Jista' l-Ministru jagħti dettalji fuq kif titħaddem is-sistema tal-filing fid-diabetes clinic? Kemm hemm files irreġistrati f'din is-sezzjoni? Kemm minnhom jiġi regolarment għall-vista taz-zokkor? Kemm minnhom bdew jattendu l-klinika minn Jannar 1998? Kemm idum file biex isir defaulter? Kemm mill-ammont kollu tal-filing huma ta' dan it-tip?
Response (DEGUARA, LOUIS)
L-informazzjoni mitluba fil-Mistoqsija Parlamentari numru 4003 qiegħda tinġabar. Twegiba tingħata f'seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il vettura ġiet kklampjata u/jew ittowjata mis-7 ta' Settembru, 1998 sal-lum? Kemm ġabar flus il-gvern minn l-imsemmija kontravenzjonijiet?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li bejn is-7 ta' Settembru, 1998, u l-31 ta' Diċembru, 1998, in-numru ta' vetturi li ġew ikklampjati u ta' dawk li ġew ittowjati kien ta' 90 u 914 rispettivament.
L-ammont li tħallas rigward dawn il-kontravenzjonijiet kien ta' Lm44,059.
02.02.99
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il persuna li tħaddem negozju għażlet li tibqa' barra mis-sistema tar-refunds li tagħti l-liġi tal-VAT? Kemm-il persuna għadha m'għażlitx jekk se tħaddimx is-sistema tar-refunds jew le?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li m`għandi xejn x`inżid mat-tweġiba li tajt fil-Mistoqsija Parlamentari Numru 4011.
Jista' l-Ministru jgħid jekk komplewx id-diskussjonijiet bejn il-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u l-Planning Authority dwar il-premises tal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ f'St. Francis Revelin? Jista' l-Ministru jgħid jekk hux il-ħsieb tal-Gvern li jħalli l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ fil-premises ta' St. Francis Revelin jew li jsib alternattiva oħra?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li saru xi diskussjonijiet informali bejn is-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ta' l-Edukazzjoni u ċ-Chairman u s-Segretarju ta' l-Awtorita' ta' l-Ippjanar. Qabel ma jinstabu premises alternattivi li jkunu sodisfaċenti għall-partijiet involuti, mhux ser tittieħed deċiżjoni dwar ir-rilokazzjoni tagħhom.
Jista' l-Ministru jgħid fejn waslu d-diskussjonijiet bejn il-gvern u l-Kunsill Studenti Universitarji dwar l-istipendji wara l-istħarriġ li sar mill-istess studenti? X'inhuma l-proposti magħmulin lill-Gvern? Il-gvern beħsiebu jaddottahom kollha?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li l-Kummissjoni Students Stipend Scheme Commission kellha diskussjonijiet mar-rappreżentanti ta' l-istudenti ta' l-Universita', jiġifieri l-Kunsill Studenti Universitarji (KSU), u dawn ukoll ippreżentaw rapport tagħhom b'ġabra ta' "working documents" li ġew studjati mill-Kummissjoni.
Il-Kummissjoni qegħda fl-istadju ta' deliberazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet kollha biex tkun tista' tħejji r-rapport tagħha.
Jista' l-Ministru jagħti breakdown ta' kif se jintnefqu l-flus allokati lid-Dipartiment tat-Toroq vis-a-vis kostruzzjoni ta' toroq ġodda għas-sena 1999? Jista' l-Ministru jgħid f'liema lokalitajiet se jsiru l-imsemmija xogħlijiet mid-dipartiment imsemmi u meta se jibda x-xogħol f'kull lokalita'?
Response (GALEA, ĊENSU)
Il-flus allokati lid-Dipartiment tat-Toroq ser jintefqu kif muri fit-tabelli ppubblikati fl-estimi ġenerali tal-25 ta` Novembru 1998.
Ix-xogħol ġeneralment isir ftit jew wisq fil-lokalitajiet kollha u jitqassam skond ir-riżorsi disponibbli matul is-sena kollha.
Bħalissa d-Dipartiment tat-Toroq qed ifassal il-pjan neċessarju għax-xogħol meħtieġ f`diversi lokalitajiet.
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3959 dwar il-passenger handling fee, jista' l-Ministru jwieġeb l-aħħar żewġ mistoqsijiet li fil-fatt ma weġibx?
Response (BONNICI, JOSEF)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mhux possibbli wieħed jgħid kemm ser iddaħħal aktar il-Malta International Airport miż-żieda fil-passenger service charge għax dan id-dħul jiddependi minn kemm jgħaddu passiġġieri mill-ajruport.
