Jista' l-Ministru jgħid fuq liema kriterji l-ġurnalista tan-"Nazzjon Tagħna" li ismu qed jintbagħat separatament ġie mġiegħel jgħaddi u jagħmel użu mill-VIP arrival lounge ta' l-airport tal-Gudja flimkien ma' persuna oħra meta wasal mat-titjira BA 6938 tal-Bristish Airways fis-7.30 p.m. minn Gatwich nhar is-7 ta' Jannar, 1999?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-ġurnalist ta' 'In-Nazzjon Tagħna' u l-persuna l-oħra li għaliha saret referenza, fid-data msemmija għaddew mill-Gerolamo Cassar VIP Lounge tal-Malta International Airport peress li kienu l-mistednin ta' membru tal-La Valette Club.
Tajjeb li l-Onorevoli Interpellant ikun jaf li kull membru tal-La Valette Club għandu d-dritt jitlob li xi mistieden jew mistednin tiegħu jgħaddi mill-VIP Lounge fi tluq jew wasla fl-ajruport.
Jista' l-Prim Ministru jgħid xi pjani għandu l-Gvern għat-tibdil fil-liġi tal-kunsilli lokali?
Meta beħsiebu l-gvern iressaq dawn it-tibdiliet quddiem il-Parlament?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ir-reviżjoni ta`l-Att ta` l-1993 dwar Kunsilli Lokali, bħal
kull reviżjoni oħra, issir bil-għan li l-provvedimenti
rispettivi jiġu aġġornati biex jirriflettu s-sitwazzjoni
attwali u l-ħtiġijiet tal-mument kif ukoll dawk tal-futur.
Bħalissa għadhom għaddejjin diskussjonijiet fl-
Assoċċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u mill-Assoċjazzjoni
Segretarji Kunsilli Lokali. Wara li dan jintemm, f'qasir
żmien tiġi pubblikata white paper biex wara jitressaq Abboz
li jemenda l-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hux il-ħsieb li jkomplu fuq il-linji tal-gvern preċedenti li jkun hawn workshops adattati għal dawk li jaħdmu l-floats tal-karnival, partikolarment minflok Sant'Iermu li jista' jintuża aħjar għat-turiżmu?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ħsieb li jinbnew workshops adattati għal dawk li jaħdmu l-karrijiet tal-Karnival ilu ħafna magħna u item f'dan is-sens kien diġa' deher fl-Estimi Ġenerali tal-1994 li kien jammonta għall-Lm50,000.
Għaddejja ħidma neċessarja ma'l-Awtorita' ta' l-Ippjanr biex isir Brief u xogħol ieħor neċessarju ħalli jkun jista' joħroġ il-permess. Fl-Estimi ta' din is-sena hemm l-istess ammont li kien ġie provdut is-sena ta' qabel cioe' ta' Lm10,000.
Jista' l-Ministru jgħid jekk dan il-Gvern hux se jimxi mal-pjan tal-Gvern preċedenti rigward ir-rotta ta' l-isfilata tal-Karnival ċioe' li ma tgħaddix min fuq l-art il-ġdida ta' Triq ir-Repubblika? Instab sit alternattiv għal enclosure? Jekk instab, fejn hu maħsub li jintrema'?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-ewwel parti tad-domanda hija fin-negattiv peress li ser tintuża l-istess rotta tas-soltu. Nixtieq ngħid li ttieħdu l-passi kollha neċessarji biex it-tractors kollha involuti jkollhom 'cover' minn taħt sabiex ma jqattru ebda żejt jew diesel fit-Triq ir-Repubblika u postijiet oħra.
Il-Karnival ta' Malta 1999 ser jiġi ċċelebrat fil-Belt Valletta bl-enclosure armat f'Misraħ il-Ħelsien u bi sfilata li tgħaddi wkoll minn Triq ir-Repubblika.
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kienet l-ispiża li ntnefqet f'riċevimenti/ospitalita' xahar b'xahar matul is-sena 1998 ta' kull kunsill lokali f'Malta u f'Għawdex?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali
huma korpi statutorji ta` Gvern Lokali u fil-qadi tal-
funzjonijiet tagħhom jaġixxu skond il-prijoritajiet,
esiġenzi u l-mezzi tagħhom.
Għaldaqstant nissuġġerixxi l-Onorevoli Membru li jirreferi
l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsilli Lokali rispettivi billi l-
funzjoni li qed jirreferi għaliha, fil-fatt hija waħda mir-
responsabbiltajiet tal-Kunsilli.
Jista' l-Ministru jispjega kif l-istudenti ta' l-iskola Ġuże' D'Amato qed ikollhom tliet lezzjonijiet biss f'ġurnata skolastika?
