9 PQ #4102 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: LEO BRINCAT To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Pubbliku — Diretturi/Assistenti diretturi

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm mistennija jinħatru diretturi u assistenti diretturi ġodda? X'proċedura ta' l-għażla sejra tintuża?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Jiena nfurmat illi n-numru ta' postijiet ta' diretturi ġenerali u diretturi li mistennija jimtlew fil-futur qarib huwa ta' madwar 40. Fil-fatt għadha kif ħarġet sejħa fis-27 ta' Jannar 1999, biex jimtlew uħud minn dawn il-postijiet. In-numru ta' Assistenti Diretturi li mistennija jinħatru huwa ta' 123. Il-sejħa biex jimtlew dawn il-vakanzi mistennija toħroġ f'dawn il-ġranet. Il-ħatriet għal dawn il-postijiet isiru skond u fuq kriterji li hemm fil-provvedimenti tal-Kostituzzjoni u fir- Regoli tal-Kummissjoni dwar is-Servizz Pubbliku.

Enemalta — Linesmen

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3445 li saret fl-14 ta' Jannar, 1999?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li matul l-1998, il-Korporazzjoni Enemalta impjegat 9 linesmen. Fil-preżent hemm 5 postijiet vakanti f'dan il-grad. Il-proċeduri sabiex jimtlew dawn il-vakanzi inbdew.

Enemalta — Cables tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jirrispondi l-mistoqsija parlamentari numru 3449 li saret fl-1 ta' Jannar, 1999?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li t-talba biex jitneħħew il-cables minn mas-sit indikat mill-Onorevoli Interpellant intlaqgħet is-sena l-oħra stess. Il-cables reġgħu tpoġġew fil-post oriġinali tagħhom wara li tlestew ix-xogħolijiet ta' kostruzzjoni fuq l-imsemmi bini. Ma jirriżultax li dawn il-cables joħolqu xi periklu u għalhekk il-Korporazzjoni ma tarax li hemm il-ħtieġa li jitneħħew.

Djar — Bormla - slum clearance

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx il-ħsieb li jaqa' xi blokk bini fi Triq San Mark, Bormla bħala kontinwazzjoni tal-proġett ta' slum clearance?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li f'dawn il-ġranet beda x-xogħol ta' kejl tal-bini li jinsab bejn Triq Hanover, Triq Santa Liena, Triq l-Irlandiżi u Triq San Mark biex eventwalment ikun jista jsir ix-xogħol tat-tielet fażi tal-progett ta' Sta Liena. Id-deċiżjoni jaqax il-blokk kollu jew parti minnu tittieħed wara li jkun sar 'survey' tal-proprjeta' kollha u jsiru konsultazzjonijiet ma' l-awtorita' ta' l-Ippjanar u l-Kunsill Lokali u għalhekk għadu prematur biex wieħed jgħid eżattament x'ser jiġri f'dan l-istadju. 1.2.99

Pensjonijiet tas-Servizzi

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se tibbenefika l-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament mir-riforma dwar il-pensjonijiet tas-Servizzi?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Membru illi l-persuna minnu ndikata għandha tiġi infurmata mill-uffiċċjal tad-distrett tagħha dwar ir-rata ta' pensjoni tas-Sigurta' Soċjali li qed tirċievi. 1.2.99

Djar — Allokazzjoni ta' postijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tqassmu postijiet mill-5 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Fejn kienu dawn il-postijiet u minn fejn kienu l-persuni li ħaduhom? Taħt liema kategorija (jiġifieri evictees, single parents, homeless, eċċ.) jaqgħu dawk li ngħataw dawn il-postijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba. 1.2.99

Pensjonijiet — Riforma

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament hux se jibbenefika mir-riforma dwar il-pensjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nixtieq ninforma lill-Onor. Membru illi l-persuna minnu ndikata ġiet infurmata bil-miktub dwar ir-rata ta' pensjoni tas-Sigurta' Soċjali li qed tirċievi. 1.2.99

Djar — Requisition

Question

Jista' l-Ministru jgħid fiex waslet it-talba ta' sid post f'Bormla sabiex titneħħa r-requisition bin-numru R/O 44880?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Jien infurmat illi s-sid xtara l-post, li kien jaf li hu rekwiżizzjonat u bin-nies fih, mingħajr ma talab il-permess tad-Dipartiment. It-talba għat-tneħħija tal-ordni ma tistax tintlaqa' qabel jiġi aċċertat li l-inkwilin għandu post ieħor fejn joqgħod. 1.2.99