Lanqas huwa possibbli li wieħed jgħid kemm għamlet profitt l-MIA sa l-aħħar ta' l-1998, peress li s-sena finanzjarja tagħlaq fl-aħħar ta' Marzu ta' din is-sena.
Jista' l-Ministru jgħid kif wara ħafna lmenti, mill-Club tal-Boċċi ta' Bormla, fl-inħawi ta' Triq il-Mitħna, fuq ħsarat ta' bozoz u applikazzjonijiet għal bozoz ġodda, għadu ma sar xejn?
Peress li dan il-post jinsab fi dlam u qed ikun ta' abbuż u serq, jista' l-Ministru jgħid meta se jsir ix-xogħol meħtieġ? X'kienet ir-raġuni li damu daqshekk biex isir id-dawl neċessarju?
B'riferenza għall-mistoqsija parlamentari numru 3632, jista' l-Ministru jgħid min qed jagħmel dan l-eżerċizzju?
Jista' l-Ministru jgħid ukoll x'inhuma l-miri ta' dan l-eżerċizzju?
Response (BONNICI, JOSEF)
L-eżerċizzju li għalih qed jirreferi l-Onorevoli Interpellant qed isir mill-Kabinet. Huwa l-għan ta' dan l-eżerċizzju li r-remunerazzjoni taċ-Chairman tkun relatata mar-responsabbiltajiet li tali karigi jesiġu.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li jiswew il-ħsarat li hemm fil-Pixxina Nazzjonali f'Tal-Qroqq?
Response (GALEA, LOUIS)
Naħseb li l-Onor. Interpellant qiegħed jirreferi għall-ħsarat li hemm fil-madum tal-pixxina. Infurmat li din il-ħsara ġiet irranġata mill-kuntrattur oriġinali u għadu ma sar ebda ħlas għaliex għad trid issir evalwazzjoni tar-responsabbilta' għall-ħsarat wara li jiġi mistħarreġ ir-rapport mibgħut mill-konsulenti maħtura għal dan il-għan.
Jista' l-Ministru jgħid kemm mill-persuni li għandhom warrant ta' probation officer qed jaħdmu ma' criminal offenders fil-komunita'?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li n-numru ta' persuni appuntati bħala Probation Officers u li qed jagħmlu dan ix-xogħol hu ta' 5. Ninsab infurmat ukoll li ħarġet sejħa għall-applikazzjonijiet li għalqet fil-15 ta' Jannar, 1999, għall-Probation Officers u Trainee Probation Officers u li issa qed tiġi pproċessata.
02.02.99
Jista' l-Ministru jiċħad jew jikkonferma rapport li deher fil-ġurnal "KullĦadd" nhar l-24 ta' Jannar, 1999 dwar trasferimenti u ħatriet prospettivi b'riħa politika fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni? Dawn se jsiru bħala parti mir-re-engineering exercise li suppost kellu jsir fid-dipartiment?
Response (DALLI, JOHN)
It-trasferimenti li saru dan l-aħħar fid-Dipartiment tat-Taxxi Interni ma kienux biss dawk li ssemmew fil-ġurnal `KullĦadd`. Donnu l-għażla ta` ċerti ismijiet minn dawn il-ġurnali kienet biex titfa l-ħmieġ ħalli xxom ir-riħa.
Iċ-ċaqliq sar minn esiġenzi amministrattivi biss u mhux fuq dirrettiva tal-Ministru kif sar fi żmien meta l-Onor Interpellant kien hu Ministru tal-Finanzi u kif jirriżulta mid-dokument li qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.
Dan iċ-ċaqliq m`għandux x`jaqsam mar-re-engineering li qed jiġi ppjanat għad-dipartiment tat-taxxi nterni.
Jista' l-Ministru jgħid min huma l-membri attwali tal-bord tad-diretturi ta' l-Enemalta, MIMCOL, METCO, MOBC u l-MDC?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-membri tal-boards tal-METCO u l-MOBC huma l-istess li kienu fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti.
Il-membri tal-boards l-oħra huma dawn:
ENEMALTA : Prof. Robert Ghirlando (Chairman);
Prof. Joseph Falzon, Dr. Austin Bencini,
Sur Arthur Ciantar, Sur Simon Vella,
Sur Manuel Borda, Sinjura Marcel Delicata,
Sur Eucharist Mizzi u Sur Alfred Debono (Direttur-Ħaddiem)
MIMCOL/MGI : Sur Ivan Falzon (Chairman;
Sur Tonio Zarb, Sur Michael Mercieca,
Sur Tonio Portughese u Dr. Micahel Tanti Dougall LL.D
MDC : Sur Francis Vassallo (Chairman);
Sur Patrick Catania, Sur Hemry Borg,
Sinjura Helga Ellul, Sur Albert Friggieri, Sur Vincent Galea,
Sur Louis Farrugia, Sur Joe Portelli, ġsur Joe Caruana Curran u
Sur Lawrence Borg.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhu l-pakket sħiħ ta' remunerazzjoni li ġie offrut lil Dr John Grech bħala diriġent ewlieni prospettiv ta' l-awtorita l-ġdida tat-turiżmu?