Kif jistgħu dawn it-tfal ilaħħqu ma' syllabus ta' suġġett jekk l-għalliema ma jidħlux jgħallmu jew qatt meta f'ċerti suġġetti qatt ma ngħataw tagħlim?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-istudenti ta' l-iskola Sekondarja Ġuże' Damato f'Raħal il-Ġdid ikollhom seba' lezzjonijiet kull ġurnata skolastika u l-għalliema jmorru jagħtu l-lezzjonijiet regolarment.
Meta xi għalliem ikun marid jiġi sostitut b'għalliem ieħor.
Jista' l-Ministru jara kif fl-iskola kollha ta' Ġuże' D'Amato, Raħal Ġdid għadhom bla għalliema tat-Technical Drawing and Technical Design? Għalfejn dawn l-għalliema huma nieqsa u meta hemm il-ħsieb li jkun hemm għalliema ta' dan is-suġġett?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fl-iskola Sekondarja Ġuże' Damato hemm żewġ għalliema tat-Technical Design u l-istudenti qiegħed ikollhom lezzjonijiet regolari.
Jista' l-Ministru jgħid kif jippermetti 30 tifla/tifel fi klassi waħda tal-Kindergarten, (Primary School), Raħal Ġdid?
Ma jaħsibx il-Ministru li dawn jirrikjedu ħafna attenzjoni u 30 tifel u tifla l-għalliema ma tlaħħaqx magħhom?
Hemm xi ħsieb li dawn it-tfal jinqasmu fi klassi oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li m'hemm ebda klassi tal-kindergarten fl-iskola ta' Raħal Ġdid fejn hemm Kindergarten Assistant waħda ma' 30 tifel u tifla. Hemm xi każi fejn hemm 30 tifla u tifel fi klassi waħda iżda ma' dawn hemm żewġ Kindergarten Assistants.
Jista' l-Ministru jgħid kif ġuvni li meta għalaq 16-il sena u beda jirreġistra applika biex jieħu kors ta' l-aluminium Ħal Far u sal-lum sentejn wara dan il-ġuvni għadhom lanqas għajtulu għal dan?
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru korsijiet mill-ETC, Ħal Far f'sentejn sal-lum? Ta' xiex kienu? Meta kien il-bidu tagħhom u meta spiċċawhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Korporazzjoni tax-Xogħol u Taħrig ma bdietx torganizza korsijiet fix-xogħol ta l-aluminium għax ikkonċentrat fuq bzonnijiet aktar urgenti bħalma huma taħriġ tekniku u fil-qasam ta' l-informatika, u taħriġ għal persuni qiegħda li huma illiterati. Il-Korporazzjoni tikkonsidra tibda dawn il-korsijiet kemm-il darba dawn l-istess korsijiet iwasslu lil persuni qiegħda jsibu mpjieg f'dan il-qasam għax ikun hemm talba għalihom fis-suq tax-xogħol.
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra il-korsijiet li saru mill-ETC fl-1997 u fl-1998. Billi dawn il-korsijiet huma qosra (ta' ftit ġimgħat) diversi korsijiet ta' l-istess tip jibdew u jispiċċaw matul is-sena.
1.2.99
Jaf il-Ministru li fl-iskola primarja tal-Fgura għandhom is-siġġiet kollha skaldi b'detriment li dawn qed iqattgħu ħwejjiġhom?
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ħsieb li dawn is-siġġiet jinbidlu jew jiġu rranġati?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li fil-Fgura hemm żewġ skejjel Primarji. Mill-informazzjoni li ngħatat mill-Kap ta' l-Iskola Primarja A, m'hemm ebda siġġu bl-iskaldi jew f'kundizzjoni ħażina, għaliex kull siġġu li jinstab imkisser jiġi msewwi jew mibdul minnufih.
Il-Kap ta' l-Iskola Primarja B mill-banda l-oħra qed tieħu l-passi meħtieġa biex jissewwew jew jinbidlu sittin siġġu. Il-bqija tal-ħames mitt siġġu li hemm fl-Iskola Primarja B huma f'kundizzjoni tajba.
B'riferenza għar-risposta mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 3078, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma il-kriterji li fuqha għaqda/soċjeta' tingħata għajnuna u assistenza finanzjarja?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-għajnuna u assistenza finanzjarja lil għaqdiet sportivi tingħata għall-parteċipazzjoni f'kompetizzjonijiet Internazzjonali kemm f'Malta u barra, kif ukoll għall-bini u manutenzjoni ta' faċilitajiet. Talbiet għal għajnuniet mhux sostanzjali ta' natura oħra jistgħu jkunu kkunsidrati.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk kienx hemm tibdil fil-Bord ta' Gvernaturi taċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ?
Jekk iva, x'kienu r-raġunijiet għal dan it-tibdil u minn huma l-membri ġodda?
Meta hemm il-ħsieb li l-Liġi dwar iċ-Ċentru ta' l-Arbitraġġ tidħol in vigore?