Benefiċċji soċjali

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3851, filwaqt li: (a) nifhem li l-benefiċċju jrid jiġi kkonsidrat fl-isfond tas-sitwazzjoni finanzjarja; (b) konxja li hawn opinjonijiet differenti fuq din il-proposta; u (ċ) naf x'kienet il-pożizzjoni tal-Partit Laburista qabel l-1996, jista' l-Ministru din id-darba iwieġeb għal dak li staqsejtu jiġifieri x'inhi l-politika tal-Gvern preżenti fir-rigward ta' dak li qal l-Arċisqof ikkwotat f'mistoqsija parlamentari numru 3851?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M'għandi xejn x'inżid mat-Tweġiba li tajt għal Mistoqsija Parlamentari Nru. 3851, ħlief għal fatt illi l-politika ta' dan il-Gvern hi mmexxija mill-prinċipju ta' "Gender Mainstreaming". 1.2.99
Leg 9 PQ #4146 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: HELENA DALLI To: Ministeru għall-Ambjent

Cottonera Rehabilitation Committee — Proġett

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3854, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-proġetti li kien beda l-Cottonera Rehabilitation Committee u li x-xogħol fuqhom qed jitkompla minkejja li dan il-kumitat mhux imwaqqaf?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Fil-Kottonera qiegħed jitkompla xogħol fuq restawr u żebgħa fuq ġewwa tal-Kappella ta' San Ġużepp, Bormla, li tmiss mad-Dar ta' l-Anzjani, restawr u tiswija ta' swar fuq is-sur ta' Sant'Elena, restawr tal-Gardjola u paviment tas-sur ta' San Mikiel, l-Isla, restawr ta' soqfa ġewwa Forti Rikasoli u rranġar ta' ventilaturi f'Couvre Porte l-Birgu. Ma' dan ix-xogħol, qiegħed jitkompla wkoll xogħol ta' disinn għall-irranġar tad-daħla tal-mina ta' Għajn Dwieli u preparazzjoni ta' 'working drawings' u speċifikazzjoni għal xogħol ta' 'landscaping', ġibjun u klabb tal-boċċi fi Pjazza Santa Margerita, Bormla.
Leg 9 PQ #4154 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għas-Servizzi Ekonomiċi

Spiżeriji/kliniċi privati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3341, jista' l-Ministru jgħid x'irriżulta mill-istħarriġ tad-Dipartiment tal-Kummerċ dwar fees minn clinics privati u spiżeriji talli tistenna?

Response (BONNICI, JOSEF)

Jiena nfurmat li mhux il-kompitu tad-Dipartiment tal-Kummerċ kif jagħmel l-istħarriġ li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant.
Leg 9 PQ #4155 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru ta' l-Edukazzjoni

Universita' — Roving Invigilator

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra: Min hu Roving Invigilator li hemm l-Universita' għat-test week ta' Jannar 1999? Min ħatru? X'inhuma d-dmirijiet tiegħu u lil min jirrapporta? Kemm jitħallas? Liema kriterji jintużaw biex jintgħażel dan l-invigilator?

Response (GALEA, LOUIS)

Informat li l-invigilators għall-eżamijiet u t-testijiet ta' l-Universita' jinħatru mill-uffiċju tar-Reġistratur minn fost dawk li juru nteress li jagħmlu dan ix-xogħol u li jkollhom il-kwalifiki u esperjenza meħtieġa. Il-lista ta' l-invigilators ilha tinbena matul is-snin u tkun miżjuda u/jew emendata skond il-ħtieġa. Ma hemm ħadd li hu maħtur speċifikament bħala "Roving Invigilator" iżda għal kull sessjoni u skond kemm-il eżami jkun hemm, xi invigilator/s, li fl-opinjoni ta' l-uffiċjal inkarigat ikollhom il-kwalitajiet u l-esperjenza meħtieġa, ikunu mitluba li jgħinu l-amministrazzjoni biex ikun assigurat li kollox miexi sew (per eżempju li f'kull kamra hemm invigilator/s biżżejjed, li ma jkunx hemm studenti jitħallew jitlajjaw fil-kurituri waqt l-eżamijiet) u li tittieħed azzjoni meħtieġa fejn ikun hemm xi problema. Dawn l-invigilators jitħallsu bl-istess rata ta' l-invigilators l-oħra i.e. LM4 għal kull sessjoni ta' l-eżami.
Leg 9 PQ #4156 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Tarxien — Dar tal-Kejka

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3635, jista' l-Prim Ministru jgħid kif se taħdem is-sistema għad-devoluzzjoni lokali ta' proprjeta' pubblika? Meta se jibda l-proċess u meta hu maħsub li l-ewwel proprjeta' tiġi mgħoddija lil xi kunsill lokali?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

