Jista' il-Ministru jgħid billi fil-white paper dwar il-privatizazzjoni kienet issemmiet il-possibilita' tal-privatizazzjoni tal-Libjan Arab Maltese Holding Company tista' tgħid xi progress sar f'dan ir-rigward mill-1999 'l hawn?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li għalissa din il-privatizazzjoni mhux qiegħda tiġi kkunsidrata.
Jista' il-Ministru jgħid jekk il-bank ċentrali qed iżommx l-istess tbassir dwar ir-rata ta' tkabbir ta' l-ekonomija Maltija li issemmiet fir-rapport annwali tal-bank jew huwiex il-każ li minn dak iż-żmien 'l hawn din ġiet riveduta 'l isfel?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li jekk jikkonsulta r-rivista ta’ kull tliet xhur tal-Bank Ċentrali ta’ Ġunju 2002 (paġna 6) għandu jsib li t-tbassir tal-Bank dwar ir-rata ta’ tkabbir ta’ l-ekonomija Maltija ma ġietx riveduta ‘l isfel iżda baqgħet l-istess bħal dik li ngħatat fir-rapport annwali tal-Bank, jiġifieri bejn 2.5% u 3%. Minn meta ħarġet ir-rivista mbagħad, saru magħrufa estimi riveduti għall-infieq kapitali tal-Gvern u dan wassal sabiex issa qed titbassar rata ta’ tkabbir għas-sena 2002 li tista’ tilħaq it-3.3%. Wieħed ma’ jridx jinsa pero’ li fil-klima ta’ inċertezza li fiha tinstab l-ekonomija globali bħalissa, it-tbassir ekonomiku huwa eżerċizzju diffiċli ħafna. Għalhekk, kemm fil-fatt tikber l-ekonomija Maltija sa l-aħħar ta’ din is-sena jiddependi mhux ftit fuq kif u meta jirpiljaw il-pajjiżi li magħhom nagħmlu l-kummerċ.
Jista' il-Ministru jgħid sarux xi studji mill-gvern Malti, il-bank ċentrali jew l-MFSC dwar il-european savings tax directive? Jekk iva, tista' tagħti aktar tagħrif dwar dan?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li l-european savings tax directive li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant għadha biss proposta tal-Kummissjoni għal direttiva li tista' tinbidel sakemm issir direttiva. Għalhekk f'dan l-istadju l-Gvern Malti qed josserva l-iżviluppi li qed ikun hemm dwar din il-proposta għal direttiva u meta jkun il-waqt jieħu dawk il-passi li jkun hemm bżonn f'dan ir-rigward.
Jista' il-Ministru jgħid għaliex kien twaqqaf ix-xogħol tal-konkos fl-art tal-laundry f'SVDP? Min ta' l-ordni biex dan ix-xogħol jieqaf meta kien diġa' nbeda?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onor. Interpellanti li x-xogħol tal-konkos fl-art tal-Laundry fl-SVPR waqaf minħabba li kien hemm xogħol iktar urġenti u mistenni jitkompla fil-ġranet li ġejjin.
Jista' il-Ministru jgħid kemm telgħet in-nefqa totali - inklużi passaġġi ta' l-ajru - fuq id-delegazzjoni li inti mexxejt fl-Afrika t'isfel in konnessjoni mal-world summit for sustainable development?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-parti tan-nefqa tad-delegazzjoni mħallsa mill-Ministeru għall-Politika Soċjali li kienet tkopri l-ispejjeż taż-żjara tiegħi u s-segretarju privat tiegħi fil-World Summit for Sustainable Development li nżammet is-South Africa kienet ta' Lm2,348.47. Dwar l-ispiża tal-kumplament tad-delegazzjoni Maltija li kienet immexxija mis-Segretarju Parlamentari fil-Ministeru ta' l-Intern u l-Ambjent mitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid jistgħax jagħti d-dettalji tal-kuntratt tac-CEO il-ġdid tal-Air Malta? Jista' jqiegħed kopja tal-kuntratt fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (BONNICI, JOSEF)
Is-salarju mħallas mill-Air Malta liċ-Chief Executive Officer huwa ta' sittin elf lira fis-sena, li prattikament huwa l-istess bħal dak taċ-Chief Executive tat-Tarzna ta' Bormla kif intqal fit-tweġiba għall-mistoqsija numru 25901. Tajjeb jingħad li l-Gvern preċedenti kien impjega żewġ Chief Executives barranin fit-Tarzna ta' Bormla. Bħal ma sar fil-każ taż-żewġ Chief Executives barranin tat-Tarzna, f'dan il-każ hemm performance allowance kif ukoll xi allowances li għandhom x'jaqsmu ma' rilokazzjoni u abitazzjoni. Dawn it-tip ta' allowances huma normali li jkunu inklużi fil-pakkett tar-remunerazzjoni meta l-ingaġġ isir mis-suq internazzjonali.