Kien hemm xi tibdil dwar is-sede taċ-ċentru li kienet diġa' ġiet identifikata f'South Street, Valletta?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li ma kien hemm l-ebda tibdil fil-Bord ta`
Gvernaturi taċ-Ċentru ta` l-Arbitraġġ.
Huwa ppjanat li ċ-Ċentru jiġi inawgurat għal nofs din is-
sena u hu maħsub li l-kumplament tal-liġi tidhol fis-seħħ
sa dak iż-żmien.
Ma kien hemm l-ebda tibdil dwar is-sede taċ-Ċentru.
Jista' l-Ministru jagħti dettalji dwar dħul u ħruġ fil-pension fund għal matul dawn l-aħħar ħames snin?
Sar xi studju mid-dipartiment dwar kemm se tiżdied ir-rata ta' dħul (revenue) u ħruġ (payments) mill-istess fond għal ħames snin li ġejjin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nistieden lill-Onor. Interpellant jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministru tal-Finanzi.
1.2.99
Jista' l-Ministru jgħid wasalx biex jibda x-xogħol fuq Triq il-Kbira San Ġużepp, Ħamrun li fuqu diġa' saru ħafna diskussjonijiet ma' diversi ministri? Jaf il-Ministru li dan kellu jkun il-proġett tal-millenju?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li peress li dan hu proġett tal-Kunsill Lokali l-Onor Interpellant hu mitlub jirreferi l-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jagħti indikazzjoni dwar x'tipi ta' dqiq jagħti b'xejn il-gvern mis-servizzi farmaċewtiċi tiegħu u għal-liema kondizzjonijiet mediċi jingħataw?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Is-servizzi Farmaċewtiċi tal-Gvern jgħati b'xejn żewġ tipi ta' dqiq.
Dawn huma:-
- Dqiq "Gluten Free" li jintuża minn pazjenti li huma "coelic" jiġifieri ma jistgħux jiehdu l-proteina "gluten".
- Dqiq "Low Protein" li jintuża minn pazjenti li huma fuq dieta baxxa fuq proteini, per eżempju li huma morda bil-kliewi.
Jista' l-Ministru jagħti risposta u jgħid jekk il-ħaddiema tad-dipartiment li qed jagħmlu xogħol ta' restawr fuq il-faċċat tal-Bażilika f'Birkirkara humiex jingħataw danger money u jekk le, għaliex?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat illi din mhix materja tad-Dipartiment tal-Mużewijiet.
Jikkonferma l-Viċi Prim Ministru li hemm il-ħsieb li l-persuna li isimha qed jintbagħat separatament terġa tinħatar Ambaxxatur ta' Malta f'xi missjoni diplomatika barra pajjiżna?
Jekk fl-affermattiv, jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid jekk din il-persuna hijiex se tintalab tirrifondi l-flus li rċeviet żejda meta kienet ambaxxatur ta' Malta f'Pariġi u li ma setgħux jintalbu lura legalment minħabba preskrizzjoni, jkollha kredenzjali aħjar din il-persuna jekk tirritorna lill-kaxxa ta' Malta dak li ħadet meta kienet taf li ma kienx tagħha bħala salarju?
Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin — Pubblikazzjoni ta' diskorsi
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru jgħid hemmx il-ħsieb li l-Ministeru bħalma għamel is-sena l-oħra, jippubblika f'volum wieħed id-diskorsi u l-istatements li saru dwar il-politika barranija mill-Ministru/i matul is-sena 1998?
Response (MARCO, GUIDO DE)
L-istampar ta' kotba li jiġbru fihom diskorsi u stqarrijiet dwar politika barranija ta' Ministri responsabbli mill-Affarijiet Esteri mhux regolat la minn proċedura amministrativa, la minn regolament u lanqas minn prassi. F'Settembru 1996, il-Ministeru ta' l-Affarijiet Barranin ippubblika l-ktieb bl-isem "Foreign Policy in the Nineties" li kien selezzjoni ta' diskorsi u stqarrijiet importanti dwar il-politika estera ta' Malta tul l-ewwel nofs tad-Disgħinijiet. Fil-bidu tas-sena li għaddiet, il-Ministeru kien ippublika ġabra oħra ta' stqarrijiet simili li saru bejn Ottubru 1996 sa Diċembru 1997, bit-titlu "Malta's Foreign Policy - Stability, Security, Prosperity". Naħseb li l-valur ta' dawn il-pubblikazzjonijiet qiegħed fl-attwalita' tagħhom fl-iżvilupp u fir-rilevanza li jkollhom għall-politika barranija li miexi biha l-Gvern tal-Gurnata.
Għalhekk is-suppriment ta' l-Onor. Membru qiegħed jiġi konsidrat fil-kontest tal-fuq espost.