Response (REFALO, MICHAEL)
Dr. John C. Grech ser jingħata rimunerazzjoni skond il-parametri stabbiliti mill-Gvern għall-Chairmen, mhux eżekuttivi, ta' organizzazzjonijiet Governattivi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-policy attwali ta' l-Enemalta dwar ħruġ ta' permessi għall-pompi ġodda tal-petrol? Huwa minnu li ngħata permess għall-pompa ġdida tal-petrol fil-limiti tan-Naxxar fejn fil-preżent hemm biss car wash? Jista' l-Ministru jinvestiga allegazzjonijiet li d-driver ta' ministru kien involut f'dan l-arranġament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-policy atttwali hija l-istess waħda li kien hemm qabel Settembru 1998.
Jiena nfurmat li fil-każ li għalih qed issir referenza, ma nħareġ l-ebda permess ġdid. Li sar kien li ġie trasferit permess minn pompa ġa' eżistenti f'lokalita oħra għall-post imsemmi mill-Onorevoli Interpellant. Dan il-permess inħareġ fi żmien li l-Enemalta kienet tifforma parti mid-dekasteru ta' l-Onorevoli Interpellant meta kien Ministru.
Dan it-trasferiment sar skond il-provvedimenti ta' paragrafu 'I' tal-ftehim dwar il-Petrol Stations iffirmat fit-18 ta' MArzu 1997 bejn il-Korporazzjoni Enemalta u l-GRTU.
Jiena nfurmat ukoll li f'dan it-trasferiment minbarra l-Korporazzjoni, hemm involuta l-kumpanija li ser topera din il-pompa.
Dwar l-aħħar parti tal-Mistoqsija mhux kompitu tiegħi li nidentifika min ikollu transazzjonijiet kummerċjali mal-Korporazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-bord il-ġdid ta' l-Enemalta huwiex se jimxi fuq il-pjan ta' ħidma taċ-chief executive tal-korporazzjoni jew jekk dan il-pjan huwiex se jiġi mwarrab għax kien tfassal taħt Amministrazzjoni Laburista? Min huwa s-segretarju tal-bord ta' l-Enemalta? Jista' l-Ministru jiċħad jew jikkonferma rapport li deher fil-ġurnal "KullĦadd" li allega mbuttaturi politiċi għal mili ta' ċerti postijiet vakanti fl-Enemalta, fosthom dawk ta' technical officers? Il-postijiet se jimtlew skond il-proċedura stabilita?
Response (BONNICI, JOSEF)
Il-bord il-ġdid ta' l-Enemalta, bħalissa qed ifassal programm ta' ħidma u għalhekk għadu kmieni biex wieħed jgħid jekk huwiex ser jimxi fuq il-pjan imsemmi. Fil-preżent is-Sur Nunzio Darmanin qed jokkupa l-kariga ta' Acting Secretary.
Ma jirriżultalix li hemm xi mbuttatturi politiċi għall-mili ta' ċerti vakanzi fl-Enemalta kif allega l-imsemmi ġurnal. Mili ta' vakanzi jsir skond il-proċedura stabbilita.
Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed isir biex jiġi żgurat li diriġenti tal-Freeport ma jkollhomx konflitt ta' interess fl-għoti ta' kuntratti tal-manutenzjoni tal-krejnijiet fil-Freeport?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-manutenzjoni tal-krejnijiet issir mill-Freeport stess u għalhekk ma narax kif id-diriġenti ta' din il-Korporazzjoni jista' jkollhom konflitt ta' interess.
Jista' l-Ministru jgħid jekk għadux jiffunzjona l-Cottonera Community Development Programme?
Response (GALEA, LOUIS)
Mill-informazzjoni li għandi jidher illi x'laħaq sar is-sena li għaddiet kienet Action Plan. Ma jidhirx illi l-programm kien beda jiffunzjona u jwettaq l-għanijiet tiegħu. Inħoss li jkun xieraq li qabel ma l-inizjattivi imsemmija fl-Action Plan jitwettqu, il-Ministeri konċernati jerġgħu jgħatu ħarsa lejn l-istrateġija u l-implikazzjonijiet tagħha.