Tajjeb jingħad li ċ-Chief Executive Officer ta' l-Air Malta għandu wkoll responsabbilta' fil-kumpanija Azzurrair. Infatti huwa ser jokkupa l-kariga ta' Deputat Chairman. Għal din il-kariga huwa ser jirċievi remunerazzjoni li hija sinifikament anqas minn dik li ser jirċievi mingħand l-Air Malta. Peress li l-Azzurrair topera mis-suq Taljan għal swieq kemm fl-Ewropa kif ukoll barra, kif ukoll peress li għandha shareholders privati, ma naħsibx li jkun fl-interess kummerċjali ta' l-istess kumpanija li nagħti aktar dettalji.
Jista' il-Ministru jara li jitneħħew wires tal-Maltacom li hemm quddiem ir-residenza li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li l-cable li hemm quddiem ir-residenza li qed issir riferenza għaliha hija miżura temporanja u hekk kif jitlesta l-bini mill-ġdid tal-proprjeta' li magħha kien imwaħħal dan il-cable, jerġa' jitqiegħed pulit fuq il-bini l-ġdid.
Jista' il-Ministru jgħid kemm hemm konsulenti mal-MDC? Min huma? Kemm qed jitħallas kull wieħed minnhom?
Response (BONNICI, JOSEF)
Jiena nfurmat li fil-preżent il-Korporazzjoni Maltija ta' l-Iżvilupp għandha erba' konsulenti f'malta u tnejn barra minn Malta. L-informazzjoni mitluba dwar dawn il-konsulenti hija kif tidher hawn taħt:
KONSULENTI LOKALI
KONSULENT PERJODU TA' KONSULENZA AMMONT
Oliver Ellul 1.7.2002 - 30.6.2003 Lm 5,940
Victor J Bugeja P.L. 1.4.2001 - 31.3.2004 Lm 3,795
Dr. Mario Vella 1.5.2001 - 30.4.2003 Lm19,224
FHRD Ltd. 1.2.2002 - 31.1.2003 Lm10,356
KONSULENTI BARRA MINN MALTA
Sean D. Mifsud (fil-Ġappun) 1.1.2002 - 31.12.2002 Lm 7,500
S. Mompalao de Piro (fil-Ġermanja) 1.1.2001 - 31.12.2002 Lm11,040
Il-Korporazzjoni Maltija ta' l-Iżvilupp għandha wkoll ħmistax-il konsulent, bejn lokali u barranin, li jitħallsu success fee għal kull proġett li jirnexxielhom jattiraw lejn Malta u li jkun ġie approvat mill-Korporazzjoni.
Jista' il-Ministu jgħid kemm hemm membri fil-korp tal-pulizija li jinstabu sospiżi? Fuq liema akkużi? Ta' liema rank huma? Meta ġie sospiż kull wieħed? Dawn se jitressqu l-qorti? Minn dawk li diġa tressqu l-qorti meta dehru l-ewwel darba? Hemm xi membri tal-korp li ġew akkużati b'xi reat u li mhumiex sospiżi? X'inhuma l-akkużi?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi t-tagħrif mitlub mill-Onorevoli Interpellant huwa kif jidher fuq it-Tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'riferenza għat-tweġiba għall-mistoqsija tiegħi 35048, jista' jgħid kemm applikaw biex joqgħodu għall-kors ta' spetturi tal-pulizija fl-akkademja? Kemm huma diġa membri tal-korp? Jista' jgħid kemm b'kollox ma ġewx aċċettati minn dawk li applikaw oriġinarjament? Għaliex?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi kien hemm 60 applikant li wieġbu għas-sejħa għal applikazzjonijiet għall-postijiet ta` Spetturi fil-Korp tal-Pulizija li kienet ġiet pubblikata fil-Gazzetta tal-Gvern tal-25 ta` Ġunju 2002. Minn dawn 34 huma membri tal-Korp tal-Pulizija. Dawn l-applikazzjonijiet għadhom qed ikunu pproċessati.
Nirriferi lilll-Ministru għat-tweġiba għall-mistoqsija tiegħi 35047, mis-6908 sid ta' vetturi li ma ħallsux il-liċenzja sa l-aħħar ta' Ġunju, kemm issa ħallsu l-liċenzja? Dawk li għadhom ma ħallsux il-liċenzja tħallew jiġru b'vettura mhux liċenzjata? Ittieħdu passi legali?
Response (GALEA, ĊENSU)
Jien infurmat li mis-6908 sid ta' vettura li ma kienux ħallsu l-liċenzja tal-vettura sa l-aħħar ta' Ġunju 2002, kien hemm 1650 sid li ħallsu l-liċenzja tal-vettura tagħhom sal-31 t'Awissu 2002.
Dawk li għadhom ma ħallsux il-liċenzja tat-triq ma għandhom l-ebda dritt jużaw il-vettura tagħhom fit-triq u jekk jinqabdu jagħmlu hekk jiġu mħarrka.
Id-Dipartiment ma ħax passi legali kontra dawn is-sidien għax qiegħed jipprova metodi alternattivi, bħal l-użu tal-pulizija , biex jirkupra l-flus dovuti lid-Dipartiment. Bħalma wieħed jista jara, s'issa rnexxielna niġbru flus dovuti mingħand 1650 sid ta' vettura.