Hija l-intenzjoni tal-Gvern li propjeta pubblika li mhix użata sewwa jew li tista` tiġi utilizzata aħjar għal skopijiet kulturali, soċjali jew turistiċi, għandha tgħaddi b'titolu ta` amministrazzjoni f'idejn il-Kunsilli Lokali. Ninsab infurmat li bħalissa, id-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali qed ikollu taħdidiet mad-Dipartiment ta` l-Artijiet biex jitfassal ftehim legali. Il-Kunsilli Lokali se jkunu mitluba jagħmlu eżerċizzju serju fuq it-talbiet tagħhom, biex jiġi assigurat li dawn huma amministrattivament u finanzjarjament vijabbli. Hu maħsub li dan isir f'qasir zmien.
Leg 9 PQ #4157 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Final From: JOE MIZZI To: Ministeru għall-Ambjent

Recreation Park

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema hu l-ewwel recreation park li se jibda? Jista' l-Ministru jgħid meta hu l-ħsieb li jibda dan il-proġett u meta hemm il-ħsieb li jkun lest?

Response (ZAMMIT DIMECH, FRANCIS)

Ninsab infurmat li l-pjanti għall-bini tan-National Parks għadhom qed jiġu mħejjija mit-Taqsima tax-Xogħlijiet bl-għan li jsiru l-applikazzjonijiet neċessarji lill-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Hekk kif dawn ikunu approvati jkun jista' jibda x-xogħol. Bħala ordni ta' prijorita' qed insegwu: 1. Cottonera Heritage Park 2. Ta' Qali National Park 3. Burmarrad National Park 4. Delimara National Park Nista' nassigura lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħsieb tal-Gvern huwa li dawn l-erba' Parks Nazzjonali jsiru kollha.

Fgura — Triq Ħaż-Żabbar - Tiswija

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se titkompla tiġi rranġata il-kumplament ta' Triq Żabbar, il-Fgura?

Response (GALEA, ĊENSU)

Jien infurmat li x-xogħol indikat mill-Onor. Interpellant ser isir skond il-prijoritajiet tax-xogħol tad-Dipartiment.
Leg 9 PQ #4159 Sitting 58 1999-02-01 Oral · Interim From: JOE MIZZI To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Servizz Ċivili/Korporazzjonijiet — Impjegati

Question

B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3645, jista' l-Prim Ministru jgħid kemm ġew impjegati persuni b'kuntratt jew fuq bażi part-time, casual fil-perijodu: (1) bejn 1989 - 1996; (2) mill-1996 sa l-1998; u (3) minn 1998 s'issa? F'liema kapaċitajiet/gradi ġew ingaġġati dawn in-nies u kemm huma stmati s-salarji globali tagħhom? Jista' l-Prim Ministru jindika meta ħarġet is-sejħa għall-applikazzjonijiet għal kull post?

Response (FENECH ADAMI, EDDIE)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor Interpellant qegħda tinġabar u tingħata tweġiba f'xi seduta oħra.

Djar — Skema Q

Question

Jista' l-Ministru ġentilment jinforma lill-Kamra jekk l-Iskema Q ta' kumpens għall-okkupazzjoni fuq plots maħruġa taħt l-iskema ta' Home Ownership Scheme mill-Awtorita' tad-Djar tippermettix lill-benefiċjarji jagħmlu kuntratt finali simultanjament mal-fidi taċ-ċens rispettiv? Jekk le, jista' l-Minsitru jgħid meta l-Awtorita' tad-Djar se tkun f'pożizzjoni li tagħmel dawn il-kuntratti finali ujsemmi time-frame f'dan ir-rigward?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-iskema 'Q' hija applikabbli għal dawk il-benefiċjarji li l-kuntratt ta' enfitewsi perpetwa għadu ma sarx peress li l-Awtorita' tad-Djar għad ma għandiex titolu legali fuq l-art. Għalhekk il-kuntratt finali ma jistax isir simultanjament mal-fidi. Meta d-Dipartiment ta' l-Art jgħaddi t-titolu legali fuq l-art lill-Awtorita' tad-Djar, l-Awtorita' tkun tista tiffirma il-kuntratt finali. 1.2.99

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li huma reġistrati bħala pensjonanti ġewwa Għawdex, maqsumin raħal raħal li jirċievu xi forma ta' pensjoni? Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom jirċievu pensjoni u kemm hemm f'kull kategorija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi Seduta oħra. 1.2.99

Pensjonanti

Question

Jista' l-Ministru jinforma lill-Kamra kemm hemm persuni li huma rreġistrati bħala pensjonanti ġewwa Ħaż-Żebbuġ (Malta), is-Siġġiewi, Attard, Ħad-Dingli u l-Qrendi li jirċievu xi forma ta' pensjoni? Jista' l-Ministru jgħid kemm minnhom jirċievu pensjoni u kemm hemm f'kull kategorija?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni qed tinġabar u r-risposta tingħata f'xi Seduta oħra. 1.2.99