Jista' il-Ministru jgħid kemm saru rapporti ta' serq lill-management tal-pixxina nazzjonali bejn Mejju u Awissu? X'kienu l-affarijiet misruqa? Min hija l-persuna li hija responsabbli mis-solveljanza tal-ħaddiema tal-pixxina? Jaf li kien hemm ilmenti, anke fil-gazzetti, li għawwiema qed jiksru ir-regolamenti mingħajr ħadd ma jieħu azzjoni u li mhux qed isir tindif kif suppost?
Response (GALEA, LOUIS)
Informat li bejn Mejju u Awissu ta' din is-sena saru 22 rapport ta' serq ta' oġġetti personali mill-Pixxina Nazzjonali.
Ir-responsabbilita` tat-tmexxija (inkluża s-sorveljanza) tal-Pixxina Nazjonali taqa` fuq iċ-Chairman. Ninsab żgurat li l-ħaddiema kollha jagħmlu kemm jistgħu sorveljanza fuq il-post, b'mod speċjali ħdejn iċ-changing rooms u fuq id-deck.
Dwar l-aħħar parti tad-domanda infurmat li kull darba li kien hemm xi ksur ta' regolamenti l-management dejjem ġibed l-attenzjoni ta' l-individwi konċernati. Dawn il-ksur ta' regolamenti ma kienux ta' natura gravi. Informat li t-tindif fuq il-post qiegħed isir kif suppost. Fil-fatt dan l-aħħar saret inspection minn Health Inspector u ma jirriżulta li kien hemm xejn li jista' jkun ta' riskju għas-saħħa.
Jista' il-Ministru jgħid kemm fl-ewwel tmien xhur tas-sena ġew identifikati każi ta' aids? Kemm kien hemm każi ta' HIV positive? X'inhu n-numru totali ta' każi ta' aids u ta' HIV positive li ġew identifikati f'pajjiżna? Kemm minn dawn kienu barranin?
Response (DEGUARA, LOUIS)
Infurmat li fl-ewwel tmien xhur tas-sena 2002 ġew notifikati żewġ każi ta` AIDS u tliet każi HIV positive. Wieħed mill-HIV positive kien barrani.
In-numru totali ta` każi AIDS identifikati f'pajjiżna sa l-aħħar ta` Awissu 2002 kien ta` 53. Il-figuri għall-AIDS huwa għal residenti Maltin biss. In-numru ta` każi ta` HIV positive sa l-aħħar ta` Awissu 2002 kien ta` 197. Minn dawn, tnejn kienu barranin.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kien hemm nies barranin li xtraw residenza Maltija wara li għaddiet l-immigration act (cap 217, sec 7) sal-lum?
Response (DALLI, JOHN)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li mill-bidu fis-seħħ ta' l-attdwar l-Akkwist ta' Propjeta' Immobbli minn Persuni Mhux Residenti (Kap 246) ingħataw ħdax -il elf, mija u ħamsa u tmenin (11,185) permess biex barranin ikunu jistgħu jixtru propjeta' mmobbli hawn Malta.
Wieħed irid iqis li ħafna minn dawk li jkun xtraw propjeta' jerġgħu ibiegħha lill-Malta. Jekk barrani jbiegħ propjeta' lill-barrani ieħor, dan ikollu bżonn permess ieħor.
Għalhekk l-ammont ta residenzi li huma f'idejn il-barranin huma anqas min-numru ta' permessi mgħotija.
Jista' il-Ministru jgħid kemm kienu dawk li xtraw residenza Maltija wara li għaddiet l-immigration act u għandhom il-permess biex jaħdmu Malta, xahar b'xahar, sal-lum?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nitlob lill-Onor. Interpellanti jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' il-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' dawk il-koppji fejn wieħed/waħda mill-koppja hija ta' nazzjonalita barranija li żżewwġu bir-reġistru fis-snin bejn l-1998 sal-lum, sena b'sena?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat illi n-numru ta` dawk il-koppji fejn wieħed jew waħda mill-koppja hija ta` nazzjonalita` barranija li żżewġu fir-reġistru mill-1998 sal-lum, sena b`sena, huwa kif ġej:
Sena
Malta
Għ
awdex
1998
228
4
1999
236
9
2000
224
14
2001
253
8
2002
(sal-lum)
204
13
Jista' il-Ministru jpoġġi kopja ta' ittra mill-UE, fuq il-Mejda tal-Kamra għat-tweġiba li ntbgħatet mill-OPM fuq id-dikjarazzjoni li ħarġet l-UE fuq l-abort fit-8 ta' Lulju 2002?
Response (FENECH ADAMI, EDDIE)
Ninsab infurmat li l-ittra li ntbaghtet mill-Gvern Malti lis-Segretarju Generali tal-Parlament Ewropew ma kienet titlob ebda risposta. L-ittra kienet intenzjonata li tispjega l-pozizzjoni tal-Gvern Malti fir-rigward tar-Rizoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar “sexual and reproductive health and rights”.